Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bini ta’ toroq residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq residenzjali se jiġu mibnija mill-ġdid, sena b' sena, matul din is-sena u s-sena li ġejja? It-tenders ta' dawn ix-xogħlijiet ħarġu? Jekk fin-negattiv, meta se joħorġu t-tenders relatati? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq residenzjali li ser jiġu mibnija mill-ġdid, li jagħmlu parti mill-programm tax-xogħlijiet li għaddej bħalissa huma elenkati hawn taħt: 1. Bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fi: · Triq bejn Triq il-Mellieħa u Triq Dun Manwel Grima, Mellieħa · Triq Garrick, Marsa · Triq il-Kaċċa, Żebbuġ · Triq Karlu Darmanin, Mosta · Triq il-Misqa, Żabbar · Triq Nerik Xerri, Kirkop · Triq Romano Carapecchia/Triq Sigismonda Savona, Fgura · Triq it-Tempesta, Qrendi · Triq Xatbet l-Art, Attard 2. Ix-xogħlijiet li nbdew imma kelhom jitwaqqfu temporanjament huma elenkati hawn taħt: · Triq Butcher May, Iklin minħabba ħtieġa ta’ xogħol addizzjonali · Triq Espedito Deguara, Żurrieq minħabba ordni tal-qorti · Triq l-Intornjatur, Mrieħel Industrial Estate minħabba ordni tal-qorti · Triq Ġorġ Sammut, Żurrieq minħabba ħtieġa ta’ easement · Parti minn Vjal it-Torri, Gudja minħabba ħtieġa ta’ xogħol addizzjonali · Triq it-Trill, Mellieħa minħabba ħtieġa ta’ culvert tal-ilma 3. Ix-xogħlijiet li ġew aġġudikati u li għandhom jibdew fil-ġimgħat li ġejjin huma elenkati hawn taħt: · “Physically Handicapped Rehabilitation Fund”, Paola · Triq il-Qasab, Mellieħa · Triq ir-Rummien, Rabat · Triq Salvu Buhagiar, Marsaskala 4. Parti minn Triq ġdida fi Triq San Mikiel, Żurrieq għadha fl-istadju preparatorju minħabba li bħalissa għaddej il-proċess ta’ esproprjazzjoni 5. Ix-xogħlijiet li bħalissa qed isir ix-xogħol preparatorju tagħhom sabiex tinħareġ sejħa għall-offerti huma elenkati hawn taħt. Sakemm ma jinstabux problemi li l-Awtorita’ ma jkolliex kontoll fuqhom u sakemm l-obbligi kollha tal-iżvilipputari huma mwettqa, huwa ppjanat li jibdew jinħarġu s-sejħiet għall-offerti fl-aħħar kwart tas-sena sabiex x-xogħlijiet ikunu jistgħu jibdew lejn l-aħħar ta’ din is-sena: · Triq ġdida fi Triq Dun Salv Sciberras, Żabbar · Triq Gadrajja, Marsa · Sqaq Gurgier, Birżebbuġa · Triq Ġorġ Mifsud Chircop, Qormi · Triq N. Cottoner, Zabbar · Triq il-Qortin, Mellieħa · Triq Żebbuġ, Kalkara · Triq Wied il-Knejjes, Luqa · p/o Triq Ġammari Zammit, Żurrieq Bħalissa qegħdin isiru pjanijiet għas-snin li ġejjin biex il-Gveern ikollu pjan ċar ta’ toroq meta ser jibdew, kemm ser jiswew u meta jispiċċa x-xogħol fuqhom.

