Waqt li tiġi rispettata l-awtonomija ta' l-iskejjel tal-gvern, jistgħu jinħargu linji gwidi għall-kapijiet u l-kunsilli skolastiċi dwar meta u kif jiddaħħlu uniformijiet ġodda għall-istudenti, fid-dawl li hemm każi fejn kapijiet qed jimponu uniformijiet, anorak u track suits li jiswew ħafna flus li huma ta' piż żejjed fuq il-ġenituri?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kapijiet ta' l-iskejjel kull meta jiġu biex jibdlu uniformi jikkonsultaw mal-membri ta' l-istaff u mal-ġenituri permezz tal-Kunsill ta' l-Iskola.
Ħafna drabi t-talba għal track suit u anorak tiġi minn naħa ta' l-istudenti u, jew ġenituri. Ħafna skejjel jgħinu wkoll b'diversi mezzi familji li jsibu xi diffikulta` dwar l-uniformi.
Kull meta skola tiddeċiedi li tagħmel xi tibdil fl-uniformi dan it-tibdil jibda jgħodd għat-tfal il-ġodda u l-uniformi l-ġdida tidħol fuq medda ta' sentejn jew iżjed.
Żgur ukoll li jekk irridu intejbu l-image ta' l-iskejjel ta' l-Istat, il-kapijiet iridu jeżiġu li tfal jilbsu l-uniformi sħiħa.
Wara li dan l-aħħar id-Drama Unit tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tellgħet preżentazzjoni teatrali interessanti ħafna dwar junk food, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din il-preżentazzjoni u oħrajn siewja ta' qabilha dwar temi soċjali oħra humiex se jkunu ffilmjati sabiex l-iskejjel li jixtiequ jarawhom fil-futur ikunu jistgħu jagħmlu dan fl-iskola stess?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm-il student mar jara din il-preżentazzjoni s'issa u minn kemm skejjel ta' l-Istat u tal-Knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għall-preżentazzjoni teatrali dwar il-Junk Food (Teatru fl-edukazzjoni -T.I.E. JUNK FOOK HIGH) li ttellgħet id-Drama Unit ta' l-edukazzjoni li tinsab fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu, bejn il-21 ta' Frar u s-17 ta' Marzu (18-il ġurnata) attendew b'kollox 3385 student/a li ġew minn 8 skejjel tal-Knisja/privati u 31 skola statali.
Informat ukoll li JUNK FOOD HIGH huwa wieħed minn tliet proġetti dwar temi soċjali li d-Drama Unit għandha ppreparat għall-istudenti tal-Forms 3,4,5. Il-proġetti l-oħra huma GENERATION X (dwar l-influwenza tar-riklami u l-isfruttament taż-żgħażagħ) u BIG BULLY (dwar il-problema tal-bullying fis-soċjeta` tagħna). Kull sena, fuq roster ta' tliet snin, jiġi ttakiljat wieħed minn dawn is-suġġetti. L-istudenti tal-Form 3 jiġu fiċ-Ċentru tad-Drama M.A. Borg, il-Blata l-Bajda, li fih id-Drama Unit għandha ċ-ċentru tagħha, u jassistu għal u jipparteċipaw fil-programm teatrali interattiv dwar dak is-suġġett. Dan, normalment, isir fit-tieni term bejn Frar u Marzu. Sadanittant fl-ewwel term membri tal-Unit iżuru lill-istudenti tal-Forms 4 u 5 fl-iskejjel tagħhom bi skript ridott fuq l-istess suġġett u jsiru workshops ma' l-istudenti. B'hekk l-istudenti kollha ta' l-Upper Forms jiġu esposti għal u jaħdmu fuq dawn it-tliet temi soċjali - u kollha jkollhom l-opportunita` li jattendu għall-inqas darba matul it-tliet snin fiċ-Ċentru.
