Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ipproġettat l-ground tal-football ġdid għall-Birżebbugia? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan huwiex se jsir fiż-żmien qarib u fil-każ, meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kemm il-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa, kif ukoll il-klabb tal-football lokali qed jipproġettaw ground tal-football. Dan il-Ministeru qed jappoġġja t-talba tal-Kunsill Lokali, li tinkludi t-talba tal-klabb, biex jakkwistaw l-art u dan billi intervjena ma' l-awtoritajiet konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel tat-Trade School li għalqu? Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti jieħdu t-tagħlim f'dawn l-iskejjel? Jista' l-Ministru jgħid x'ser jagħmlu studenti li sena oħra ma jkollhomx livell akkademiku tajjeb u jkunu jixtiequ jitgħallmu trade?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena ma għalqet ebda skola tas-Snajja'.
Il-korsijiet kollha li kienu jsiru f'dawn l-iskejjel ser jibqgħu jsiru s-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-makkinarju tal-workshops tal-iskejjel li kienu jintużaw għat-tagħlim fit-Trade Schools ta' Dun Ġwann Mamo, Umberto Colosso u tan-Naxxar? X'sar minnu dak il-makkinarju ta' l-iskejjel li għalqu qabel bħal dawk ta' Bighi, ta' Ħal Qormi u dawk tal-Floriana?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-makkinarju li jeżisti fl-iskejjel indikati se jibqa' jintuża minħabba li s-sena d-dieħla l-istess skejjel se jibqgħu miftuħin.
Informat ukoll li l-makkinarju ta' dawk l-iskejjel li kienu għalqu qed jintuża fi skejjel oħra biex jiġi mgħallem is-suġġett ta' l-edukazzjoni Teknoloġika.
Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jara għaliex ir-revision of papers fl-eżami tas-Second Secretary fi ħdan il-Ministru (skritt), liema eżami sar f'Novembru, 1999 u Frar 2000 (orali), u liema revision of papers ġiet mitluba minn żewġ persuni biss madwar tmien ġimgħat ilu, għadha ma tlestietx u b'hekk il-kandidati l-oħra tħallew imdendlin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Novembru 1999 sar l-eżami għall-grad ta' Second Secretary fis-Servizz Diplomatiku ta' Malta f'dawn is-suġġetti:
Paper 1 Precis Writing and Current Affairs
Paper 2 International Affairs.
L-oral għal dawk li għaddew fl-ewwel parti, sar fi Frar 2000.
Informat ukoll li ntalbu żewġ "revision of papers" minn żewġ persuni fit-tieni karta. Din saret u r-rapporti ta' l-eżaminaturi intbagħtu lil dawk il-kandidati konċernati.
Kandidata waħda talbet "a second revision". Ir-rapport dwar din it-tieni reviżjoni għadu ma wasalx minkejja l-insistenza tad-Dipartiment li talab lill-Board of Local Public Examinations biex jieħu l-passi neċessarji rigward l-eżaminatur konċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li fl-iskola l-ġdida sekondarja "Margaret Mortimer" f'Sta. Luċija, Malta m'għandhomx u lanqas m'hemm ippjanata hall fejn l-istudenti jkunu jistgħu jtellgħu l-attivitajiet tagħhom?
Jaf li qed ikun ferm ta' inkonvenjent għall-istess studenti meta f'xi okkażjoni speċjali jkollhom itellgħu l-attivitajiet tagħhom billi jikru swali viċin jew fil-hall żgħira tal-Knisja? Hemm xi pjan li tinbena sala fil-futur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent fil-Liċeo tal-Bniet Margaret Mortimer f'Santa Luċia m'hemmx hall peress li l-iskola qegħda fi stadju ta' żvilupp, iżda qiegħdha titħejja pjanta għall-bini ta' multipurpose hall biex takkomoda l-ħtiġijiet ta' l-iskola.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li tingħata site lill-All Wheel Drive Club, biex ikollhom fejn jipprattikaw l-isport tagħhom peress li sal-lum dawn m'għandhomx post fejn jipprattikaw l-isport favorit tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li diġa' hemm diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet konċernati rigward sit għal All Wheel Drive Club.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn reġistrati settijiet tat-television? Kemm minnhom iħallsu l-liċenzja u kemm inġabru flus mill-ħlas tal-liċenzja sena b'sena mill-1995 'il hawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' settijiet tat-television reġistrati huwa 214,235. L-Istatistika tinżamm fuq "licence holders" u mhux fuq "television sets". Dan għaliex kull liċenzja tista' tkopri aktar minn television wieħed.
