Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi — Ħaddiema

Question

Skond ir-records tal-gvern tal-lum kemm kienu ġew impjegati nies "żejda" fl-1987 f'kull entita' pubblika rispettiva? Minn dak iż-żmien 'il hawn kemm minn dawn kienu tkeċċew mill-gvern? Kemm kienu ġew demoted? Kemm ingħataw transfer għal entitajiet oħra? Kemm minnhom irriżenjaw volontarjament? Kemm minnhom ħadu promotion?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mhux ċar f'din il-Mistoqsija jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għal impjiegi ma' entitajiet pubbliċi (public sector organisation) jew għal impjiegi mal-Gvern (Public Service). Fiż-żewġ każijiet, il-Ministeru għall-Politika' Soċjali ma jkollux l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. Infakkar lill-Onor. Membru li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ twaqqfet fl-1990.

Conditions of employment act — Xufiera tal-minibuses

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux qed jiġu osservati l-kundizzjonijiet, hekk kif espressi fil-conditions of employment act, fir-rigward tax-xufiera tal-minibuses u coaches?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kull meta jsiru spezzjonijiet dwar kundizzjonijiet tax-xogħol minn spetturi tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industriali u ta' Impjieg u jinstab li jkun hemm xi ksur tal-liġi, jittieħdu passi mid-Dipartiment biex il-liġi tkun osservata, ukoll fir-rigward ta' Xufiera tal-'Coaches' u 'Minibuses'. Presentament, l-ispetturi tad-Dipartiment tar-Relazzjonijet Industrijali u ta' Impjieg qiegħdin jikkonċentraw biex tiġi osservata l-liġi f'dan is-settur.

Conditions of employment act — Xufiera tal-mini buses

Question

Peress li skond il-conditions of minibuses u coaches, hemm li l-ġimgħa xogħol ta' dawn hija ta' 46 siegħa, jidhirlu l-Viċi Prim Ministru li hemm bżonn issir xi ħaġa fil-konfront ta' dawn il-ħaddiema li qed ikollhom jaħdmu ħafna aktar sigħat biex iġibu ġimgħa xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa għaddejja serje ta' inspezzjonijiet mill-uffiċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' Impjieg fis-settur tat-trasport (sewwieqa tal-'coaches' u 'minibuses') biex jsegwu l-kondizzjonijiet ta' dawn il-ħaddiema. Kull fejn jinstab li x-xufiera qed jaħdmu iktar milli tipermetti l-liġi, jittieħdu il-passi opportuni.

Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ġie nformat verbalment li għandu jagħti Lm4,000 lid-dipartiment tas-sigurta' soċjali? Jista' jiġi informat bil-miktub?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninfroma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

ETC — Xufiera fulltime

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni reġistrati ma' l-ETC bħala fulltime drivers ta' coaches u minibuses? Jista' jagħti lista wkoll kemm hemm part-timers jagħmlu l-istess xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-Nurmu ta' persuni li qed jaħdmu bħala drivers ta' coaches u minibuses (sa l-aħħar ta' Jannar 2000) huwa kif ġej: Full Time 550 Part Time 85

Impjiegi — Kondizzjonijiet tax-xogħol

Question

Peress li fil-liġi tal-conditions of employment hemm imniżżel li kull xufier ta' coach jew minibus irid ikollu ta' l-anqas sitt sigħat mistrieħ f'kull ġurnata xogħol, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux qed jitwasslu lmenti ta' abbuż fejn dawn il-ħaddiema ġieli jiġu mġiegħla jaħdmu kontinwament għal għexieren ta' sigħat bla mistrieħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' Impjieg irċieva xi ilemnti dwar xufiera li kellhom jaħdmu għal siegħat aktar milli stipulat fil-liġi. Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' Impjieġ qiegħed jinvestiga dawn l-ilmenti u qiegħdin jittieħdu l-passi neċessarji biex il-liġi tkun osservata. irrid ngħid ukoll li dan l-aħħar, fuq talba tal-'General Workers' Union', kelli laqgħa ma rappreżentatnti ta' dawn il-ħaddiema (mhux ix-xufiera tal- karozzi tal-linja) li kienu akkumpanjati minn rappreżentant ta' l-istess 'Union'.

