Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #15630 Sitting 291 2000-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE — European studies

Question

Fuq liema sillabu ta' liema pajjiż fl-Unjoni Ewropea huwa mfassal is-suġġet tal-European Studies li l-gvern irid idaħħal fl-iskejjel sekondarji? Se jkun hemm eżami tas-Sec tiegħu? X'garanzija għandu l-gvern li s-senat ta' l-Universita' se jaċċetta li jkun hemm eżami tas-Sec tiegħu meta ġie imfassal malajr malajr?

Response (GALEA, LOUIS)

a) Informat li Kummissjoni magħmula minn tliet Uffiċjali Edukattivi mid-Dipartiment tal-Kurrikulu għadha kif iffinalizzat l-abbozz tas-sillabu ta' l-Istudji Ewropej intiż għal-livell tas-Secondary Education Certificate. Biex ħadmet fuq dan l-abbozz, din il-Kummissjoni kkonsultat diversi sillabi u programmi minn diversi pajjiżi l-aktar dawk tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda. F'dik il-parti tas-sillabu li tgħamel emfasi fuq il-kontenut, il-Kummissjoni ikkonsultat kemm is-sillabu tal-GCSE 'European Studies'SEG 1161 (li sa l-1998 kien mgħallem fuq il-livell ordinaru), ukoll kif issa ġie żviluppat u mħaddem fuq livell intermedju (magħruf bħala Advanced Special). F'dik il-parti tas-sillabu li tagħmel emfasi fuq ħiliet u attitudnijiet, il-Kummissjoni mhux biss rat l-istess programmi ta' l-Associated Examining Board, imma ħadet ukoll xi idejat mill-proġett imsejjaħ 'In Search of Europe' kif żviluppat u mħaddem mill-ko-awturi Gerry Jeffers u Mary-Anne Halton. Dan it-tagħrif u ieħor, l-Uffiċjali Edukattivi inkarigati, ġabruh kemm minn siti fuq l-internat (ngħidu aħna, minn www.european-studies.org.) kif ukoll b'kuntatti elettroniċi (ara Gerry Jeffers: ty@blackrock-edu.ie) u anke permezz ta' laqgħat man-nies konċernati fil-Blackrock Education Centre, f'Dun Laoghaire, Dublin, l-Irlanda. b) Is-Sillabu ta' ll-Istudji Ewropej huwa maħsub bħala għażla li l-istudenti jagħmlu ma' tmiem it-tieni sena fil-Junior Lyceums. Huwa imfassal biex jinħadem fuq perjodu ta' tliet snin li jwasslu għall-eżami tas-SEC. c) Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha r-rappreżentanti tagħha fuq il-Bord tal-MATSEC li qed jaħdmu id f'id ma' l-uffiċjali ta' l-Universita` ta' Malta biex l-abbozz finali jitressaq għand is-Senat fl-iqsar żmien possibbli.
Leg 9 PQ #15631 Sitting 291 2000-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — European studies