Dettalji ta' ġbir ta' flus mill-ħlas tal-liċenzji mill-1995 'l hawn huma:
Sena Lm
1995 2,009,000
1996 2,015,000
1997 2,264,000
1998 2,314,000
1999 2,304,000
Jista' l-Ministru jgħid xi ħsarat strutturali hemm fil-Mużew tal-Gwerra? Jista' jgħid jekk hemmx inventarju ta' l-oġġetti kollha?
Jista' jgħid x'oġġetti nsterqu f'dawn l-aħħar snin?
Jista' jgħid jekk il-gvern jagħtix xi forma ta' għajnuna finanzjarja lil dan l-istess mużew? Jekk fl-affermattiv, kemm kienet tammonta din l-għajnuna sena b'sena mill-1995 'il hawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-akbar ħsara strutturali fil-Mużew tal-Gwerra kienet tinsab fis-saqaf tar-"Right Annexe". Dan is-saqaf kien jinsab f'kundizzjoni daqsant ħażina, minħabba l-qedem tiegħu. Dan l-aħħar dan is-saqaf ġie mibdul.
Inbagħad hemm ħsarat oħra, mhux daqstant kbar u li bi ftit xogħol ta' manutenzjoni dawn jiġu faċilment irranġati. Fosthom hemm bżonn ta' xogħol ta' tikħil u kisi, xogħol ta' żebgħa ta' injam (bibien, twieqi, eċċ.) u manutenzjoni ta' soqfa.
Barra minn hekk il-kanċell tal-bieb prinċipali (tal-ħadid) huwa antik u tqil ħafna. Iċ-ċappetti tal-ħadid saddu u b'hekk qed jaqsmu l-ġebel. Għalhekk hemm bżonn li dawn iċ-ċappetti jinbidlu u b'hekk il-kanċell jiġi jinfetaħ kif suppost.
Informat li hemm inventarju ta' l-oġġetti li hemm fil-mużew u li dan l-inventarju qiegħed jinżamm minn-National War Museum Association.
Tagħrif dwar oġġetti li nsterqu mill-Mużew tal-Gwerra u mill-istores tiegħu f'dawn l-aħħar snin qed tinġabar.
Dwar għajnuna finanzjarja lill-Mużew tal-Gwerra, il-mużew jaqa' taħt ir-responsabbilta` tad-Dipartiment tal-Mużewijiet li għandu l-allokazzjoni ta' fondi allokati fil-budget ta' kull sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2000 ħallsu lira biex iżuru t-tempji ta' Ħal Tarxien u l-Mużew Arkeoloġiku tal-Belt?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat illi l-persuni li żaru l-Mużew ta' l-Arkeoloġija (L-Belt) u t-Tempji ta' Ħal Tarxien minn Jannar sa Marzu 2000 huma kif ġejjin:
2000 Mużew Arkeoloġiku Tempji ta' Ħal Tarxien
Jannar 1,720 1,184
Frar 1,800 2,654
Marzu 2,906 2,177
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-ipproċessar tat-tender għall-introduzzjoni tal-makni elettroniċi tal-biljetti awtomatiċi għad-dħul fil-mużewijiet u siti storiċi f'pajjiżna? Kemm intefgħu offerti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ipproċessar tat-tender għall-introduzzjoni tal-makni elettroniċi tal-biljetti awtomatiċi għad-dħul fil-mużewijiet u siti storiċi għadu mhux lest. B'kollox intefgħu 8 offerti.
Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-ħsara li żviluppat dan l-aħħar fis-saqaf tas-sala tal-iskola sekondarja Antonio Bosio tal-Gzira?
Xi spezzjonijiet saru dwar din il-ħsara? X'irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet? X'periklu tikkonstitwixxi? Meta se tissewwa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ilma tax-xita daħal fil-konkrit tas-saqaf tas-sala ta' l-iskola sekondarja Antonio Bosio, Gżira; saddad lix-xibka tal-ħadid u din qasmet il-konkrit li partijiet minnu waqgħu għal isfel.
Wara spezzjonijiet, saru t-tiswijiet meħtieġa.
Jikkonferma l-Ministru li tliet membri tal-kumitat tal-Malta Racing Club mhux qed jattendu għal-laqgħat ta' dan il-kumitat?
Jikkonferma li dawn it-tliet membri kienu wkoll dawk il-membri li kienu rriżenjaw xi ftit taż-żmien ilu u li minn dakinhar sal-lum qatt ma daħlu għal-laqgħat?