Impjiegi — Pagi tax-xufiera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu stabbilit li għandha tkun il-paga fil-ġimgħa tax-xufiera tal-coaches u minibuses?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond il-'Hire (Cars and Private Buses) Wages Council Wage Regulations Order' 1977, Avviż Legali 124 ta' 1977, paragrafu 3 (b), l-inqas paga ta' xufier mill-01/01/2000 għandha tkun ta' Lm 51.31c fil-ġimgħa.

NPAA — Studji

Question

B'riferenza għal dak li hemm f'paġna 35 tal-NPAA, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-istudji ta' x'se jkunu l-implikazzjonijiet jekk pajjiżna jaderixxi għall-Acquis fil-qasam tal-free movement f'workers? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi studji li saru s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Programm Nazzjonali għall-Adozzjoni tal-Acquis magħruf bħala in-'National Programme for the Adoption of the Acquis' (NPAA) identifika dawk l-aspetti kollha fejn għad hemm bżonn li jsiru studji speċifiċi. Hekk kif jitlestew dawn l-istudji l-NPAA jiġi kompletat u jittieħdu d-deċiżjonijiet relattivi. Mhux għaqli li tingħata nfromazzjoni dwar dawn l-istudji f'dan il-waqt jew li jitqegħdu kopji fuq il-Mejda tal-Kamra wara li jitlestew jew li tingħata nformazzjoni dwar ir-riżultati ta' dawn l-istudji, anke minħabba fin-natura sensittiva tan-negozjati għas-sħubija ma' l-Unjoni Ewropea ġaladarba dawn l-istudji jistgħu iservu bħala bażi għall-pożizzjoni tal-Gvern Malti f'dawn in-negozjati. Minkejja dan kollu l-Gvern lest li jsib mod kif iżomm l-Opożizzjoni nfromata u jikkopera magħha jekk hija trid ġenwinament tipparteċipa fil-proċess tat-tħejjija tal-pożizzjoni tagħna għan-negozjati u tat-tibdil li jkun jinħtieġ li jsir sabiex aħna nadottaw l-acquis.

NPAA — Studji

Question

B'riferenza għal dak li hemm f'paġna 38 ta' l-NPAA, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-istudji ta' x'se jkunu l-implikazzjonijiet soċjali u f'oqsma oħra bħal ta' l-impjiegi li jġib miegħu it-tibdil meħtieġ fl-Immigration Act, liġijiet oħra biex ikun kompatibbli mad-diretturi ta' l-UE, dwar drittijiet ta' mpjiegi u residenza f'Malta ta' ċittadini ta' pajjiżi oħra ta' l-UE? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi studji li saru s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 14,162.

NPAA — Free Movement of Persons

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir attwalment biex tintlaħaq waħda mix-short term priorities msemmija fid-draft NPAA taħt Free Movement of Persons li f'paġna 39 ta' dan ir-rapport taħt B(b) tgħid: "Conclude bilateral agreement with some of the EU member states in the field of social security to facilitate the implimentation of relevant EU directives and regulations". Dan il-proċess huwa deskritt f'dan ir-rapport bħala ongoing?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru li fill-fatt delegazzjoni mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali tal-Ministeru tal-Politika Soċjali, bejn it-2 u l-4 ta' Frar ta' din is-sena, kellha diskussjonijiet f''the Hague', l-Olanda, ma delegazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u ta' Mpjieg tal-Gvern ta' l-Olanda dwar Ftehim Bilaterali dwar is-Sigurta' Soċjali. Jien infurmat li sar ħafna progress f'dan ir-rigward u li m'għandux ikun hemm diffikultajiet sostanzjali sabiex jintlaħaq ftehim aħħari.

