Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #5768 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Delegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il delegazzjoni mill-ministeru, segretarjat parlamentari meta jagħti l-każ u mid-dipartimenti governattivi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu żaret pajjiżi barra minn Malta minn Ottubru 1998 sal-lum? Minn min kienu magħmula d-delegazzjonijiet msemmija? Fuq liema xogħol attendiet kull delegazzjoni? Kemm swiet l-ispiża ta' kull delegazzjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #5875 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Nefqa globali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa globali tal-ministeru u tas-segretarjat parlamentari nkluż tad-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru mill-vot ta' hospitality u safar mill-5 ta' Settembru, 1998 sa Frar 1999?

Response (BONNICI, JOSEF)

Matul il-perijodu msemmi, l-Ministeru, inklużi ż-żewġ Segretarjati Parlamentari u d-dipartimenti nkorporati fih, intefqet is-somma globali ta` Lm5,388 mill-vot tal-hospitality, waqt li minn dak tas-safar b`kollox intefqet is-somma ta` Lm13,854. Minn dan l-aħħar ammont għad irid jitnaqqas l-ammont li ma ntefaqx minn xi delegazzjoni.

Lukanda Verdala — Kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-lukanda Verdala għaddiet għand il-privat?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kuntratt li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huwa wieħed pubbliku u għalhekk jista' jinkiseb mill-Arkivji Notarili bħal kull kuntratt ieħor ta' dan it-tip.

Enemalta — Electrical fitters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm electrical fitters bil-licences "A" u "B" impjegati mal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jgħid ukoll jekk hemm xi vacancies f'dan il-grad u f'tali każ meta huwa maħsub li jimtlew?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Enemalta għandha mpjegati magħha 78 electrical fitters bil-liċenzja A u 70 bil-liċenzja A u B. Jekk mill-eżerċizzju tal-Human Resource Audit jirriżulta li hemm vakanzi f`dan il-grad, jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jimtlew tali vakanzi.
Leg 9 PQ #6007 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Importaturi/bejjiegħa — Roħs fil-prezzijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4970, jista' l-Ministru jagħtini lista ta' mediċini li suppost roħsu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Eżempji ta` mediċini li l-prezz tagħha ġie mnaqqas dan l-aħħar mill-importatur fuq inizjattiva tiegħu stess wara li raħset minn barra kienet din: Cardura 1mgx28 tablets minn Lm10.08c niżlet għal Lm 5.34c Cardura 2mgx28 tablets minn Lm13.42c niżlet għal Lm 8.45c Diflucan 150mgx1 minn Lm 6.87c niżlet għal Lm 4.76c Diflucan 50mgx7 minn Lm15.78c niżlet għal Lm11.50c
Leg 9 PQ #6012 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ħamrun — Skola Adelaide Cini - Ħsara fl-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif għadha ma ssewwietx il-ħsara fl-elettriku fl-Iskola ta' Adelaide Cini, fil-Ħamrun? Jaf il-Ministru li ħafna mil-lezzjonijiet bħal dawk tal-computer u tal-Home Economics u użu ta' laboratorju, eċċ qed jiġu mħassra? X'sar wara r-rapporti li għamlu għalliema u oħrajn? X'inhi proprju l-ħsara? X'se jagħmel il-gvern biex din l-iskola tibqa' għaddejja bit-tagħlim?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-ħsara msemmija hija parti mis-sistema interna ta' l-iskola u għalhekk ma taqax taħt ir-responsabbilta tal-Korporazzjoni Enemalta.

Enemalta — Electrical power demand

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mill-1992 'il hawn kemm kien l-ammont massimu ta' l-electrical power demand (MW) kemm fix-xhur tax-xitwa kif ukoll fix-xhur tas-sajf, separatament? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma is-sistemi u kemm jammontaw is-sistemi li jipprovdu l-elettriku, is-sena li nbnew u x'tip ta' fuel jużaw?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Popolazzjoni Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' popolazzjoni residenti f'Malta u f'Għawdex mill-1990 sa l-1998 sena b'sena? Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena x'inhu mistenni li jkun l-ammont imsemmi sas-sena 2015? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'kien l-ammont ta' popolazzjoni kemm permamenti kif ukoll temporanjament (turisti) b'mod separat mill-1990 sa l-1998 fix-xhur ta' Ġunju, Lulju, Awissu u Settembru?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ta' min jgħid li peress li l-aħħar ċensiment tal-popolazzjoni sar fl-1995 u peress li ċensiment simili hu ppajant li jsir fis-sena 2005, ma narax li l-popolazzjoni għandha tiġi pproġettata lil hinn minn dik is-sena.
Leg 9 PQ #3978 Sitting 80 1999-03-24 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Raħal Ġdid — Ċimiterju ta' l-Addolorata - Vit ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx azzjoni fuq il-mistoqsija parlamentari numru 974 dwar vit ta' l-ilma f'section Q jara fiex waslu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kif diġa għidt fi-tweġiba għall-mistoqsija numru 974, biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tkun tista' tinstalla servizz ġdid ta' l-ilma fil-post imsemmi, trid issir applikazzjoni mill-entita' responsabbli. S'issa l-Korporazzjoni għadha ma rċevietx tali applikazzjoni.