Min huma dawn it-tliet membri?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tlett membri huma s-sinjuri Charles Borg, Charles Farrugia u Dione Drago.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru xi tiġrijiet taż-żwiemel fil-korsa taż-żwiemel ġewwa Għawdex fit-13 ta' Mejju, 2000?
Min se jorganizza dawn it-tiġrijiet?
Min hu responsabbli mill-isports ġewwa Għawdex, kien informat dwar dawn it-tiġrijiet sa mill-bidunett?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Racing Club oġġezzjonatx għal dawn it-tiġrijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat tal-Malta Racing Club ma sab ebda oġġezzjoni biex isiru tiġrijiet taż-żwiemel fil-korsa taż-żwiemel ġewwa Għawdex. Anzi sellef l-autosart lill-organizzaturi biex ikunu jistgħu jsiru dawn it-tiġrijiet u sar ukoll xi tibdil fil-programm ta' l-istess Kumitat tal-Malta Racing Club. Għal aktar dettalji nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid, minn Settembru 1998 sal-lum, kemm-il darba ġew ikkuntattjati l-pulizija biex jagħmlu spezzjonijiet għall-għarrieda dwar abbużi fil-bejgħ ta' biljetti tad-dħul fil-mużewijiet u siti storiċi ta' pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-taqsima ta' l-economic crime fid-dipartiment tal-Pulizija ġiet infurmata bil-problemi relatati ma' abbużi fil-bejgħ ta' biljetti fil-mużewijiet u siti storiċi fil-perjodu indikat. Din it-taqsima inagħatat kull informazzjoni, dokumentazzjoni u għajnuna relevanti biex tkun tista' tagħmel spezzjonijiet neċessarji. Din l-għajnuna għadha qed tingħata.
Spezzjonijiet simili qed isiru anke mill-uffiċju tal-verifika intern fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Miżuri oħra ta' għajnuna ġew fis-seħħ fid-Dipartiment tal-Mużewijiet. Dawn jinkludu t-tqassim ta' uffiċċjali b'inkarigu permanenti għall-ħarsien u management ta' mużewijiet u siti. Dawn l-uffiċjali, fil-grad ta' Museum Officers, kollha ġew inkarigati minn mużew jew sit speċifiku. Din il-miżura, li daħlet wara xi 30 sena, iġġib magħha aktar responsabilita` u accountability ċara f'dak li huwa bejgħ ta' biljetti.
Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum jekk sarx xi studju fuq bejgħ ta' biljetti tad-dħul fil-mużewijiet u f'postijiet storiċi biex jiġi stabbilit jekk jirriżultax li meta ċerti individwi jkunu xogħol f'dawn il-postijiet dejjem jinzerta li d-dħul għall-gvern ikun inqas minn meta jkunu xogħol sħabhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Settembru 1998 sal-lum sar u qiegħed isir studju fuq l-istatistika ta' bejgħ ta' biljetti tad-dħul fil-mużewijiet u f'postijiet storiċi. Dan l-istudji iżda mhuwiex konklussiv fir-rigward tal-linji suġġeriti mill-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru fid-diversi mużewijiet u siti storiċi fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' jagħti t-tagħrif post post?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet fid-Dipartiment tal-Mużewijiet saru kif ġej:
Mużew ta' Għar Dalam
Preparazzjoni tad-display u information panels.
Mużew tal-Gwerra
Bdil ta' soqfa perikolużi u kostruzzjoni ta' toilets ġodda.
Mużew ta' l-Istorja Naturali
Preparazzjoni ta' tender biex jinbidel saqaf perikoluż. It-tender ġie ippublikat u qiegħed jiġi proċessat.
Mużew Nazzjonali ta' l-Arkeoloġija
a) Preparazzjoni ta' tender għal xiri ta' display cases
b) Preparazzjoni ta' information panels
c) Tindif ta' mħażen taħt il-mużew u fi Strada Karri.
Hypogeum
a) Kummissjoni ta' l-apparat mill-kuntrattur
b) Preparazzjoni ta' tender għal Audio Visual
c) Applikazzjoni ta' materjal kontra s-sadid lill-'walkways'.
Mużew ta' l-Arti
a) Preparazzjoni ta' tender għal bdil ta' soqfa perikolużi.
It-tender ġie ippublikat u qiegħed jiġi proċessat
b) Beda xogħol ta' restawr fuq l-istatwa ta' Kristu Re
c) Beda xogħol ta' restawr fuq l-altar u l-Gloria fil-Katidral
ta' San Ġwann.
