Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi — Nursing Aides

Question

B'riferenza għall-appointments li ngħataw riċentement minn Health Assistants għal Nursing Aides, kemm kien in-numru ta' dawk li għamlu l-kors ta' nursing aides u ġew appuntati? Kemm kien in-numru li allavolja għaddew ma ġewx appuntati? Meta hemm il-ħsieb li dawn l-Health Assistants jingħatalhom l-appointment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'riferenza għall-appointments li ngħataw riċentement minn Health Assistants għal-Nursing Aides, fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani, ħmistax għamlu l-kors ta' Nursing Aide u ħamsa ġew appuntati. Dawn kienu żewġ Health Assistants u tlieta Casual Nursing Aides. Health Assistant wieħed ingħatalu l-appointment minn dan id-Dipartiment waqt li l-Health Assistant l-ieħor u l-Casual Nursing Aides ingħatalhom l-appointment mid-Dipartiment tas-Saħħa. Għaxra mill-ħmistax hawn fuq imsemmija għaddew u għadhom ma ġewx appuntati. Biss qed jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex dawn jingħatalhom l-appointment mill-aktar fis possibbli. Fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule, in-numru ta' Health Assistants li ġew appuntati għall-Nursing Aides kien ta' mija ħamsa u ħamsin. Tlieta ma ġewx appuntati. Biss, qed jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex dawn jingħatalhom l-appointment mill-aktar fis possibbli.

Anzjani — Mard mentali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern jikkonsidrax li jestendi s-servizzi għall-anzjani għall-persuni b'mard mentali fil-komunita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi li fil-preżent huma mogħtija lill-anzjani huma mogħtija wkoll lill-persuni bi bżonnijiet speċjali.

Impjiegi — Flexitime

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li dawk li jkunu jaħdmu u jkunu pazjenti ta' mard mentali, jingħataw il-faċilita' ta' flexitime?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'hemm xejn kontra li bi qbil bejn l-imgħallem u l-ħaddiem, ikun hemm sistemi ta' organiżżazzjoni ta' xogħol differenti minn normal, basta ma jsirx ksur tal-liġi tax-xogħol.

ETC — Vettura

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid lil min hija fdata l-vettura bin-numru TFB461 li hija proprjeta' ta' l-ETC? Jista' jara li din il-vettura tibqa' fuq il-premises wara l-ħin tax-xogħol, speċjalment fil-weekends? Veru li l-persuna konċernata se tikkontesta l-elezzjoni għal kunsill lokali tar-Rabat f'isem il-Partit Nazzjonalista?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-vettura msemmija mill-Onor. Nterpellant mhix vettura tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ.

ETC — Spettorat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux veru li fl-ispettorat ta' l-ETC hemm madwar sitt xhur xogħol klerikali b'lura? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jiġġustifika l-fatt li kien hemm ħafna ħaddiema mill-ispettorat li kienu ilhom jingħataw overtime (anke bis-Sibtijiet) minn Settembru 'l hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-Xogħol fl-ispettorat ilu jakkumula għal dawn l-aħħar tlett snin, bir-riżultat li ammont konsiderevoli ta' xogħol amministrattiv waqa lura. Fir-rigward ta' l-"overtime", nixtieq ninforma lill Onorevoli Nterpellant illi l-maġġor parti ta' dan l-"overtime" sar mill-ispetturi biex jinvestigaw rapporti ta' ksur ta' liġi. Għalhekk wieħed jista jifhem ir-raġuni għalfejn ix-xogħol amministrattiv li hemm bħalissa tela' għal dan il-livell. Nassigura lil-Onor. Nterpellant illi kwalunkwe azzjoni li kellha tittiehed knotra dawk il-persuni li b'xi mod kisru l-liġi, speċjalment dawk li jaħdmu u fl-istess waqt jirregistraw għax-xogħol ittieħed b'mod immedjat.

Djar — Furjana - Tiswijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment Bini u Tiswija ta' Djar jistax jieħu ħsieb it-tkaħħil tal-ħajt bejn Block 5, Triq il-Fosos, Furjana u l-ispiżerija taċ-ċentru tas-saħħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Djar — Furjana - Lift

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-blokk ta' appartamenti fi Triq il-Fosos, Floriana, ma ġiex inkluż fost dawk li fihom jista' jiġi stallat il-lift, peress li lift jidħol fl-ispazju bejn it-taraġ f'block 4? Peress li fl-appartament 41, Triq il-Miratur, Furjana toqgħod persuna li saħansitra għandha 98 sena, jista' jara li jiġi stallat lift f'dan il-blokk ta' appartamenti mill-aktar fis?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li jinħtieġ aktar studju dettaljat biex jiġi stabbilit jekk jistax jiġi installat "lift", l-Awtorita' tad-Djar tkun tista' tagħti deċiżjoni finali wara li jiġu impjegati Perit u Mechanical Engineer. Pero, prima facie, jidher li fiż-żewġ każi ma jistax jiġi installat "lift".