Prezzijiet — Żieda fil-mediċina

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4485, peress li l-Ministru ġġustifika l-għoli tal-prezzijiet ta' mediċini mportati mill-Ingilterra minħabba l-kambju għax l-Isterlina għoliet, jista'l-Ministru jindika meta fil-fatt il-mediċini mill-Ingilterra raħsu minħabba li l-Isterlina niżlet? Jaf il-Ministru li dan ir-roħs qatt ma rriżulta għand il-konsumatur? Jaf il-Ministru li ħafna mediċini mportati mill-Ingilterra fil-fatt m'għolewx? Jaf il-Ministru li l-prezzijiet tal-mediċini msemmija u oħrajn dejjem kienu orħos fl-Ingilterra? Rigward il-Benylin, jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-formula qabel u x'inhi issa peress li qal li nbidlet, għaliex minn informazzjoni li għandi l-kontentut huwa kważi l-istess u ma jiġġustifikax dik iż-żieda u dan meta f'Malta din il-mediċina dejjem kienet orħos?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 4485 kien fil-każ ta' l-Irfen biss li jiena ndikajt tibdil fil-kambju bħala raġuni għal żieda fil-prezz. Dan il-prodott jiġi mpurtat, mill-Isvizzera u mħallas bi franki Svizzeri. Ir-raġuni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti l-oħra kienet minħabba żieda minn barra. L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta ġieli intervjena fuq mediċini mpurtati mir-Renju Unit bħalma ġara fil-każ ta' Surmontil Caps, Supplamins, Alka Selzer, fil-1997 u fil-każ ta' Actal Tabs fl-1998. F'dawn l-aħħar sitt xhur iċ-ċaqlieq fil-kambju ta' l-Isterlina kien negliġibbli u għalhekk kif qalet tajjeb l-Onor. Interpellant, ħafna mediċini mpurtati mill-Ingilterra ma għolewx. Ma jirriżultalix li l-prezzijiet tal-maġġoranza ta' mediċini impurtati mir-Renju Unit jinbiegħu irħas hemmhekk milli jinbiegħu hawn Malta. Il-Benylin Original m'għadux liċenzjat biex jinbiegħ fl-Ingilterra u għalhekk ma jistax joħroġ ċertifikat ta' 'Free sale' li mingħajru mediċina ma tistax tinbiegħ hawn Malta. Il-Benylin Chesty Cough Syrup li hawn bħalissa għandu livell għoli ta' Menchol, għandu konċentrazzjoni akbar ta' togħma ta' tip ta' raspberry differenti, il-livell ta' 'Sweetening Agents' huwa għola u hemm l-introduzzjoni tal-carbopol 934 fil-prodott il-ġdid li biegħ il-prodott jaħdem aħjar fuq dawk il-partijiet tal-ħalq u l-griżmejn li jkunu rritati.

Malta Shipbuilding — Dejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha dejn il-Malta Shipbuilding illum? Kemm għamlet qliegħ/telf is-sena l-oħra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent il-Malta Shipbuilding għandha dejn li jammonta għal Lm120,194,910. It-telf li għamlet din l-azjenda s-sena l-oħra kien ta' Lm10,500,000.
Leg 9 PQ #5902 Sitting 80 1999-03-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Baċir Nru. 1 — Vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Baċir Nru. 1 humiex se jidħlu aktar vapuri meta jibda x-xogħol fuq il-marina tal-Kottonera?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jidhirli li għadu kmieni biex wieħed jgħid jekk il-Baċir numru 1 huwiex ser ikollu l-istess funzjoni li għandu llum meta jibda x-xogħol fuq il-proġett, issir konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati.

