Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' koperattivi ġodda li twaqqfu matul l-1999 u kemm huwa n-numru ta' ħaddiema mpjegati f'dawn il-koperattivi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kien hemm ħames koperattivi ġodda li twaqqfu matul l-1999.
Fir-rigward għall-mistoqsija dwar in-numru ta' ħaddiema mpjegati f'dawn il-koperattivi, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Koperattivi ma jżomx dawn ir-rekords.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13248 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa dwar iċ-Ċentru Detox u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jgħid il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ċ-ċentru tad-Detox jitneħħa minn fejn hu u jinfetaħ f'post fejn ikun anqas possibbli li traffikanti tad-droga jħufu fl-inħawi? Saru xi proposti minn għaqdiet/individwi dwar dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninstab infurmat li qed isiru tentattivi biex l-ispazju preżentament allokat għad-Detox, jikber. Dan minħabba iż-żieda fid-domanda għas-servizzi offruti minn dan iċ-Ċentru.
Il-problema tat-traffikanti tad-droga li jħufu fl-inħawi, hija problema aktar kumplessa. Ġa saru diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet konċernati u qed isiru rondi regolari mill-pulizija.
Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru, li dawk in-nies li jinqabdu jittraffikaw barra ċ-Ċentru tad-Detox u li jkunu wkoll qed jieħdu xi servizz minn dan iċ-Ċentru, jiġu sospiżi minnufih.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il każ ġie rrapportat ta' tilwim jew abbużi minn anzjani dwar il-home helpers tagħhom? Kemm-il każ ġie rrapportat ta' tilwim jew abbużi minn home helpers dwar l-anzjani assenjati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kemm ilu li nbeda s-servizz (Home-Help) fil-1988, ġew irrapurtati każi ta' abbużi/tilwim li huma ftit fin-numru. Dawn ir-rapporti jvarjaw bejn ix-xogħol li jsir mill-helper u wkoll x'jistennew l-anzjani mill-helpers. Ta' min jgħid li kien hemm każi fejn is-servizz kellu jiġi sospiż minħabba ċertu tilwim u/jew abbużi tas-servizz.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm social workers assenjati għal St Vincent de Paule Residence u kemm hemm social workers assenjati għal residential homes?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-anzjani għandu pool ċentrali ta' Social Workers li jiġu assenjati xogħol fil-qasam ta' l-anzjani skond il-ħtieġa.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 13419, jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mis-survey li għamlet l-awtorita' tad-djar dwar ġibjuni li hemm fl-Imtarfa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-"survey" li għamlet l-Awtorita' tad-Djar dwar il-ġibjun fl-Imtarfa kienet tikkonsisti fl-indikazzjoni fuq pjanta, tal-pożizzjoni tal-ġibjun fl-Imtarfa. Din saret biex tingħata lid-Dipartiment tal-Agrikoltura li regolarment jiftħu dawn il-ġibjuni sabiex jiġbdu l-ilma li jinġabar fihom. Meta l-art fl-Imtarfa ġiet trasferita mill-Lands lill-Awtorita' tad-Djar, id-drittijiet fuq il-ġibjuni eżistenti kienu riservati u għalhekk l-Awtorita' tad-Djar qatt ma kienet responsabbli għall-
munutenzjonitagħhom. Il-ġibjuni ġodda li bniet l-Awtorita' tad-Djar, bl-eċċezzjoni ta' wieħed li kien hemm korrispondenza dwaru mal-Korporazzjoni tal-Ilma, jagħmlu parti mill-blokki residenzjali u għalhekk jiġu amministrati mir-residenti stess.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13463, li oriġinarjament kienet saret lill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi u issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid meta l-pensjonanti tat-Tarzna se jieħdu l-flus dovuti lilhom mill-Collective Agreement?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-"collective agreement" tat-Tarzna ġie ffirmat għall-aħħar ta' Jannar ta' din is-sena. Jiena nfurmat mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li mmedjatment kif kopja ta' dan il-Ftehim ġie mgħoddi lit-Taqsima tal-Pensjonijiet, beda x-xogħol fuq ir-reviżjonijiet tal-każi ta' pensjonanti li ser igawdu minn dan il-"collective agreement".
In-numru ta' pensjonanti tas-sigurta' soċjali (nkluż romol ta' ex-ħaddiema tad-Dockyard) nvoluti f'dan l-eżerċizzju huwa 3827. Jiena żgur li l-Onor. Interpellant japprezza x-xogħol involut biex jiġu riveduti dawn il-pensjonijiet kollha. Skond l-informazzjoni li għandi, x-xogħol fuq dawn ir-reviżjonijiet qiegħed fi stadju avvanzat u l-ewwel ħlasijiet għandhom joħorġu dalwaqt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qegħda preżentament il-pensjoni ta' l-invalidita'? Jekk din mhix fissa, jista' jgħid kemm hija l-pensjoni minima? Kemm hemm persuni preżentement li qed jibbenefikaw minn din il-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) tistabilixxi rati differenti ta' pensjonijiet ta' l-invalidita'. Dawn ir-rati jistgħu jvarjaw skond il-medja ta' kontriubzzjonijiet mħallsa mill-pensjonant tul il-ħajja assigurabbli tiegħu, l-ħlas ta' xi pensjoni tas-servizz lil xi persuna li tirċievi pensjoni għall-invalidita' u f'każ ta' raġel, l-fatt li jkunx qed imantni mara jew le.