L-impatt immedjat, i.e. il-kuntatt ħaj ma' l-atturi/għalliema tad-Drama Unit, huwa ta' mportanza kbira - l-Unit fuq dan tagħfas. Li dawn il-proġetti jiġu ffilmjati mhix idea ħażina għax b'hekk jistgħu jibbenefikaw dawk li għal xi raġuni jkunu tilfu l-opportunita` li jattendu - imma qatt ma jista' jissostitwixxi l-impatt immedjat. Madanakollu qed jiġi studjat mezz kif dawn il-proġetti jiġu fil-fatt iffilmjati u jkun hemm videos għad-dispożizzjoni ta' dawk l-edukaturi li jkollhom bżonnhom.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet jeżistu sabiex il-metodu tal-"Let Me Learn" jissaħħaħ u jinxtered f'aktar skejjel? Jista' jindika kif mar s'issa l-proġett pilota, u kif se jkompli jiżviluppa sabiex dan il-metodu tant utli jkun jista' jibbenefika lil tfal li għandhom stil ta' kif jitgħallmu li mhux indirizzat?
Response (GALEA, LOUIS)
Sa issa l-proġett tal-'Let Me Learn' qiegħed jinħadem fi tlett skejjel: dawk tal-Primarja A tal-Mosta, St Elmo Valletta u Fra Diego Bonanno l-Marsa. Numru ta' għalliema f'dawn l-iskejjel ġew imħarrġa u ħadu ċertifikat tat-taħriġ fi Frar 2000.
F'dawn l-iskejjel l-LCI (Learning Combination Inventory) li dwaru hu mibni dan il-proġett ġie spjegat lill-għalliema, tfal u ġenituri u beda l-proċess biex jiġi implimentat.
Bħal issa, qed jinbnew l-istrutturi u r-riżorsi (sew umani, kemm materjali) biex f'Settembru 2000, barra li jissaħħu u jiżviluppaw il-proġetti mibnija fit-tlett skejjel imsemmija, jidħlu ħames skejjel oħra fl-iskema 'full time', waqt li skejjel oħrajn jieħdu l-ewwel introduzzjoni għall-proġett.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Special Learning Difficulties Services
Question
Jista' l-Ministru jispjega fiex jikkonsisti l-Paired Reading Project ta' l-Ispecial Learning Difficulties Services tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-"Paired Reading" Project kien esperiment ġdid għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fejn tfal u ġenituri ħadmu biex jiżviluppaw l-iskills tal-qari.
Tfal dyslexic u l-ġenituri tagħhom kienu mistiedna jipparteċipaw f'kors ta' 6 ġimgħat. Tul dawn is-sessions il-ġenituri ġew mogħtija taħriġ speċifiku fuq kif jgħinu t-tfal fil-qari, kif jaqraw flimkien mat-tfal.
Dan il-kors kien ta' suċċess kbir - rajna li meta l-ġenituri jafu bl-eżatt kif għandhon jgħinu t-tfal li għandhom diffikulta` fil-qari jistgħu jiġu 'l quddiem.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14826 fejn il-Ministru qal li hemm bżonn ta' aktar persuni fl-SLS, u li ħafna minnhom ikunu kwalifikati, kif jista' jispjega li tneħħiet persuna kwalifikata minn dan il-post skond ma jidher mir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 14827? X'effett kellu fuq is-servizz dan it-transfer?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Assistant Librarian konċernata ġiet deployed mad-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji wara li ġiet promossa fuq applikazzjonijiet mnedija mill-PSC.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-konsiderazzjoni tiegħu b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12363?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-proposta ta' konsulenza mill-Korporazzjoni tal-Port Ħieles sar qbil dwarha u, wara l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, ġie ffirmat il-ftehim.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 13544?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15441 f'Seduta 284 tat-12 ta' April 2000 meta l-informazzjoni tpoġġiet fuq il-Mejda.
Jista' issa li għaddew erba' xhur il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12360?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub f'din il-Mistoqsija u fil-Mistoqsijiet numri 12240, 12450, 12511, 12514, 12904 u 15731 qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Oriġinarjament, iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali tal-Millennju kellhom ikunu ġestiti u ffinanzjati minn kuntrattur privat li lejn l-aħħar ta' Settembru 1999 kien informa lill-Gvern li ċirkostanzi prevalenti ma kienux jippermettulu li jkompli l-impenji li kien ser jidħol għalihom.