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex se jkun jikkonsisti s-sillabu tal-European Studies li se jiddaħħal fi skejjel sekondarji? Kif se jitħarrġu l-għalliema biex jgħallmu dan is-suġġett? Kemm se jingħataw taħriġ? Min se jħarriġhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li Kummisjoni magħmula minn tliet Uffiċjali Edukattivi mid-Dipartiment tal-Kurrikulu qegħdin bħalissa jiffinalizzaw l-abbozz tas-sillabu ta' l-Istudji ta' l-Ewropa fil-livell tas-SEC. Ma' dan is-sillabu qed jitlesta wkoll sillabu għall-iskejjel li jibda jaħdem bħala għażla ta' suġġett ta' speċjalizzazzjoni fil-klassijiet sekondarji tat-Tielet Sena. Dan ta' l-aħħar ikun parti minn kors ta' tliet snin li jwassal għall-eżami tas-SEC li hemm ħsieb li jsir għall-ewwel darba fis-sena 2003. L-abbozz tas-sillabu jkunu tlestew sal-bidu ta' Mejju. Is-Sillabu se jkun maqsum f'ħames temi ewlenin u kull tema tkun maqsuma f'sezzjonijiet marbutin magħha. It-temi ewlenin huma: a) Poter u l-popli Ewropej b) Żvilupp ekonomiku u tibdil fl-Ewropa c) Demografija u realtajiet soċjali fl-Ewropa d) L-Ewropej u l-Ambjent ta' madwarhom d) Kulturi Ewropej Għall-fini ta' dan is-sillabu l-Ewropa hija meqjusa li testendi mill-Baħar l-Abjad fit-Tramuntana sal-Mediterran, inkluż il-gżejjer u mill-Atlantiku fil-Punent sa l-Urali fil-Lvant. L-assessjar fis-SEC isir permezz ta' żewġ karti (1 u 2A jew 2B) (li jkunu maħsubin biex jassessjaw l-għerf u fehma tal-kontenut), u 'coursework' jew proġett pro-attiv (maħsub biex isaħħaħ il-ħiliet u l-attitudnijiet). Informat ukoll li l-għalliema ta' dan is-suġġett sejrin jingħażlu u se jkunu mħarrġa skond l-ittra ċirkulari DPD 30/2000 datata 30/3/2000 u li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta. It-tliet uffiċjali li ħadmu fuq dan is-sillabu flimkien ma' nies kompetenti oħra mill-Universita` u mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed jaħdmu fuq programm ta' taħriġ li għandu jibda jitwettaq minn dawn l-istess nies minn Mejju 2000.
Leg 9 PQ #15632 Sitting 291 2000-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Libreriji Pubbliċi

Question

Peress li l-Ordinanza tal-Libreriji Pubbliċi (Kapitlu 92) tinkludi sheet of music li tiġi depożitata bħal kull ktieb, ġurnal ... li joħroġ legalment, fl-aħħar għaxar snin kemm kien hemm kompożizzjonijiet mużikali lokali li ġew depożitati f'libreriji pubbliċi lokali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-aħħar għaxar snin ma ġew dopożitati ebda 'sheets of music' ta' kompożizzjonijiet mużikali lokali, fil-libreriji pubbliċi lokali. Informat ukoll li ma jirriżultax li fil-perjodu msemmi ġie stampata u ppubblikata f'Malta mużika li b'hekk kienet trid tkun depożitata skond kif titlob l-Ordinanza tal-Libreriji Pubbliċi (Kapitlu 92). Irriżulta, iżda, li l-kopmpożizzjonijiet mużikali Maltin (lokali), normalment jinqraw minn fuq manuskritti u fotokopji ta' manuskritti u mhux minn fuq 'sheets of music' stampati u ppublikati.
Leg 9 PQ #15725 Sitting 291 2000-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kanzunetta għall-Ewropa — Video

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ipproduċa l-video għal kanzunetta rebbieħa tal-festival tal-kanzunetta għall-Ewropa? Saret sejħa għal offerti? Jikkonferma li fuq il-kumitat għal kanzunetta għall-Ewropa hemm impjegat, li ismu qed jintbagħat separatament, tal-picture box li pproduċiet il-video? Dan jista' jitqies bħala konflitt ta' interess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-"Video Clip" tal-Kanzunetta "Desire" li ser tirrappreżenta lil Malta fil-45 Edizzjoni ta' l-Eurovision Song Contest ġie prodott, bħal f'xi okkażjonijiet oħra, mill-Kumpanija "Picture Box", wara li l-ewwel il-PBS ġie offrut jipproduċu l-video huma iżda ma aċċettawx. Kemm ilhom isiru dawn il-videos, taħt kull amministrazzjoni, qatt ma ġew mogħtija bl-offerta. Informat ukoll li l-persuna ndikata hija mpjegata tal-"Picture Box". Iżda l-kumitat tal-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa ma jidhirlux li hemm każ ta' konflitt ta' interess peress li l-ftehim sar mal-mexxejja tal-Kumpanija "Picture Box".
Leg 9 PQ #15726 Sitting 291 2000-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tindif

Question

Peress li ċerti skejjel, per eżempju, Teresa Nuzzo tal-Ħamrun u Ġanni Cilia ta' l-Imġarr, m'għandhomx staff biex inaddfu u hemm fejn qed ikollhom inaddfu l-istudenti jew il-ġenituri, jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex ikollhom l-istaff meħtieġ biex iżommu l-iskejjel indaf?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, qed jittieħdu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #15628 Sitting 290 2000-05-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studji tar-Restawr

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti li juru li hemm xi relazzjoni statutorja bejn iċ-Ċentru għall-Istudji tar-Restawr u l-Universita' ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Kopji ta' l-Istatut iffirmat bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Universita` qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #15629 Sitting 290 2000-05-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Working Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu mill-ministeru bejn Frar 1999 u Frar 2000 biex jibda jimplimenta r-rakkmandazzjonijiet li aċċetta mir-rapport li għamillu l-Working Committee li ħatar f'Ottubru 1998 u li ressqulu fi Frar 1999?