Bini ta' toroq arterjali u distributorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xogħlijiet ta' bini mill-ġdid ta' toroq arterjali u distributorji pprogrammati għal din is-sena u għas-sena d-dieħla? Jekk fl-affermattiv, it-tenders ta' dawn ix-xogħlijiet ħarġu? Jekk it-tenders għadhom ma ħarġux, meta hu pprogrammat li joħorġu t-tenders relatati? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa Transport Malta għaddejja bix-xogħol fi Triq Diċembru 13 filwaqt li qed issir l-aġġudikazzjoni tat-tender għall-kostruzzjoni ta’ Triq il-Kosta minn Pembroke sa Kennedy Grove. Ix-xogħlijiet fuq triq il-Kosta mistennija li jieħdu madwar tnax il-xahar minn meta jibdew sabiex jitlestew. It-tenders għax-xogħlijiet fuq Kappara Junction huma skedati li joħorġu lejn l-aħħar kwart tas-sena u hu ppjanat li ix-xogħlijiet jibdew fit-tieni nofs tas-sena id-dieħla bit-tlestija tax-xogħlijiet għall-aħħar tas-sena 2015. Sadattant, bħalma jsir fuq bażi kontinwa, qed isir eżerċizzju mill-periti responsabbli mir-reġjuni biex jiġu identifikati l-partijiet tat-toroq arterjali u distributorju li jeħtieġ isir fihom intervent ta’ major patching, liema xogħol isir fi programmi regolari minn żmien għal żmien.

Stallazzjoni ta’ Speed Cameras

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’deċiżjonijiet ittieħdu jew qed jiġu kkunsidrati minn Transport Malta dwar stallazzjoni ta’ speed cameras? Kemm talbiet pendenti għal speed cameras u fejn? Meta u fejn hu mistenni li jitwaħħlu speed cameras fit-toroq arterjali u distributorji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed issir analiżi sabiex tittieħed l-aħjar deċiżjoni fit-twaħħil ta’ speed cameras. L-applikazzjonijiet għal speed cameras li ġew sottomessi għall-evalwazzjoni ta’ Transport Malta mill-kumitati reġjonali huma: North Regional Committee: Triq is-Salini, Naxxar (triq arterjali) South Regional Committee: Triq Għar Dalam, Birżebbuġia (triq distributorja) South-East Regional Committee: Triq Wied il-Għajn, Żabbar (triq distributorja) Triq Anton Buttigieg, Żejtun (triq lokali) Triq Sant’Anna, Floriana (triq arterjali) Gozo Regional Committee: Triq il-Papa Ġwanni Pawlu II, Victoria (triq arterjali) Triq l-Imġarr, Għajnsielem (triq arterjali)

Każ dwar Struttura

Question

Jista’ l-Ministru jghid jekk Transport Malta tatx il-kunsens tagħha biex tittella’ l-istruttura li ttellgħet quddiem il-lukanda li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li qed tokkupa spazju li qabel kien jintuża għall-parkeġġ pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess għall-istruttura li għaliha qed jirreferi, kif ukoll għat-tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet, inħareġ minn Transport Malta fis-27 ta’ Frar 2013, għaxart ijiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali. Nixtieq inżid li fil-file ma nstab xejn iktar jekk kienx hemm xi oġġezzjoni mill-Ministeru tal-MRRA jew mill-Ministeru responsabbli għall-okkupazzjoni tal-parkeġġ pubbliku. Bħalissa fejn jidħol parkeġġ qed isir xogħol fuq pjan komprensiv dwar il-parkeġġi fiż-żoni differenti tal-pajjiż.

Il-Mellieħa – Triq it-Trill — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li x-xogħol ta’ tarmak fi Triq it-Trill fil-Mellieħa twaqqaf wara li kien diġà beda x-xogħol? Jekk fil-fatt twaqqaf dan ix-xogħol, huwa konxju l-Ministru dwar l-inkonvenjent li se jinħoloq lil dawk li se jkunu qed jiffrekwentaw din iż-żona matul ix-xhur tas-sajf, apparti r-residenti li jgħixu hemm b’mod permanenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fi Triq it-Trill, Mellieħa kellu jitwaqqaf temporanjament minħabba li l-fatt li waqt ix-xogħlijiet instab li kien hemm bżonn li jiġi estiż u jitkabbar culvert tal-ilma eżistenti. Dan sabiex titnaqqas il-problema tal-ilma tax-xita li jgħaddi minn din it-triq. Dan ix-xogħol għandu jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif ikun hemm l-approvazzjonijiet kollha meħtieġa. Sakemm dan iseħħ, il-kuntrattur ġie mqabbad biex ixarrab il-wiċċ tat-triq minħabba t-trabijiet.

