Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Santa Lucija - Skola
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fejn illum hemm l-iskola ta' Santa Luċija kienx hemm xi borehole ta' l-ilma tax-xorb? Jista' l-Ministru jgħid ukoll b'liema titlu d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni ħa din l-art?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fejn illum hemm l-iskola ta' Santa Luċija kien hemm borehole ta' l-ilma tax-xorb. Meta x-xogħolijiet fl-iskola jintemmu, din il-borehole se terġa titħaffer.
Rigward it-titlu fuq l-art, s'issa għadhom ma sarux kuntratti formali bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5780, jista' l-Ministru jgħid separatament kemm ikkontribwew it-tliet azjendi msemmija? Lil min kienu pagabbli ċ-ċekkijiet minn dawn it-tliet azjendi? X'tip ta' servizzi pprovdiet l-Air Malta u kemm hu stmat li jqumu? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu dawk l-avvenimenti simili li fil-passat ipparteċipaw fihom dawn l-entitajiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ammont li kull azjenda kkontribwiet kien dan:
Mid-Med Bank Lm10,000
Malta International Airport Lm10,000
Maltacom Lm 5,000
Iċ-ċekkijiet maħruġa mill-Maltacom u l-Malta International Airport kienu pagabbli lil Robert Arrigo & Sons Ltd., l-organizzaturi taż-żjara tal-Juventus f'Malta; filwaqt li ċ-ċekk tal-Mid-Med Bankkien pagabbli lill-Ministeru tiegħi li sussegwentement għaddieh lill-imsemmija organizzaturi.
L-Air Malta pprovdiet titjira charter Turin/Malta/Turin li swiet Lm15,000.
L-azjendi msemmija jikkunsidraw diversi talbiet li jsirulhom minn żmien għal żmien minn diversi istituzzjonijiet, individwi u kumpaniji. Naturalment meta l-azjenda tiddeċiedi li tagħti l-għajnuna, tieħu in konsiderazzjoni diversi fatturi, fosthom li din tingħata pubbliċita'.
Jista' l-Ministru jillumina lill-Kamra dwar x'jinvolvi l-proċess ta' "slurry blasting" li t-Tarzna għadha kif bdiet topera minflok "grit blasting"? Jista' jikkonferma li l-i"slurry blasting" hija aktar "environment friendly" mill-"grit blasting"? Jekk dan hu minnu, jista' jiġi ddikjarat li l-"grit blasting" mhux se jibqa' jintuża?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-proċess tas-slurry blasting, flimkien mas-solid abrasive grit li qed jintuża bħalissa, jiġi sprejjat l-ilma minn nozzle speċjali. Permezz ta' din is-sistema, il-grit li joħroġ fl-arja bi pressa konsiderevoli, jinkesa bl-ilma sprejjat u b'hekk l-għabra li toħroġ fl-arja tiġi eliminata.
Meta jkun meħtieġ xogħol ta' blasting, mhijiex it-Tarzna waħedha li tiddeċiedi jekk jintużax jew le is-slurry blasting, iżda jkun meħtieġ ukoll il-kunsens kemm tas-sidien tal-vapur kif ukoll tal-manifatturi taż-żebgħa.
Billi hemm ħafna ilmenti mir-residenti li joqogħdu f'Tal-Papa, Birzebbugia li ajruplani tal-kumpannija Kondor qegħdin jagħmlu ħafna storbju telgħin u neżlin minn fuqhom b'detriment għalihom, jista' l-Ministru jara li jirrimedja din is-sitwazzjoni?
Kemm se jdumu dawn l-eżerċizzji? X'benefiċċji qegħda tieħu l-kumpannija MIA b'dan il-ftehim?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-eżerċizzji ta' taħriġ tal-linja ta' l-ajru Condor saru bejn il-15 u t-23 ta' Marzu 1999. B'dawn it-tip ta' eżerċizzji, l-MIA plc ibbenifikat minn dħul ta' landing fees, parking fees u l-użu tas-sala tal-konferenzi.
Ta' min jirrimarka li minn dan it-tip ta' taħriġ jibbenifikaw ħafna aktar entitajiet konnessi mal-industrija ta' l-avjazzjoni, servizzi ta' catering, handling fees tal-ajruplan, fuel u koordinazzjoni mill-aġenti lokali tal-Condor kif ukoll sitta u tletin kamra f'lukanda 5 star u tmien karozzi tal-kiri tul il-perjodu kollu ta' taħriġ iġġeneraw dħul sostanzjali lill-entitajiet konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid x'għandu ppreparat għal ħaddiema tax-Shipbuilding li issa ilhom weqfin għal ħafna xhur?