Response (GALEA, LOUIS)

F'Ottubru 1998 innominajt żewġ kumitati: a) Students Stipend Scheme Commission, u b) MATSEC Analysis Facilitating Board. Napprezza indikazzjoni liema minn dawn jinteressaw l-Onor. Kollega minħabba li ebda Rapport mhu datat Frar 1999.
Leg 9 PQ #15574 Sitting 289 2000-05-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-diviżjoni għall-edukazzjoni għandhiex xi kontroll fuq eżamijiet ta' barra, bħalma huma dawk ta' l-Universita' ta' Londra u l-IGCSE (International General Certificate of Secondary Education)? Hemm xi kontroll fuq il-miżati mħallsa għal kull eżami, għaliex xi ġenituri lmentaw miegħi li kellhom iħallsu Lm18 għal kull eżami? Id-diviżjoni tiġi nfurmata dwar l-organizzazzjoni, numru ta' studenti li joqogħdu għall-eżami, eċċ? Ir-riżultati jintbagħtu lid-diviżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandha ebda kontroll fuq l-eżamijeit ta' barra. Filfatt huwa d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet li huwa biss l-aġent ta' Universitajiet Barranin. Għar-rigward tal-miżati, informat li d-Dipartiment kull ma jagħmel huwa li jikkonverti l-miżati mitluba mill-Universitajiet barranin għal liri Maltin skond ir-rata tal-Kambju. Għall-eżamijiet tas-Sajf 2000, l-Universita` ta' Londra iffissat miżata ta' 24 lira sterlina (Lm15.80) għall-eżamijiet f'livell ordinarju u 44 lira sterlina (Lm28.85) għall-eżamijiet f'livell avvanzat. Fl-aħħarnett informat li, għar-rigward ta' l-organizzazzjoni, numru ta' studenti u r-riżultati miksuba, id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ikollu konsultazzjonijiet mal-Kapijiet ta' l-iskejjel li jkunu se jkunu ċentri ta' l-Eżamijiet. Dawn jiġu informati bid-dati u bin-numru ta' studenti allokati f'dak iċ-Ċentru partikolari. Kopja tar-riżultati tintbagħat lill-iskejjel rispettivi li jressqu studenti għall-eżamijiet u kopji oħra jinżammu fid-Dipartiment għall-użu ta' min ikun jeħtieġhom, inkluż allura uffiċjali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #15575 Sitting 289 2000-05-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14846 dwar studenti għalliema fi skejjel tal-Knisja u Indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14846 f'Seduta 276.
Leg 9 PQ #15930 Sitting 289 2000-05-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħ'Attard

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol li qiegħed ( u ilu) jsir fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hu ppjanat li x-xogħol fuq il-bini tas-sala ta' Ħ'Attard u xogħlijiet ta' finitura u servizzi elettriċi u mekkaniċi huma antiċipati li jitlestew sa l-aħħar ta' Diċembru 2000. Fil-preżent għaddej xogħol ukoll fuq ilqugħ ta' ilma tax-xita li hu antiċipat li jitlesta sa l-aħħar ta' Settembru 2000.
Leg 9 PQ #15567 Sitting 288 2000-05-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Issa li reġa' għadda xahar ieħor mindu l-Ministru wieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14461 dwar kodiċi ta' l-ilbies ta' l-għalliema billi qal li se toħroġ ċirkolari dwar dan fil-futur qarib, jista' jgħid jekk hemmx xi żviluppi?