Il-Mellieħa – Triq il-Qortin — bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Qortin fil-Mellieħa, liema proċess kien inbeda mill-amministrazzjoni preċedenti? Jeżisti timeframe sa meta għandha tkun lesta l-imsemmija triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tas-sejħa għall-offerti li nħarġet f’Ġunju tas-sena l-oħra għal din it-triq ma kinitx konklussiva u bħalissa Triq il-Qortin qegħda fl-istadju ta’ ppjanar sabiex tinħareġ sejħa għal offerti oħra. Qegħdin jiġu kkonsultati diversi entitajiet biex jiġu aġġornati x-xogħlijiet tas-servizzi meħtieġa. Ġie deċiż ukoll biex fil-ġimgħat li ġejjin ssir investigazzjoni biex ikun dettaljat iżjed it-tip ta’ terran li jeżisti fl-istess triq. Sakemm ma jkunx hemm xi problemi oħra, huwa ppjanat li s-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet meħtieġa toħroġ lejn l-aħħar tas-sena.

Selmun – dawl fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għaliex, b’mod regolari, fil-ħinijiet ta’ filgħaxija d-dawl (street lighting) fit-telgħa ta’ Selmun qed ikun mitfi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ir-Rabat (Għawdex) — Triq in-Neolitiċi - asfalt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2855 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li r-residenti tat-Triq in-Neolitiċi fir-Rabat Għawdex ilhom snin jitolbu li t-triq tagħhom tiġi asfaltata, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru għal Għawdex .

Imwiet f'inċidenti tat-Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm kienu l-persuni li mietu matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2013 bħala riżultat ta' inċidenti tat-traffiku? Kif kienu maqsuma xahar b'xahar? Kemm minn dawn kienu nisa u kemm kienu rġiel, xahar b'xahar?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien hemm total ta’ sitt fatalitajiet fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2013 bħala riżultat ta’ inċidenti tat-traffiku. Kien hemm tlett fatalitajiet f’Marzu, tlett fatalitajiet f’Mejju u l-ebda fatalità fix-xhur ta’ Jannar, Frar u April. Minn dawn is-sitt fatalitajiet, kollha kienu rġiel.

L-Imsida – tibdil fir-rotot tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jinbidlu xi rotot tal-Arriva li jgħaddu mill-Imsida? Jekk iva, liema huma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret l-analiżi tas-suġġerimenti li Transport Malta irċeviet waqt iż-żmien ta’ konsultazzjoni, kif ukoll mill-laqgħat li saru mal-Kunsilli Lokali. Bħalissa qed jiġu ifformolati it-tibdil fir-rotot u mil-lum bdew diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-ARRIVA. Fil-mument opportun, qabel ma jittiehdu deciżjonijiet finali, ser jerġa ikun hemm laqgħat mal-Kunsilli Lokali kkonċernati.