Il-Gvern iddeċieda li jidħol hu għal dawn l-impenji, minkejja l-perjodu qasir ta' anqas minn tliet xhur li kien fadal sa l-aħħar tas-sena.
F'dawn iċ-ċirkostanzi il-Kumitat Nazzjonali għaċ-Ċelebrazzjonijiet ibbaża l-proċedura tan-nefqa meħtieġa kif jitolbu r-regolamenti finanzjarji fil-provvedimenti tal-Paragrafu 4 (4) ta' l-Avviż Legali Nru. 70 tas-sena 1996, Public Service (Procurement) Regulations, 1996, maħruġ taħt il-Financial Administration and Audit Act (Cap. 174).
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jagħlaq l-iskola Mater Dei, Imsida, u jekk iva, jikkonsidrax li dan is-sit jgħaddi f'idejn il-kunsill biex jinbidel f'ċentru sportiv? Kemm tqum lill-gvern din l-iskola biex tinżamm fuq medda ta' xahar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa m'hemm ebda ħsieb li tingħalaq l-iskola Mater Dei l-Imsida.
Informat ukoll li l-ispiża biex tinżamm l-iskola fuq medda ta' xahar hija ta' Lm3,574.
Jista' l-Ministru jgħid kif jiġu magħżula t-tfal li jieħdu sehem fil-gymnastics fl-Iskola Sports sabiex jipparteċipaw f'attivitajiet u programmi televiżivi? X'inhi r-raġuni li dejjem jintgħażlu l-istess nies u mhux it-tfal kollha jingħataw ċans?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Membru jgħid għal liema attivitajiet u programmi televiżivi qiegħed jirreferi biex l-uffiċċjali konċernati jagħtuni t-tagħrif meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex reġa' kien hemm żbalji fil-karta ta' l-eżami tat-Taljan fil-Livell Avanzat li sar il-Ġimgħa li għaddiet, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni karta? Għaliex l-istudenti ma ġewx informati bl-iżbalji? Japprezza l-Ministru li xi studenti jistgħu jiġu penalizzati minħabba dawn l-iżbalji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord tal-Matsec eżamina bir-reqqa l-karti ta' l-eżami msemmija, u ma sab ebda żball li jista' jtellef marki lill-kandidati. Għaldaqstant ser ngħaddi kopja ta' karta ta' l-eżami msemmija u nitlob l-Onor. Membru jindika dawn l-iżbalji li qed jirreferi għalihom.
Informat ukoll li fl-eżami ndikat qatt ma rriżulta li kien hemm żbalji simili u għalhekk il-frażi "reġa' kien hemm" ma' tirriżultax li hi korretta.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li s-swimming gala għat-tfal ta' l-iskejjel li kellu jsir fil-pixxina nazzjonali f'Tal-Qroqq, is-Sibt 6 ta' Mejju, tħassar? Huwa minnu li dan sar l-aktar biex ma jfixkilx timijiet barranin li qed jitħarrġu fil-pixxina? Meta hemm il-ħsieb li dan il-gala jinżamm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qatt ma kien hemm swimming gala riservata għas-6 ta' Mejju.
Issa li ġie mħabbar li wieħed mis-suġġetti għas-sena skolastika bħala option se jkun il-European Studies, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ktieb u/jew gwidi fuq kif għandu jiġi mgħallem?
Kemm-il għalliem mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti qed jattendu kors msejjaħ mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar dan is-suġġett?
Fil-każ ta' skejjel tal-Knisja u indipendenti liema huma dawk l-iskejjel li bagħtu għalliema? Kemm-il għalliem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li issa li tlesta l-kurrikulu, ser ikunu l-għalliema, waqt it-taħriġ tagħhom, li jibnu l-gwidi tal-lezzjonijiet, u li l-għażla ta' l-għalliema biex jattendu l-kors li qed jirreferi għalih l-Onor. Membru għadha qed tiġi proċessata.