Kif jaħseb li se jħaddem lil dawn il-ħaddiema? Meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mhux korrett li tgħid li l-ħaddiema tal-Malta Shipbuilding ilhom weqfin għal ħafna xhur. Fil-fatt bħalissa l-ħaddiema ta' din l-azjenda huma okkupati bil-bini tat-tlett vapuri għall-Gozo Channel Co. Ltd. Dan ix-xogħol mistenni jieħu sentejn oħra biex jitlesta.
Sadanittant il-Management huwa mpenjat biex itejjeb il-produttivita tat-tarzna biex meta jitlesta x-xogħol preżenti, jinkiseb xogħol ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlulha proġetti ta' investiment ġdid, xahar b'xahar mill-elezzjoni ġenerali sal-lum, l-MDC? Kemm minnhom kienu proġetti ġodda? Kemm minnhom kienu extensions ta' proġetti eżistenti? Kemm mistennija jħaddmu nies?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mill-Elezzjoni Ġenerali ta' Settembru 1998 sa llum, l-MDC irċeviet 45 proposta ta' investiment imqassmin kif ġej:-
XAHAR ĠODDA ESPANSJONIJIET
Settembru 1998 2 -
Ottubru 1998 5 1
Novembru 1998 2 1
Diċembru 1998 4 2
Jannar 1999 3 1
Frar 1999 5 4
Marzu 1999 3 6
April 1999 2 4
Total 26 19
Jekk dawn il-proġetti jiġu approvati u jibdew joperaw, hu mistenni li fi żmien tlett snin iħaddmu 844 persuna.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-residenti ta' Sqaq Tar-Rumi, f'Wied il-Għajn hux possibbli li jinbidlilhom il-main ta' l-ilma kif sar f'partijiet oħra ta' dan l-isqaq forsi fl-aħħar ikollhom il-provvista ta' l-ilma?
Billi kulma fadal jinbidel hu madwar 300 pied meta hu bi ħsiebu li jsir dan ix-xogħol għax dawn ir-residenti ilhom żmien bla ilma?
Jaf il-Ministru jew le li l-esperti Norveġiżi li suppost qed imexxu l-bini tal-vapuri tal-Gozo Channel u li qed jitħallsu eluf ta' liri, apparti l-karozzi lussużi li qed jużaw, fil-fatt m'hu qed jagħtu l-ebda pariri jew konsulenzi lil MSCL, anzi l-każ huwa l-kontra u cioe' li huma l-managers u l-foremen ta' l-MSCL li qed jagħtu pariri lis-suppost esperti Norveġiżi?
Jista' l-Ministru jinvestiga dan kollu u jieħu passi biex ma jibqgħux jintnefqu flus għalxejn u li eventwalment qed jispiċċaw down the drain?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mhux korrett li wieħed jgħid li l-konsulenti Norveġiżi ngaġġati mill-Kumpanija Gozo Channel mhumiex jagħtu servizz ta' konsulenza u pariri. Dawn fil-fatt għadhom qed jagħmlu l-istess xogħol li kienu qed jagħmlu fl-aħħar sentejn u nofs.
Barra minn hekk il-Management tal-Malta Shipbuilding qed jeżamina kif dawn il-konsulenti jistgħu jkunu ta' servizz aħjar biex iħarrġu lill-ħaddiema tat-Tarzna tal-Marsa. Meta l-bżonn ta' dawn il-konsulenti jonqos, isiru l-arranġamenti meħtieġa biex in-numru tagħhom jonqos.
Jista' l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni u x'inhi r-raġuni biex fil-kuntratt tal-bini tal-vapuri ta' Għawdex saret klawsola li torbot lil MSCL li kull meta jkun hemm bżonn il-vireg tal-welding u żebgħa, l-aktar żewġ materji importanti f'vapur, għal 30 sena sħaħ jinxtraw bilfors mingħand kumpannija Norveġiża? Jidhirlu l-Ministru li kummerċjalment klawsola bħal din hija ta' żvantaġġ ekonomiku għal MSCL? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min ħa d-deċiżjoni li l-pipes fuq il-vapuri ta' Għawdex ma jkunux galvanizzati b'konsegwenza li wara ftit ta' snin dawn ikunu jridu jerġgħu jinqalgħu bi spiża enormi u fuq kollox żejda? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kif bi spiża ta' miljuni kbar ta' liri għall-bini ta' dawn it-tliet vapur mhux se tiġi nstallata sistema ta' arja kondizzjonata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-tarzna tal-Marsa m'għandha l-ebda rabta li tixtri vireg tal-welding u żebgħa mingħand xi kumpanija partikolari Norveġiża għal dawn it-tletin sena li ġejjin.
