Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx vakanzi fil-korp tal-pulizija? Jekk iva, x'inhuma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li a bażi tal-'complement' approvat, fil-preżent hemm 94 vakanzi fil-Korp bħala total. Dawn jinsabu fil-gradi ta' Supretendenti, Spetturi, Surġent Maġġur ta' l-Ewwel Klassi, Surġenti Maġġuri, Surġenti u Kuntistabbli.
02.11.98
Jista' d-Dipartiment ta' l-Artijiet jara li l-escalator u l-lift li jġorru l-iskart fis-suq tal-Belt jibdew jiffunzjonaw mill-ġdid mill-aktar fis?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-'escalator' ilu wieqaf mill-bidu ta' din is-sena u ma ssewiex minħabba li ma ġewx provduti flus biżżejjed mill-gvern preċedenti biex isir ix-xogħol neċessarju.
02.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' transfers li saru fid-dekasteru u entitajiet li jaqgħu taħtu mis-6/9/98 sa l-24/10/98?
Response (BORG, TONIO)
Bejn is-6 ta' Settembru, 1998, u l-24 ta' Ottubru, 1998, in-numru ta' 'transfers' li saru fid-dekasteru tal-Ministru ta' l-Intern u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu kien ta' 18.
02.11.98
Jista' l-Ministru jara li dak il-crane li ilu pparkjat fi Triq il-Belt Valletta f'H'Attard (fejn l-għassa tal-pulizija) għal ħafna xhur mingħajr xi użu partikolari jitneħħa, peress li qiegħed jingombra triq li hi ta' ċerta importanza fis-sistema ġdida ta' traffiku li ġiet introdotta f'H'Attard?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-'crane' indikat qed jintuża għal xogħol fit-tul u hu kopert bil-permess meħtieġ. Il-Pulizija ser tieħu l-passi meħtieġa sabiex il-'crane' jitneħħa meta ma jkunx qed jintuża.
02.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati insinwi, bejgħ u trasferimenti ta' proprjeta' u causa mortis (esklużi testmenti) matul l-1998, xahar b'xahar sat-30 ta' Ottubru, 1998?
Response (BORG, TONIO)
In-numru ta' Insinwi Reġistrati fir-Reġistru Pubbliku matul is-sena 1998, xahar b'xahar, hu kif ġej : -
Jannar 1004
Frar 1344
Marzu 1586
April 1446
Mejju 1420
Ġunju 1534
Lulju 1524
Awissu 1247
Settembru 1299
Ottubru (sat-28) 1400
Dawn in-numri jinkludu wkoll it-testmenti. Ninsab infurmat li matul is-sena ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' insinwi eskluż it-testmenti xahar b'xahar.
02.11.98
Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji — Sentenza
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi attwata s-sentenza mogħtija fl-1 ta' Ottubru, 1998, fl-ismijiet George Galea vs l-Kummissarju tal-Pulizija mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sentenza dwar il-każ imsemmi fil-Mistoqsija qed tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-provvedimenti ta' l-Att ta' l-1997 dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni u r-Regolamenti relatati għal każ.
02.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani dwar l-estensjoni tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Il-proprjeta', fejn hemm il-ħsieb li jsir playing field, se tibqa' prijorita' tal-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid jew se tittieħed biex issir estensjoni tal-ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Il-pjani dwar l-estensjoni tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin jinkludu t-tkomplija tax-xogħol (li diġa' beda) fuq id-Diviżjoni l-ġdida li tkun tesa' 36 ċella, bil-faċilitajiet l-oħrajn kollha, bħal 'common rooms', kċina, 'exercise yards', uffiċċji. eċċ. Hu maħsub li din id-Diviżjoni tintuża minn priġunieri żgħażagħ jew priġunieri li daħlu l-Ħabs għall-ewwel darba. Hekk kif jispiċċa dan ix-xogħol jibda x-xogħol fuq ir-'Remand Division' li ser tkun tesa' 164 ċella, bil-faċilitajiet kollha l-oħra neċessarji biex tkun indipendenti mill-bqija tal-Ħabs u li fiha jitqegħdu dawk il-priġunieri mhux sentenzjati. Il-bini ta' din id-Diviżjoni ser tagħti l-possibilita' li ssir klassifikazzjoni iktar effettiva fil-Ħabs u li tissepara priġunieri mhux sentenzjati minn priġunieri sentenzjati biex tiġi rispettata il-qagħda ġudizzjarja u legali tagħhom. Il-proġett tar-'Remand Division' jinkludi fih il-bini ta' blokk amministrattiv għall-Ħabs.
Dawn huma it-tliet proġetti kbar li baqa' pendenti fil-Ħabs u li xogħol fuqhom qiegħed għaddej b'ritmu tajjeb. 'L quddiem meta jitlesta dan ix-xogħol wieħed għad irid jistudja jekk ikun hemmx bżonn jiġu żviluppati aktar faċilitajiet oħra.
Dwar l-aħħar mistoqsija, ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tar-Raħal il-Ġdid f'laqgħa li kellu mad-diriġenti ta' l-Intern fil-11 ta' Mejju, 1998, ġie nfurmat li hemm il-ħsieb li biċċa art biswit il-Ħabs, fuq in-naħa t'isfel tiegħu, tingħata f'idejn il-Kunsill biex tkun żviluppata f'post rikrejattiv minnu. L-arranġamenti dwar dan mad-Dipartiment ta' l-Artijiet għadhom ma ġewx finalizzati.
02.11.98