F'każ ta' persuna li qed tirċievi pensjoni tas-servizz, r-rata minima sħiħa ta' pensjoni ta' l-Invalidita' fil-preżent hija ta' Lm24.81 fil-ġimgħa fil-każ ta' raġel li jkun qed imantni mara u Lm19.16 fil-ġimgħa f'każ ta' persuna waħedha.
F'każ ta' persuna li m'għandha l-ebda pensjoni tas-servizz, r-rata minima sħiħa ta' pensjoni ta' l-Invalidita' fil-preżent hija ta' Lm40.76 f'każ ta' raġel li qed imantni mara u Lm19.16 fil-ġimgħa f'każ ta' persuna waħedha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il persuna preżentament qed tibbenefika mill-allowance supplimentari? Kemm minnhom huma ħaddiema, pensjonanti jew persuni oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li f'Jannar li għadda rċevew l-Allowance Supplimentari kien ta' 30,702. Ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika li tiddentifika kemm minnhom huma ħaddiema, pensjonanti jew persuni oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jkun hemm servizz ta' cleaner fl-Uffiċċju tas-Servizzi Soċjali f'Ħaż-Żabbar peress li l-persuna nvoluta ilha bis-sick leave min-nofs Diċembru 1999 u l-post hu manifestament fi stat ta' ħmieġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-persuna nvoluta fit-tindif ta' Uffiċċju Distrettwali ta' Ħaż-Żabbar qiegħda bis-"sick leave", ittieħdu passi sabiex jiġi provdut servizz ta' tindif bil-kuntrattur.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li x-xogħol ta' refurbishment fl-uffiċċju distrettwali tas-social service f'Ħaż-Żabbar qed isir kif suppost u xieraq, peress li ninsab informat li diġa' sar xogħol mhux up to standard f'dak li hu madum u ħitan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq niforma lill-Onor. Interpellant li ta' l-anqas darba fil-ġimgħa, il-perit inkariġat flimkien mal-perit tal-kumpanija li rebħet il-kuntratt u uffiċjali tad-dipartiment, iżuru dan il-lokal biex jisguraw li x-xogħol qed isir skond il-kuntaratt, u skond l-informazzjoni li ngħatajt, ix-xogħol qed isir kif suppost.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk saritx inspection fid-dar bin-numru 37, Triq Xandru, Bormla?
Jista' jikkonferma li din id-dar tinstab fi stat perikoluż?
Jaf li d-dar tan-numru 4, Sqaq Xandru, Bormla qed tiġi affettwata b'ammont ta' ġebel nieżel fid-dar tagħhom?
Għandu xi pjan għal din il-ħsara?
X'possibbilta' għandha l-familja msemmija biex tiġi offruta post alternattiv qabel issir xi aċċident?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-ebda wieħed mill-indirizzi mogħtija ma hu f'idejn id-Dipartiment u lanqas hemm xi applikazzjoni pendenti mingħand dawk li joqgħodu fihom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara l-każ tal-familja li ilha tapplika għal dawn l-aħħar 25 sena għal dar alternattiva, li d-dettalji tagħha qed jntbagħtu separatament?
Kemm għandha punti?
X'kienet ir-raġuni li qatt ma ġiet offruta post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-familja indikata m'għandha l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment u d-dar fejn joqgħodu mhiex f'idejn id-Dipartiment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min jista' jikkwalifika għall-allowance meta persuna tieħu ħsieb lil ġenituri anzjani tagħha? Din l-allowance tapplika għall-irġiel u n-nisa l-istess? F'każ li persuna tkun qiegħda twettaq din it-tip ta' ħidma, tista'l-istess persuna tkun qiegħda tirreġistra għax-xogħol fl-istess ħin? F'każi bħal dawn, il-pensjoni ta' l-anzjani li jgawdu minn dan is-servizz b'xi mod titnaqqas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Pensjoni tal-Wens titħallas lill persuna li ma tkunx miżżewġa jew persuna armla ti tipprova għas-sodisfazzjoni tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li hi tkun qed tieħu ħsieb waħedha fuq bażi full-time u regolarment, tal-ġenitur tagħha jew ħuha, oħtha, nannitha, zijuha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett li jkun qed igħix fl-istess dar ta' abitazzjoni ta' dik il-persuna u minħabba infermita' jkun kostrett li jgħaddi ħajtu f'sodda jew f'wheelchair.
Din hi pensjoni u mhux allowance u tista' titħallas kemm lil mara kif ukoll lil raġel.