Dipartiment ta' l-Anzjani — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment ta' l-Anzjani mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000, id-dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani impjega part time nurse waħda u casual enrolled nurse. Dan l-impjieg ma kellux bżonn ta' ħruġ ta' sejħa għall-applikazzjonijiet. Il-casual enrolled nurse ġiet impjegata wara li temmet b'suċċess kors ta' sentejn fin-nursing.

Dipartiment tad-Djar — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tad-Djar mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta'Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma ġew impjegati l-ebda persuni fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali matul il-perjodu indikat.

ETC — Bdiewa/raħħala/sajjieda

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12708, jista' l-Ministru jgħid f'liema kategorija żdiedu n-numru ta' 286 part-timer fis-settur tal-biedja u/jew tas-sajd reġistrati mal-ETC? Kemm huwa l-ammont tmiem li qed jikkoltivaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Agro-Industrija — Ħaddiema

Question

B'riferenza għall-mistoqsija paramentari numru 12709, jista' l-Ministru jgħid f'liema agro industrija sabu mpjieg fulltime l-449 ħaddiema matul l-1999 fuq is-sena 1998 li minn 1802 l-impjiegi fl-agro industrija żdiedu għal 2351 fis-sena 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ġejt infurmat illi ċ-ċifra ta' 2351 tniżżlet bi żball fil-kolonna mmarkata "Mpjieg Full-Time" u minflok iċ-ċifra l-korretta kellha tkun 1709.

Single Parent Families

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru tas-single parent families illum? Kemm hemm tfal f'dawn is-single parent families? Kemm hemm nisa u/jew irġiel illum li huma l-kap ta' dawn il-familji? Kemm minn dawn il-familji huma hekk minħabba: (a) divorzju; (b) separazzjoni; (ċ) mewt ta' membru ieħor tal-familja jiġifieri widows u/jew widowers; u (d) single unmarried mothers?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-informazzjoni meħuda mill-ktieb "Women & Men 1999" ippubblikat f'Diċembru 1999 mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika, sal-1995, l-aħħar tagħrif miġbur, kien hemm 6582 single parent families li fihom kien hemm 2226 tifel u tifla. Nisa li huma kap f'dawn il-familji kien hemm 5250 filwaqt li rġiel kien hemm 1332. Minn dawn il-familji 190 huma mifruda minħabba divorzju jew annullament, u 1263 minħabba separazzjoni. 4820 familja oħra huma romol. 281 huma single unmarried mothers u 28 huma single unmarried fathers.

Social Security Act — Rati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega ż-żidiet li ġew imħabbra f'Legal Notice 10 of 2000: Social Security Act (Cap 318); increase in the rates of benefits order 2000? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar dawn ir-rati, sena b'sena mill-1990 sas-sena 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rati ta' benefiċċji mitluba minnha dejjem ġew ippublikati u mqegħda fuq il-Mejda ta' din il-Kamra, jew fl-emmendi għall-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) jew permezz ta' Avviżi Legali li jemmendaw l-istess rati. Għalhekk l-informazzjoni mitluba diġa' hija ppublikata.

Impjiegi — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm xahar b'xahar minn Settembru 1999 sa Jannar 2000 ħaddiema, nisa w rġiel separatament li kienu qed jaħdmu fis-settur differenti tax-xogħol fuq din il-bażi:- B'kuntratt definit, b'kuntratt indefenit, fuq bażi ta' casual worker, fuq bażi ta' outworker, fuq bażi ta' apprendist, fuq bażi ta' student, fuq bażi part-time u fuq bażi fulltime?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Impjiegi — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-obbligi ta' min iħaddem u ta' l-impjegat, fir-rigward ta' kondizzjonijiet tax-xogħol, per eżempju: Ħinijiet ta' xogħol u paga minima (skond ix-xogħol li jagħmel), ħlasijiet tas-sigurta' soċjali, income tax eċċ, meta l-impjieg ikun:- B'kuntratt definit, b'kuntratt indefinit, fuq bażi ta' casual worker, fuq bażi ta' outworker, fuq bażi ta' apprendist, fuq bażi ta' student, fuq bażi part-time u fuq bażi fulltime?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Djar — Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tqassmu postijiet mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali minn Settembru sal-lum? F'liema lokalita' kienu dawn il-postijiet? Minn fejn kienu l-persuni li bbenefikaw minn dawn il-postijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella fejn turi kif ġew allokati u mqassma 70 post mill-1 ta' Settembru 1999 sallum.