open-top buses

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn liċenzji biex jiġu operati open top buses f'Malta u kemm f'Għawdex? Hemm talbiet għal liċenzji oħra? Jekk iva, fiex waslet l-applikazzjoni? Kemm iħallsu l-operaturi għal din il-liċenzja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent hawn 41 open top buses li għandhom liċenzja valida maħruġa minn Transport Malta. Minn dawn hemm: · 25 li huma awtorizzati joperaw servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri kullimkien f’Malta u f’Għawdex; · 4 li huma awtorizzati joperaw biss servizzi regolari għall-passiġġieri fuq rotot ta’ Trasport għat-Turisti stabbiliti f’Malta; u · 12 li huma awtorizzati joperaw biss fuq servizzi regolari għall-passiġġieri fuq rotot ta’ Trasport għat-Turisti stabbiliti kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Ninsab ukoll infurmat illi fil-preżent Transport Malta għandha sittax-il applikazzjoni pendenti għal-liċenzjar ta’ open top buses antiki. Ħamsa minn dawn qed jiġu proċessati fuq deċiżjoni tal-Qrati Maltin, filwaqt li l-ħdax l-oħra għadhom qed jiġu ikkunsidrati mill-Awtorità. Id-dritt kull sena għal-liċenzja ta’ open top bus jibda minn €150 u jitla’ sa massimu ta’ €450 skont in-numru ta’ snin li dik il-vettura tkun ilha liċenzjata. Barraminhekk, dawk l-operaturi li huma awtorizzati biex jagħtu servizzi regolari lill-passiġġieri fuq rotot ta’ trasport għat-turisti, iħallsu pagament kull sena sa massimu ta’€37,000 għal kull rotta awtorizzata.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Proġetti inawgurati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu li ġew inawgurati bejn l-1 ta’ Diċembru 2012 u t-8 ta’ Marzu 2013 u min inawgurahom? Jista’ jgħid jekk dawn il-proġetti kenux lesti kompletament jew jekk kienx fadal xi xogħol xi jsir fuqhom u filkas jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol li kien fadal? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu tħallsu flus sad-data tal-ftuħ, u kemm kien fadal spejjeż pendenti?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li fil-perjodu imsemmi ġew inawgurati dawn il-proġetti: ic-Centru ta’ interpretazzjoni tal-fortifikazzjonijiet f’Biagio Steps mill-ex-Prim Ministru Lawrence Gonzi, il-ġnien fid-ditch ta’ l-Imdina mill-ex-Prim Ministru Lawrence Gonzi, ir-razzett restawrat tal-Buskett mill-ex-Ministru Gorg Pullicino, il-“winery” tal-Buskett mill-ex-Ministru Gorg Pullicino, ic-Centru Civiku/ġnien pubbliku ta’ Swieqi mill-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi. Jien infurnat li għalkemm il-proġetti kienu tlestew kien jonqoshom dak li jissejjah “snagging”, jiġifieri tranġar ta’ nuqqasijiet li ma tlestewx sad-data tal-ftuħ. Jien infurmat ukoll li fuq dawn il-progetti kienu tħallsu € 1,889,009 u kien baqa’ jitħallsu € 1,052,702 kif indikat hawn taħt: Thallsu (€) Pendenti (€) Biagio Steps 135,470 38,504 Mdina Ditch 705,220 600,247 Buskett Farmhouse 36,497 2,359 Buskett Winery 177,139 44,848 Swieqi 834,683 366,744

San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fuq ġonna/spazji pubbliċi

Question

B'referenza għax-xogħlijiet elenkati fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2626, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-lista ta' postijiet indikati hemmx inħawi li mhumiex tal-Gvern, inkella li qegħdin għand il-privat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn huma kollha postijiet pubbliċi u għalhekk huma tal-gvern.

Trasport pubbliku – bdil fi skedi u rotot

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li t-tibdil fl-iskedi tat-trasport kif ukoll ir-rotot tal-istess servizz kif mibdula, jidħlu fis-seħħ qabel is-sajf 2013, jew wara s-sajf?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskeda tas-Sajf tal-karozzi tal-linja tal-Arriva tidħol fis-seħħ il-Ħadd 30 ta’ Ġunju 2013.L-iskedi inħadmu fuq numru ta’ xhur biex jiżguraw servizz imtejjeb u għall-ħtigijiet differenti tal-passiġieri tul ix-xhur tas-Sajf.L-iskeda tas-Sajf tinkludi wkoll numru ta’ servizzi ġodda lejn destinazzjonijiet popolari fis-Sajf, rotot lejn ix-xtajtiet kif ukoll titjib fil-kollegament mal-vapur ta’ Għawdex fost oħrajn.

Birżebbuġa — Grawnd tal-football - xogħlijiet

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari 495, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ippjanat li jingħalaq il-proċess ta' konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Kuntratti bil-għan li toħroġ it-tender relattiva max-xogħol fuq il-bini tal-grawnd tal-futbol ta' Birżebbuġa?