Sigurta' Soċjali — Viżti minn tobba

Question

Wara li ġiet riveduta l-iskema ta' viżti mit-tobba għall-impjegati fis-servizz pubbliku li jkunu ma jifilħux, jista'l-Viċi Prim Ministru jinformana kemm u min huma t-tobba li ġew ingaġġati għal dan l-inkarigu tad-dekasteru li jaqa' taħtu? Jista' jgħid kemm qed jitħallsu t-tobba konċernati għal kull żjara? Jekk hemm xi forma ta' kuntratt bejn il-ministeru u t-tobba, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm-il viżta/żjara għamlu għand il-ħaddiema sa l-aħħar ta' Jannar, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-Ministeru għall-Politika Soċjali għadu kif laħaq ftehim ma kumpanija privata, bl-isem ta' 'Health Maintenance Organisation' dwar il-verifika ta' 'sick leave' minn impjegati tad-Dipartimenti tal-Ministeru. Peress li dan il-ftehim jindika wkoll ir-rati li għandhom jitħallsu għal dan is-servizz u għalhekk jinkludi nformazzjoni ta' natura kummerċjali, ma naħsibx li jkun prudenti li npoġġi kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan l-ftehim għandu jiġi fis-seħħ fl-1 ta' Marzu ta' din is-sena.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex anzjan li l-partikolarijiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, qiegħed jieħu pensjoni bin-nieqes? Jista' l-Ministru jivverifika dan il-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant illi l-persuna minnu ndikata ser tiġi nfurmata bil-miktub dwar ir-rata tal-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qed tirċievi.

Djar — Sussidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-persuni li l-partikolaritajiet tagħhom qed jintbagħtu separatament ma ngħatawx sussidju biex jirranġaw darhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Taħt l-Iskema, applikant/i li jkunu sa 2 membri ma jistgħux ikollhom id-dħul jeċċedi l-ammont ta' Lm 4,300, wara li jitnaqqas il-'National Insurance Contributions' (il-Bolla). Id-dħul ta' l-applikanti jeċċedi dan l-ammont.

Bormla — Triq Xandru - Fond Nru. 37

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13915, peress li d-dar bin-numru 37, Triq Xandru, Bormla, hija dar tal-gvern li tinsab vakanti, jista' l-Ministru jintervjeni sabiex issir inspection tagħha peress li fiha qed jikkawżaw inkonvenjent lid-dar numru 4? Jistgħu dawn il-ħsarat jissewwew jew, jekk hu l-każ, ir-residenti ta' dar numru 4, jiġu offruti post alternattiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jidher li d-dar li dwarha qegħdha tistaqsi l-Onor. Interpellant mhijiex tal-Gvern. Madanakollu jien ser ngħaddi l-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga.

Kalaxlokk — Ex-ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ex-ħaddiema tal-Kalaxlokk mhumiex qegħdin jitħallew japplikaw għal Bord ta' l-Invalidita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninfroma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda struzzjonijiet mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali biex ex-ħaddiema tal-Kalaxlokk ma jitħallewx japplikaw għal Pensjoni ta' l-Invalidita'. Jekk l-Onor. Membru jaf b'xi każ speċifiku għandu jikkuntattja lid-Direttur tas-Sigurta' Soċjali bid-dettalji. Tajjeb iżda li nfakkar l-Onor. Membru li persuna tista' tapplika għal Pensjoni ta' l-Invalidita' kemm il-darba tkun tbati minn marda serja jew ħsara fiżika jew mentali li tipprekluniha milli taħdem full-time jew b'mod regolari part-time jew għal xogħol li taħdem għaliha nnifisha. Għalhekk, persuna li tkun spiċċat mix-xogħol volontarjament u mhux mingħabba kundizzjoni medika, ma tikwalifikax għal pensjoni ta' l-Invalidita'. B'danakollu kien hemm ħaddiema tal-Kalaxlokk li fil-każ tagħhom ġie provat li qabel ma spiċċaw mix-xogħol kienu qed ibatu minn marda speċifika li kienet ser tipprekludihom mix-xogħol. Dawn ngħataw persjoni għall-Invalidita'.

Djar ta' l-Anzjani — Trasferimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Djar ta' l-Anzjani? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani kellu 4 trasferimenti ta' ħaddiema tad-Djar ta' l-Anzjani. Dawn saru fuq talba tal-persuni nnifishom. Fil-Futur qarib trasferimenti jsiru skond l-esiġenza tas-servizz jew fuq talba ta' l-individwu nnifsu.

Dipartiment tad-Djar — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mas-sezzjoni tal-manutenzjoni, tad-Dipartiment tad-Djar mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li ma ġew impjegati ebda ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fil-perjodu msemmi.