Air Malta — Transfers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3116 u ċioe' jista' jgħid kemm ingħataw transfers mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru, 1998 fl-Air Malta? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Matul il-perjodu ndikat saru 9 trasferimenti fl-Air Malta sabiex jinqdew l-esiġenzi tal-Kumpanija. Bħalma diġa` għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 470, trasferimenti f'din l-azjenda jsiru skond u meta jkun hemm bżonn.

Maltacom — Transfers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3117 u ċioe' jista' jgħid kemm ingħataw transfers mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru, 1998 fil-Maltacom? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-tranfers? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Matul il-perjodu msemmi saru 31 trasferiment. Dawn saru jew skond l-esiġenzi tal-Kumpanija inkella wara talba ta' l-impjegat innifsu. Trasferimenti futuri jsiru skond il-ħtiġijiet tal-Kumpanija.

Gozo Channel — Transfers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3121 u ċioe' jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatawx transfers mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta'Diċembru, 1998 fil-Gozo Channel? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-perjodu msemmi ma sarux trasferimenti fil-Gozo Channel. Trasferimenti futuri jsiru jekk l-interessi tal-Kumpanija jkunu jitolbu dan.

Air Malta — Bdoti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fir-rekwiżiti għall-bdoti ma' l-Air Malta ma kienx hemm ukoll ċertifikat fl-eżami tal-Malti biex b'hekk jinfetaħ bieb għaż-żgħażagħ Maltin f'dan il-qasam flok jiġu preferuti bdoti barranin li għandhom żgur aktar opportunitajiet għal xogħol miż-żgħażagħ Maltin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Għandi għax-naħseb li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-aħħar sejħa li ħarġet il-Kumpanija għall-ingaġġ ta` Trainee Pilots. Jekk dan huwa l-każ, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 4001 fejn spjegajt ir-raġuni l-għala l-Air Malta deherilha li, għall-anqas f`din l-okkażjoni u minħabba l-ispeċjalizzazzjoni teknika tal-grad in kwistjoni, il-Malti ma kienx meħtieġ jibqa` bħala suġġett obbligatorju.
Leg 9 PQ #5489 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Għeriexem HE - Dawl

Question

Peress li l-bozza quddiem l-anzjan residenti fi Blk 3, Flat 1, Għeriexem HE, Rabat ilha tiġi rrapportata xhur sabiex tinxtegħel mill-ġdid, jista' l-Ministru jara li din it-talba tiġi rispettata ħalli dan l-anzjan ma jkomplix iħabbat wiċċu ma' dan l-inkonvenjent?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ser jittieħdu l-passi biex il-bozza in kwistjoni tinbidel.

Novita — Makkinarju

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista tal-makkinarju li għadda f'idejn il-kumpannija Novita mill-Kalaxlokk meta din waqgħet taħt il-kontroll tagħha u kemm ġabet lura makkinarju magħha l-Kalaxlokk meta ma baqgħetx responsabbli għaliha u għall-ħaddiema tan-Novita?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta` makkinarju, inġenji u vetturi prinċipali li jinsabu f`idejn il-kumpanija Novita`. Il-kiri ta` makkinarju lill-kumpanija msemmija huwa regolat minn ftehim li sar fis-7 ta` Novembru 1994 u għandu jibqa` hekk regolat sakemm jispiċċa l-kuntratt tax-xogħol ta` Terminal 2 tal-Malta Freeport. Kien hemm xi makkinarju li bi ftehim bejn il-partijiet ġie ritornat lill-Kalaxlokk. Dan il-makkinarju ritornat jikkomprendi sitt containers ta` sitt metri -il wieħed, pedestrian roller,van, tlett mobile officers, JCB u mechanical horse.

Malta Shipbuilding — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat sussidju l-kumpannija Malta Shipbuilding is-sena l-oħra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Is-sena l-oħra l-kumpanija Malta Shipbuilding irċeviet is-somma ta' Lm7,431,720 f'sussidju.

Enemalta — Dejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha dejn jew liabilities il-Korporazzjoni Enemalta llum? Kemm għamlet qliegħ/telf is-sena l-oħra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Skond il-Management Accounts għas-sena li għalqet fit-30 ta' Marzu 1998, l-Enemalta kellha dejn u liabilities fl-ammont ta' Lm141.9 miljuni. Il-qliegħ għas-sena finanzjarja bejn l-1 ta' Ottubru 1997 u t-30 ta' Settembru 1998 kien jammonta għal Lm8.4 miljuni. Dawn l-aħħar figuri huma proviżorji peress li fuq is-sezzjoni ta' l-elettriku ħafna mill-kontijiet għall-konsum għad iridu joħorġu.