Peress li jidher li xi kapijiet ta' l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti għad m'għandhomx stuzzjonijiet eżatti dwar liema huma s-suġġetti li jridu jidħlu bħala obbligatorji fis-sena skolastika li tibda f'Settembru 2000, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk is-suġġetti obbligatorji u optional li jridu jiġu mgħallma fil-primarji u/jew sekondarji?
Jekk ikun hemm suġġett fil-lista ta' l-optional bħalma ġie mħabbar il-European Studies, allura tista' skola ma toffrihx lill-istudent tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li skond il-Collective Agreement bejn il-Gvern u l-MUT dwar il-klassi edukattiva huwa stipulat li għandu jkun hemm 20 school counsellors: 15 għas-settur sekondarju u ħames għas-settur primarju, u peress li bħalissa d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni timpjega 11-il school counsellor għas-settur sekondarju u wieħed għas-settur primarju, għaliex hemm dan in-nuqqas? X'għandu jsir biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni timpjega 12-il School Counsellor (mhux 11) fis-Settur Sekondarju u 1 għas-Settur Primarju.
Fis-Settur Sekondarju, waslet biex toħroġ "call for applications" biex jimtlew il-postijiet vakanti.
Fis-Settur Primarju, in-nuqqas jeżisti billi dawk kollha li għandhom "recognised diploma in counselling" qegħdin fis-Settur Sekondarju, u għalhekk ma jissodisfawx il-kundizzjoni li tgħid "ikunu għallmu għal dawn l-aħħar 10 snin fl-Iskejjel Primarji ta' l-Istat".
Informat ukoll li l-Collective Agreement bejn il-Gvern u l-M.U.T. irid ikun aġġornat fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eleġibilita` ta dawk li jixtiequ japplikaw biex ikun School Counsellor fl-Iskejjel Primarji. S'issa barra r-"recognised diploma in counselling", persuna jrid ikollha numru ta' snin (l-aħħar għaxar snin fl-Iskejjel Primarji ta' l-Istat) li tkun tgħallem fis-Settur Primarju.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ngħalaq il-Mużew tal-Gwerra f'Sant'Iermu? Kemm se jdum magħluq? Kemm kien id-dħul minnu sena sena dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Mużew tal-Gwerra kellu jingħalaq minħabba xogħlijiet urġenti li kellhom isiru fin-naħa tax-xellug ta' dan il-mużew. Din in-naħa żviluppat ħsarat estensivi u ħafna meta ilma tax-xita beda dieħel mis-saqaf.
Dan is-saqaf kien magħmul minn travi tal-ħadid (hanging beams) u xorok tal-ġebel fuqhom. Numru kbir ta' xorok kienu inqasmu tant li kellhom jinbidlu iktar minn mitt xriek.
Kien hemm ukoll ħsarat konsiderevoli fil-katusi ta' l-ilma u għaldaqstant kellhom jinbidlu kollha. Sar ukoll tibjid ta' din in-naħa u trid tinbidel ukoll is-sistema tad-dawl. Is-saqaf mibdul ser jinkesa bil-membrane għal iktar protezzjoni kontra l-maltemp.
It-toilet eżistenti kien fi stat ħażin u mhux aċċessibbli għal persuna bi bżonnijiet speċjali. Dan it-toilet komuni qed jinbidel biex ikun hemm faċilitajiet diċenti għal kulħadd.
Meta dawn ix-xogħlijiet jitlestew ikun possibbli li parti kbira ta' dan il-mużew terġa' tinfetaħ għall-pubbliku. Trid issir ukoll riorganizzazzjoni ta' l-esibiti biex dawn jiġu ppreżentati aħjar.
Informat ukoll li d-dħul minn sena għal sena dawn l-aħħar għaxar snin kien kif ġej:
1990 - Lm 6313
1991 - Lm 7451
1992 - Lm 5847
1993 - Lm44111
1994 - Lm35333
1995 - Lm26950
1996 - Lm23450
1997 - Lm32849
1998 - Lm38047
1999 - Lm28394
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mis-7 ta' Mejju, 1987 sal-25 ta' Ottubru, 1996?
Jista' jgħid x'tip ta' mpjieg ingħataw dawn il-ħaddiema?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħal ma kelli l-okkażjoni nirrispondi f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.