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13573, dwar kemm hemm persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol sa l-aħħar ta' Jannar 2000 skond il-lokal minn fejn ġejjin, x'inhi l-eta' tagħhom, skond il-lokal tagħhom? X'inhuwa l-livell edukattiv tagħhom skond l-eta' u l-lokal? Għal-liema mpjiegi qed jirreġistraw skond l-eta' u l-lokalita'? Kemm ilhom jirreġistraw, skond l-eta' u l-lokalita', maqsumin skond is-sessi? Peress li t-tweġiba tal-Ministru irriferitni għall-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika u peress li din l-istatistika ma tagħtix ħafna mill-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija, u wkoll ħafna mill-informazzjoni li tingħata mhux organizzata bil-mod mitlub, jista' jagħtiha, anke jekk jieħu ċertu żmien? Il-Viċi Prim Ministru ma jarax li eżerċizzji bħal dawn huma meħtieġa, għall-analisi, biex wieħed jifhem xi trends li jista' jkun hemm? Ma jarax li eżerċizzjoni bħal dawn huma meħtieġa wkoll għal ċertu ppjanar strateġiku f'dan il-qasam importanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif qalet l-Onor. Membru fil-Mistoqsija tagħha biex tinġabar l-informazzjoni mitluba fil-forma li talbet hi jenħtieġ ħafna żmien u użu ta' kwantita' ta' riżorsi umani li bħalissa huma meħuda kważi kompletament fuq ġbir ta' nformazzjoni biex jitwieġbu Mistoqsijiet Parlamentari.

Tilwim industrijali

Question

Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid dwar xiex ġew reġistrati t-tilwim industrijali minn Settembru, 1998 sa l-aħħar ta' l-1999 u minn liema trade union?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Tilwim Industrijali li ġie reġistrat minn Settembru 1998 sa' l-aħħar ta' l-1999 kien fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw ftehim kollettiv, kondizzjonijiet ta' xogħol, impjegati individwali, "union recognition" u temm ta' impieg. It-trade unions involuti kienu: General Workers Union Union Ħaddiema Magħqudin Drydocks Senior and Executive Staff Union Casino Employees Union Union Ħaddiema General Soft Drinks Union Gradwati Maltacom Malta Union of Bank Employees Union of Water Services Corporation Professionals Enemalta Senior Staff Union Malta Union of Midwives and Nurses Union tal-Professjonisti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar Enemalta Professional Officers Union

Adult Training Centres

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet li għamel il-Ministeru s-sena l-oħra dwar l-adult training centres u x'inhuma l-ħwejjeġ li jenħtieġu biex dawn il-pjanijiet jitwettqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali s-sena l-oħra għamel il-pjannijiet tiegħu biex ikun jista' jilqa' persuni b'diżabilita' li jridu jimxu mill-iskejjel speċjali għal "adult training centres". Dawn il-pjannijiet kienu jinkudu a) talba biex jiżdiedu l-finanzjament għal dawn iċ-Ċentri ħalli nkunu nistgħu nimpjegaw aktar "careworkers" u professjonisti oħra li jkunu jistgħu jieħdu ħsieb dawn il-persuni. b) l-ingaġġ ta' Assistent Kap li jieħdu ħsieb dawn iċ-Ċentri u l-programm ta' transizzjoni. c) kuntatti mill-qrib mad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni biex jitħejja programm ta' transizzjoni individwali għal kull persuna konċernata. d) studju dwar il-ftuħ ta'Ċentru ġdid. Rigward l-ewwel talba, għaddejjin diskussjonijiet intensivi biex iċ-Ċentru jkollu l-finanzjament meħtieġ. Nittama li fi ftit tal-ġimgħat oħra ikunu jistgħu jiġu ingaġġati "careworkers" u professjonisti oħra neċessarji. L-Assitent Kap (Grad 5) għal dawn iċ-Ċentri inħatar u diġa beda jaħdem, fost l-oħjar, fuq dan il-programm inkuż kuntatt mill-qrib mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u kull Ċentru individwalment biex f'Settembru li ġej dawn il-persuni jkunu ppreparati jieħdu s-servizzi li jipprovdu dawn iċ-Ċentri. Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', f'isem il-Ministeru, għada kemm lestiet rapport inizjali dwar Ċentru ġdid. Il-Ministeru ser ikompli jaħdem fuq din l-"issue" minħabba li fil-futur qarib, ma hemm dubju, li ser ikun hemm bżonn ta' Ċentru ieħor għalhekk mhux neċessarjament li jiffunzjona bl-istess mod li qed jiffunzjonaw dawk preżenti. Barra minhekk il-Ministeru flimkien mal-Kummissjoni imbarkat fi programm ta' taħriġ lill-"careworkers" li qegħdin jaħdmu f'dawn iċ-Ċentri.