Fuq parir tat-tekniċi, il-kumpanija Gozo Channel iddeċidiet li l-pipes li ntużaw fuq il-vapuri, flok jiġu ggalvanizzati, ikunu ta' ħxuna aktar min-normal u li jifilħu aktar għall-corrosion. Kuntrarjament għal dak li ingħad fil-mistoqsija, it-tlett vapuri ġodda ser ikunu mgħammra b'sistema ta' arja kundizzjonata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk wara diversi stqarrijiet pubbliċi mill-ħaddiem direttur tal-MSCL dwar problemi li jeżistu fid-drawings u fil-wasla tal-materjal għal bini tal-vapuri ta' Għawdex, u eventwalment dwar id-dewmien tal-bini ta' dawn il-vapuri, sarx jew hux qiegħed isir xi ħaġa serja u konkreta mill-ministeru biex din il-problema li 'l quddiem tista' tiswa lill-pajjiż miljuni ta' liri tiġi solvuta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-disinji tal-vapuri issa tista' tgħid li tlestew. Il-listi tal-materjal u l-inġenji meħtieġa għall-bini ta' dawn il-vapuri tlestew ukoll. Nuqqas ta' koordinazzjoni bejn id-disinjaturi u l-kumpaniji li pprovdew il-materjal wasslet biex l-ispecifications li kienu nklużi fid-disinji xi drabi ma' qablux ma' l-ispecifications tal-materjal. Dan il-fatt ikkawża ċertu dewmien u xogħol ħażin fil-bini matul dawn l-aħħar xhur.
Issa, li ġiet identifikata l-kawża tal-problema, qed jittieħdu passi biex id-disinji jerġgħu jiġu ċċekkjati biex ikun żgurat li dawn jaqblu ma' l-ispecifications tal-materjal u l-inġenji li ser jintużaw.
Peress li kif jaf il-Ministru malli l-MSCL tlesti l-vapuri ta' Għawdex m'għandhomx ordnijiet ta' xogħol ieħor li jiggarantixxi x-xogħol lill-ħaddiema ta' l-azjenda u biex ma jiġrix bħalma ġara lill-ħaddiema tal-Kalaxlokk, jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-Gvern biex jinġieb xogħol għal MSCL biex jiġu assigurati l-impjiegi tal-ħaddiema u l-għajxien tal-familji tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Management tal-Malta Shipbuiliding, minbarra li jgħin fir-riorganizzazzjoni tal-Kumpanija, jrid jistabbilixxi marketing department biex din l-azjenda tkun tista' tattira xogħol ġdid wara li jitlestew il-vapuri t'Għawdex.
Biex dan isir b'suċċess trid titjieb il-produttivita' f'din il-Kumpanija li bħalissa hi pjuttost baxxa biex tattira xi xogħol ġdid. Irid isir kull sforz possibbli biex din is-sitwazzjoni tinbidel biex l-azjenda tkun tista' tikkompeti fis-swieq tal-bini tal-vapuri fuq bażi kemm jista' jkun kummerċjali.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3298?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalma hija l-prattika, fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied 1998 u l-Ewwel tas-sena 1999, saru żewġ riċevimenti. Dawn saru f`isem il-Ministeru u kienu jikkomprendu liż-żewġ Segretarjati Parlamentari.
L-ewwel riċeviment inżamm fit-23 ta` Diċembru 1998 u t-tieni wieħed fil-31 ta` Diċembru 1998. Iż-żewġ riċevimenti saru fil-bini tal-Ministeru, cioe` fil-Berġa ta` Aragona, u l-ikel u xorb ġie pprovdut mid-ditta Arrigo Caterers. L-ispiża totali ta` dawn ir-riċevimenti kienet tammonta għal Lm2179.70c. Inġabru kwotazzjonijit mingħand erba` stabbilimenti li jipprovdu dan it-tip ta` servizz. Dawn huma Percius Caterers, Moulin D`or Caterers, Arrigo Caterers u The Hilltop Co. Ltd.
Kif soltu jsir f`okkażjonijiet bħal dawn, għar-riċevimenti msemmija, kienu mistiedna Ministri u Segretarji Parlamentari, membri tal-korp diplomatiku, kapijiet ta` dipartimenti, ażjendi u korporazzjonijiet, membri tal-korpi kostitwiti, uffiċjali tat-trade unions u persuni oħra li n-natura ta` l-operat tagħhom ikollha kuntatt frekwenti mal-Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern fir-rigward tal-Power Station tal-Marsa biex inaqqas it-tniġġis ikkawżat mill-attivita' tagħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bit-tħaddim tal-Combined Cycle Gas Turbine f'Delimara li bħalissa qiegħda fil-fażi tal-commissioning, hu mistenni li l-kontribuzzjoni tal-power station tal-Marsa għad-domanda totali tonqos b'mod sinifikanti.