Response (GALEA, LOUIS)

Iċ-ċirkulari li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru ħarġet nhar it-3 ta' Marzu 2000. Kopja tagħha ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Leg 9 PQ #15828 Sitting 288 2000-05-08 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Maria Assunta - Fund raising

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx bid-diversi attivitajiet ta' fund raising fejn studenti qed jiġu mitluba li jagħtu donazzjoni ta' 50c ta' kull darba, biex jinġabru l-fondi għal Maria Assunta Secondary School? Jista' jgħid hux se jingħata rendikont uffiċjali tal-flus li nġabru u jekk l-Ministru tax l-approvazzjoni għal dan? Jista' jgħid hux qed jittieħed in konsiderazzjoni li għadd ta' ġenituri ta' dawn l-istudenti qed ikomplu jintagħfsu finanzjarjament, minħabba dan it-tip ta' fund raising?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li waqt attivita` li saret fl-iskola Maria Assumpta fit-18 ta' April, li għaliha kien mistieden Fabrizio Faniello, l-istudenti ġew mitluba jħallsu 50c biex jattendu x-show fejn kanta l-istess Fabrizio Faniello. Informat ukoll li għalkemm il-Kap ta' l-iskola ma tatx rendikont tal-flus li nġabru, dawn il-flus ser jintużaw għall-kiri ta' kostumi għar-rappreżentazzjoni f'jum il-premjazzjoni. Fil-kwadru tal-policy ġenerali li biha l-iskejjel qed ikollhom aktar awtonomija fit-tmexxija tagħhom, ma jirriżultax li dan kien każ fejn jinħtieġ permess mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #15907 Sitting 288 2000-05-08 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — IT Certificate

Question

B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 15605, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-għalliema magħżula huma kwalifikati bħala għalliema mill-Universita' u kemm minnhom huma casual teachers? Minn dawk li ma ntgħażlux kemm hemm għalliema kwalifikati u kemm hemm casual teachers?

Response (GALEA, LOUIS)

B'referenza għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 15605, informat li dawk l-Għalliema li ġew magħżula kollha kellhom il-kwalifiki meħtieġa mill-Fakulta` ta' l-Edukazzjoni, ta' l-Universita` ta' Malta, u ebda wieħed minnhom m'huwa Casual Teacher. Informat ukoll li dawk li ma ntagħżlux kienu kif se nsemmi: * Waħda Kindergarten Assistant * Tnejn Supply Teachers * Waħda Għalliema fi Skola tal-Knisja * Erbgħa Facilitators * Tnejn Part-time Instructors
Leg 9 PQ #15940 Sitting 288 2000-05-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pulizija — Birgu - Party

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 15796 li oriġinarjament saret lill- Ministru ta' l-Intern u li ġiet riferuta lilu u cioe: Jikkonferma jekk fis-16 ta' April, 2000 fil-berġa ta' l-Inglizi, illum librerija fil-Birgu, saritx xi attivita' ta' party? Għand min qegħdin iċ-ċwievet u min jieħu ħsieb dan il-post? Mingħand min ingħata l-permess li jsir dan il-party f'post tal-gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li nhar is-16 ta' April 2000 ma saret ebda attivita` ta' party. Kemm il-persuni li jieħdu ħsieb il-Librerija Reġjonali fil-Berġa ta' l-Ingliżi u kemm l-awtoritajiet tad-Dipartiment ma kellhom ebda talba biex issir attivita` bħal din imsemmija. Iċ-ċwievet tal-post jieħdu ħsiebhom l-impjegati li jaħdmu fuq il-post jiġifieri Casual Library Assistant li għandha r-responsabbilta` tal-Librerija u General Hand li jieħu ħsieb il-manteniment tal-post u tindif.
Leg 9 PQ #15460 Sitting 287 2000-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Faċilitajiet rikreattivi

Question

Jista' l-Ministru jappoġġja t-talba ta' dawk - dokument qed jintbagħat separatament - li jixtiequ li sit li jista' jiġi żviluppat għal faċilitajiet rikreattivi u sportivi ma jingħatax lil min irid jagħmel pompa tal-petrol fil-post b'detriment għall-facilitajiet sportivi eżistenti u għall-iskola tal-gvern fil-viċin?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Membru għal Risposta 14678 mogħtija mill-kollega l-Onor. Ministru ta' l-Intern, inżid li ninsab informat li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ma għandux ta' żvilupp fis-sit konċernat għax is-sit ma jaqax fil-kriterji stabbiliti. Għar-rigward tad-detriment imsemmi jidhirli li għandi noqgħod fuq id-deċiżjoni meqjusa ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, li nifhem li tkun ukoll qed tieħu in konsiderazzjoni l-pożizzjoni dikjarata tal-Kunsill Lokali.
Leg 9 PQ #15562 Sitting 287 2000-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu Nazzjonali — Sotto kumitati