Il-persuna li tikkwalifika għal din il-Pensjoni ma tkunx tista'tirreġistra għax-xogħol.
Il-Pensjoni ta' l-anzjani li jgawdu minn dan is-servizz ma tkunx imnaqqsa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili li jintervjeni sabiex block 6/5, Garden Drive, Santa Luċija, proprjeta' tal-gvern, jingħata passata żebgħa fil-futur qarib peress li hemm bżonn urġenti li dan isir, minbarra l-fatt li hemm persuna li waslet biex tiżżewweġ u allura jkun xieraq li l-block tal-flats ikun aktar akkoljenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti d-dettalji ta' x'inhuma d-demolition and construction works fid-Dar Residenzjali ġdida għall-anzjani f'Bormla, li ngħataw lil C&F Bld Contractors Ltd għas-somma ta' Lm294.56,9 li dehru fil-gazzetta tal-gvern tal-11 ta' Frar, 2000 nru 16907?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ix-xogħolijiet żejda li saru kienu mħabba li nstabet barriera fuq quddiem tas-sit filwaqt li fuq wara nstab ġibjun li saqaf tiegħu ma kienx jiflaħ il-piż ta' l-istruttura l-ġdida. Il-barriera ntużat bħala "basement" filwaqt li l-bir baqa' bl-istess funzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq ir-reġistru tax-xogħol minn Settembru 1998 sal-lum? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-persuni? Kemm nisa w irġiel? X'etajiet għandhom? Ir-raġuni għaliex inqatgħu? Kemm kienu ilhom jirreġistraw? Kienu miżżewġin, single jew single parents? Dawk li nqabdu jabbużaw, f'liema negozju, xogħol inqabdu li qegħdin jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ħiliet, x'taħriġ u x'background akkademiku se jiġu kkuosidrati u l-ordni ta' prijorita' ta' dawn, għal kariga ta' head of homes li l-applikazzjoni għaliha ħarġet dawn l-aħħar xhur? Kemm applikaw għal dan il-post? Xi kwalifiki u x'esperjenza għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u t-Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri maħtura fuq il-bord ta' St Vincent de Paule Residence, fuq il-Bord tar-Residential Homes ta' l-Anzjani u fuq il-Bord tal-Home Helpers għall-anzjani? Il-membri fuq dawn il-bordijiet jieħdu renumerazzjoni? Jekk iva, kemm? Min huma dawk il-membri f'dawn il-bordijiet li għandhom is-servizz ta' karozza tal-kiri mħallsa mill-gvern jew ta' karozza tal-gvern? Għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Bord għad-dħul fir-Residenza San Vinċenz de Paule mill-komunita' huwa kompost minn:
Dr R Fiorentino (Aġent Supretendent Meddiku)
Dr A Fiorini (Konsulent)
Dr M Said (Tabib)
Ms B Psaila (Social Worker)
Rappreżentant mill-Medical Records tar-Residenza San Vinċenz de Paule, Segretarju.
Fil-każ ta' dħul fir-Residenza San Vinċenz de Paule mill-Isptar San Luqa, x-xogħol tal-Bord jiġi fdat lil wieħed minn żewġ tobba ta' San Vinċenz - Dr J Dimech jew Dr Z Teebi - flimkien mas-Supretendent Mediku ta' l-Isptar San Luqa.
Il-Bord għad-dħul fid-Djar Residenzjali fil-Komunita' huwa kompost minn:
Dr R Fiorentino (Aġent Supretendent Mediku)
Dr G Bugeja (Konsultent)
Ms M Gauci (Ko-ordinatriċi - Djar Residenzjali)
Ms B Psaila (Social Worker)
Ms A Azzopardi (Segretarja)
Il-Bord għall-għoti tas-Servizz ta' Għajnuna fid-Dar (Home Help) huwa kompost minn:
Ms E De Lucca (Uffiċjal Inkarigat mis-Servizz ta' għajnuna fid-Dar)
Mr V Scerri (Senior Social Worker)
Ms B Psaila (Social Worker)
Dr S Mangion (Tabib fir-Residenza San Vinċenz de Paule)
Mr A Bezzina (Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita')
Ħadd mill-membri ta' dawn il-bordijiet ma jirċievi xi remunerazzjoni jew xi kumpens ieħor għax-xogħol li jagħmel f'dan il-kuntest.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jitqiesu biex anzjani jidħlu f'St Vincent de Paule Residence? X'inhuma l-kriterji biex anzjani jidħlu fir-residential homes? X'inhuma l-kriterji biex anzjani jingħataw il-home help? X'waiting list hemm għad-dħul f'St Vincent de Paule Residence għar-residential homes u biex jingħataw home help?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13949 għadha qed tinġabar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jara li t-talba tal-persuna,li isimha qed jintbagħat separatament, għal dar alternattiva u liema talba ilha pendenti s-snin, tkun trattata b'aktar speditezza? F'liema stadju waslet it-talba tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat ma' l-applikazzjonijiet l-oħra pendenti li għandu quddiemu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.