Response (MIZZI, JOE)

Nfakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preċedenti wiegħed dan il-proġett għal diversi snin. It-tenders ta’ dan il-proġett kellhom joħorġu f’Ottubru 2011 u spiċċaw ħarġu f’April 2012, għalkemm baqa’ ma sar xejn. Ninsab informat illi l-ewwel “vetting” għadu kemm ġie konkluż u qegħdin ikomplu l-konsultazzjonijiet mad-Dipartiment tal-Kuntratti bil-għan li d-Dipartiment tal-Kuntratti jippublika t- tender għal dan ix-xogħol mill-aktar fis possibli.

Birżebbuġa – pitch tal-waterpolo — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-pitch tal-waterpolo ta' Birżebbuġa issa li il-kawża li kien hemm il-Qorti ġiet deċiża?

Response (MIZZI, JOE)

Nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-bini mill-ġdid tal-waterpolo ta’ Birżebbuġia kien issemma mill-amministrazzjoni preċedenti snin ilu iżda x-xogħol baqa’ ma bediex. Ix-xogħol fuq dan il-proġett ser jinbeda wara s-Sajf peress li matul il-ġranet tas-Sajf mhumiex permessi li jsiru xogħlijiet f’ żoni turistiċi.

Ħal Safi – servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibli illi tiġi inkluża karozza tal-linja oħra li tgħaddi fis-6.05 a.m. min fejn il-bus stop ta' Triq San Ġwann, Ħal Safi fid-direzjoni lejn Ħal Kirkop għax dawk li jgħaddu fis-5:50 a.m. u 6:20 a.m. qegħdin jgħaddu mimlija bil-passiġġieri u n-nies ta' Ħal Safi qed jibqgħu l-art?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa qed issir analiżi tas-suġġerimenti illi Transport Malta irċeviet waqt iż-żmien ta’ konsultazzjoni, kif ukoll mill-laqgħat illi saru mal-Kunsilli Lokali. Infurmat ukoll illi dan is-suġġeriment għadda għand il-Ministeru u ttieħed inkonsiderazzjoni ma’ suġġerimenti oħra.

Talba għal reserved parking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk residenza li jkollha garaxx anness magħha jinħarġilha permess għal reserved parking? Jekk fl-affermattiv, f' każ illi l-persuna li fuqha jinħareġ il-permess għal reserved parking tiġi nieqsa, dan il-permess jaqa’ jew jibqa’ validu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġeneralment, jekk ir-residenza tal-persuna b’diżabbilta’ ikollha garaxx, ma jinħariġx permess għal parkeġġ riservat għal persuni b’diżabbilta’ ħlief jekk tali garaxx ma jkunx aċċessibbli għall-persuna b’diżabbilta’ li wkoll tkun is-sewwieq. F’dan il-każ, il-parkeġġ riservat jiġi mplimentat quddiem il-garaxx. Fil-każ li l-persuna b’diżabbilta’ tiġi nieqsa, il-permess ma jibqax validu u l-kaxxa tal-parkeġġ titneħħa.

reserved parking — każ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk reserved parking, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għandux il-permessi kollha neċessarji tat-Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, meta ħareġ il-permess?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabbilta’ li għalih qed jirreferi ġie approvat mill-Bord Għall-Parkeġġ Riservat Persuni b’Diżabbilta’ fit-8 ta’ Mejju ta’ din is-sena. Minħabba li l-persuna b’diżabbilta’ ġiet nieqsa, l-Awtorita’ talbet lill-kunsill lokali rispettiv sabiex tali parkeġġ riservat jitneħħa b’ittra datata 24 ta’ Mejju li 2013.

Bormla — Pjazza Gavino Gulija - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qed jagħmel ix-xogħol ta' pavimentar fi Pjazza Gavino Gulija, Bormla jekk hux il-ħaddiema tal-Gvern jew il-kuntrattur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bażi tal-konkos ta’ taħt il-pavimentar ser issir mill-ħaddiema tal-gvern waqt li l-pavimentar ser isir mill-ħaddiema tal-kuntrattur.