Question

Jikkonferma l-Ministru li twaqqfu sotto-kumitati biex jiddiskutu l-implimentazzjoni ta' partijiet tal-kurrikulu nazzjonali? Jista' jagħti lista tal-membri ta' dawn is-sotto-kumitati? Meta għandhom jippreżentaw ir-rapport finali tagħhom? Xi jkun il-pass li jmiss wara li jsir dan ir-rapport finali?

Response (GALEA, LOUIS)

Nikkonferma li twaqqfu 18-il Sotto-Kumitat biex jiddiskutu l-implimentazzjoni ta' partijiet tal-Kurrikulu Nazzjonali. Lista ta' dawn il-Kumitati ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta. Dawn il-Kumitati mistennija jippreżentaw ir-rapporti finali sa l-aħħar ta' Mejju. Il-pass li jmiss hija Konferenza Nazzjonali li fiha jiġu ppreżentati u diskussi dawn ir-rapporti.
Leg 9 PQ #15800 Sitting 287 2000-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċelebrazzjonijiet tal-Millennju — Furjana

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar l-irranġar tal-ground tal-football fil-Furjana wara li dan intuża għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-millennju? Kemm hu stmat li jrid jintnefaq b'kollox biex il-ground jiġi għalli kien?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi għat-Tweġiba li tajt għal Mistoqsija numru 15650.
Leg 9 PQ #15801 Sitting 287 2000-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

B'riferenza għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija tiegħi numru 15047, matul din is-sena skolastika, kien hemm skejjel tal-gvern, indipendenti u tal-Knisja li rrapportaw lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li keċċew u/jew issospendew studenti tagħhom? Jekk fl-affermattiv, minn liema skejjel tkeċċew/ġew sospiżi? Għal-liema raġunijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mill-bidu ta' din is-sena skolastika mill-iskejjel statali ġew irrappurtati lil din is-sezzjoni ħames studenti li kienu ġew sospiżi mill-kap ta' l-iskola minħabba 'disruptive behaviour'. Ebda student mill-iskejjel indipendenti u tal-knisja ma ġew irrappurtati li ġew sospiżi. Ma jidhirlix li għandi niżvela l-ismijiet ta' l-iskejjel li rrappurtaw dawn il-każi.
Leg 9 PQ #14122 Sitting 286 2000-05-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sliema — Skola Alfons Maria Galea

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol ta' manutenzjoni u xogħol ieħor, li mill-mistoqsija parlamentari numru 8229 kien ġie mwiegħed li se jitlesta sa Frar 2000, għadu ma tlestiex u partijiet minnu lanqas biss inbeda? Jista' jgħid x'ikkaġuna dan id-dewmien? Jista' jintervjeni għaliex dan id-dewmien qiegħed joħloq inkonvenjent lill-istudenti ta' din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-partijiet mix-xogħol imsemmi fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8229 u in partikolari dak fuq il-faċċata inbeda pero` kellu jieqaf għal xi żmien peress li kien meħtieġ li tinkiseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa mid-Direttur tal-Kuntratti sabiex isiru xogħlijiet addizzjonali mhux kontemplati mill-kuntratt, li pero` huma ta' ħtieġa kbira għall-istruttura tal-faċċata. Informat ukoll li x-xogħol tal-faċċata m'hu joħloq ebda inkonvenjent lill-istudenti ta' l-ex-skola sekondarja peress li din l-iskola ilha mingħajr studenti kważi sentejn. Għaldaqstant ma jeżisti ebda periklu jew inkonvenjent għall-istess studenti.
Leg 9 PQ #14198 Sitting 286 2000-05-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar bejn l-1987 u l-1996 mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħal ma kelli l-okkażjoni nirrispondi f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.