Palazz ta' l-Inkwiżitur - Birgu
a) Bdil ta' bibien u twieqi
b) Bdil ta' ċangatura u xorok
c) Xogħol ta' restawr fuq affreski fis-swali magħrufa 'Ruffo
apartments' minn nies miċ-Ċentru ta' Restawr ta' Bighi
d) Preparazzjoni ta' tender għas-servizz ta' elettriku għall-
palazz kollu.
Mużew Marittimu
a) Preparazzjoni ta' tender għal bdil ta' membrane difettuż
b) Preparazzjoni ta' tender għal bdil ta' balavostri
perikolużi
c) Preparazzjoni u installazzjoni ta' wirja permanenti tar-
Royal Navy f'Malta.
Taċ-Ċagħqi, Rabat
Id-Dipartiment tax-xogħlijiet ġie mqabbad biex iħejji pjanti ta' dan is-sit arkejoloġiku marbutin ma' l-espropriazzjoni ta' dan is-sit.
Tas-Silġ, Marsaxlokk
Wara tiġrif żgħira ta' l-istruttura moderna, intalab rapport ta' perit li tlesta f'April 2000. Il-perit huwa tal-parir li l-istruttura għandha tiżżarma sa ċertu għoli, u t-tender għal dan ix-xogħol qed jitħejja mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
Ħaġar Qim, Qrendi
a) Tindif mill-ħaxix ħażin
b) Eżaminazzjoni ta' l-istrutturi megalitiċi mill-konservaturi
c) Tħejjija tal-qiegħ u għeluq għall-istazzjon tat-temp.
Katakombi ta' San Pawl, Rabat
a) Titjib fis-sigurta` tal-katakombi
b) Titjib fid-dawl tal-katakombi.
Jikkonferma l-Ministru li fix-xhur li għaddew kien hemm persuna impjegati fil-Mużew Marittimu li għamlet b'eluf ta' liri telefonati internazzjonali? X'passi ttieħdu dwar dan in-nuqqas? Dan in-nuqqas ittieħed in konsiderazzjoni meta din il-persuna ngħatat promozzjoni dan l-aħħar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet għamel investigazzjonijiet neċessarji rigward l-allegazzjonijiet imsemmija. Ma jirriżultax, minn kontijiet tal-Maltacom, illi dak li qed ikun allegat huwa minnu. Napprezza jekk l-Onor. Membru jgħaddi aktar informazzjoni konkreta sabiex jittieħdu passi neċessarji jekk jirriżulta li saru xi abbużi simili.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 15705, jista' jwieġeb it-tielet parti tal-mistoqsija li tgħid: jaħseb li hemm bżonn aktar għalliema ta' l-arti bħalissa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm il-full complement ta' għalliema ta' l-arti kif kien deċiż għas-sena skolastika 1999/2000.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba f'mistoqsija parlamentari numru 15704, li saret fl-10/4/2000 f'liema risposta ġejt imwiegħed li se tingħata risposta għall-istess mistoqsija?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15704 f'Seduta 286 tat-3 ta' Mejju 2000 meta l-informazzjoni tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fi grad ta' għalliema fl-iskejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji? F'liema suġġetti hemm bżonn ta' għalliema? Meta hemm il-ħsieb li jimtlew l-imsemmija vakanzi jekk dejjem hemm il-bżonn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Primarji ma hemmx vakanzi fi grad ta' għalliema.
Fl-iskejjel Sekondarji u tas-Snajja' hemm dawn il-vakanzi kif ġej:
Żebbuġ Boys Sec. School - Computer - 14-il lezzjoni
Mtarfa Boys Sec. School - Computer - 15-il lezzjoni
Żurrieq Boys Sec. School - Computer - 10 lezzjonijiet
Ħamrun Girls Sec. School - Integrated - 16-il lezzjoni
Science (għalliema bis-sick leave)
Mosta Girls Sec. School - Religion - 8 lezzjonijiet
(għalliema bil-maternity
leave)
Rabat Grils Sec. School - Spanish - 9 lezzjonijiet
(għalliema bil-maternity
leave)
St Andrews Sec. School - Geography - 6 lezzjonijiet
Umberto Calosso BTS
Santa Venera - Physics - 30 lezzjoni
Umberto Calosso BTS
Santa Venera - Computer - 8 lezzjonijiet
Il-vakanzi fuq imsemmija jiġu mimlija appena jinstabu l-għalliema li hemm bżonn. Fil-fatt xi vakanzi minn dawn kienu ġew koperti b'impieg ta' Supply Teachers pero` reġgħu nħolqu meta l-imsemmija Supply Teachers irriżenjaw mill-impieg. Naturalment xorta jibqa' jsir dak kollu meħtieġ biex dawn il-vakanzi jintlew mill-aktar fis-possibli.