Qed isiru modifiki biex jippermettu l-użu taż-żejt b'ammont iżgħar ta' sulphur u dawn mistennija li jkunu lesti sas-sajf li ġej.
Hu maħsub li l-impjant qadim tal-power station tal-Marsa jitneħħa b'mod gradat fis-snin li ġejjin u minfloku jitpoġġa impjant li hu iktar favorevoli għall-ambjent.
Sadanittant, qed jiġu studjati u mplimentati teknoloġiji li jtejjbu l-operat ta' l-impjant u jnaqqsu t-tniġġiż. Fost dawn hemm l-użu ta' emulsjoni ta' ilma miż-żejt, u modifiki fuq il-burners tal-boilers.
Tajjeb li wieħed ifakkar li kien il-gvern Laburista ta` qabel 1987 li inroduċa l-faħam fil-power station tal-Marsa u li tant għamel ħsara lill-ambjent. L-impenn tal-Gvern Nazzjonalista biex jitnaqqas it-tniġġiz wassal għal bidla mil-faħam għaż-żejt li biddel radikalment il-ħsara kbira li kienet qed issir b`użu tal-faħam. Il-Gvern preżenti huwa impenjat biex ikompli inaqqas it-tniġġis bl-użu ta` żejt b`kubrit baxx u impjant modern li iniġġeż ferm anqas.
Dan l-aħħar fil-Media ssemma każ ta' turisti li ġew overcharged minn spiżerija f'Buġibba, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern investigax dan l-ilment? Jekk iva, x'riżultat inkiseb?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjanijiet konkreti għall-introduzzjoni fis-suq ta' sorsi ta' enerġija ġodda f'Malta, bħall-użu tar-riħ, u/jew ix-xemx, u/jew il-baħar bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis? Jekk iva, x'inhuma l-pjanijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-policies dwar l-introduzzjoni ta' sorsi ġoddda ta' enerġija ser jiġu mfassla bħala parti mill-Energy Policy li qed titħejja mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija flimkien mal-Korporazzjoni Enemalta.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza fi Triq l-Imradd, f'Ta' Xbiex billi hemm dlam esaġerat bil-lejl u r-residenti kellhom iwaħħlu spot light huma għal spejjeż tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba għal dawl adekwat fit-triq imsemmija qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-korporazzjonijiet, azjendi jew entitajiet li fihom il-gvern għandu sehem maġġoritarju li ngħataw xi forma ta' sussidju s-sena l-oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ażjendi li fihom il-gvern għandu sehem maġġoritarju u li matul is-sena li għaddiet ingħataw xi forma ta` sussidju huma l-Malta Drydocks u l-Korporazzjoni Malta Freeport.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' korporazzjonijiet, azjendi jew entitajiet li fihom il-gvern għandu sehem maġġoritarju u li llum igawdu minn monopolju u/jew xi forma ta' protezzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-korporazzjonijiet, ażjendi u entitajiet, formanti parti mid-dikasteru tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomici, li fihom il-gvern għandu sehem maġġoritarju li llum igawdu monopolju jew xi forma ta` protezzjoni huma l-Maltacom, Matla International Airport, Il-Korporazzjoni Enemalta, il-Maltapost, it-Tug Malta, Il-Gozo Channel, is-Sea Malta, il-Medigrain u l-Kordin Grain Terminal.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-oqsma jew tip ta' servizzi offruti mill-privat jew minn persuni li huma self-employed u li llum għandhom xi forma ta' protezzjoni, per eżempju, taxis bojod, mini buses ħomor, furnara, funeral hearses, karozzini, pompi tal-petrol, spiżeriji, karozzi fuq tal-linja, burdnara, cable TV, mobile phone supply, pitkala, kerosine hawkers, distributuri tal-gass u oħrajn)? X'tip ta' protezzjoni jingħataw dawn l-oqsma u oħrajn li ma semmejtux?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħu litri ta' petrol unleaded u leaded f'Jannar u Frar ta' din is-sena? Kemm inbiegħu fl-istess xhur is-sena li għaddiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
UNLEADED LEADED
Jannar 1998 2,170,880 5,693,070
Frar 1998 1,994,230 5,232,450
Jannar 1999 2,182,900 4,972,020
Frar 1999 2,333,790 5,194,050
Kif jidher minn din it-tabella, l-użu tal-pertol leaded baqa` jinżel waqt li l-użu tal-petrol unleaded baqa` jiżdied.