Jista' l-Ministru jgħid liema toroq li jaqgħu fin-network tat-Ten-T u li jistgħu jiġu kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea fadal isiru f' Malta? Fuq liema minn dawn it-toroq inbeda x-xogħol (anke jekk ta' preparazzjoni ta' tenders)? Meta hu ppjanat li jsiru dawn it-toroq li fadal f'din in-network?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil l-Onorevoli Interpellant li t-toroq li fadal isiru u li jaqgħu fin-network tat-Ten-T u li se jiġu kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt l-Operational Programme 1 Cohesion Policy (2007-2013) huma:
· s-Salina Coast Road, li bħalissa qed jiġu evalwati t-tenders għax-xogħlijiet
· Junction EA15 u parti minn Triq Mikiel Anton Vassalli, Kappara
· Triq Diċembru 13, fejn bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet
Ix-xogħlijiet fuq is-Salina Coast Road mistennija li jibdew fl-aħħar ta’ din is-sena u jdumu tnax il-xahar.
It-tenders għax-xogħlijiet fuq Kappara Junction huma skedati li joħorġu lejn l-aħħar ta’ Settembru u hu ppjanat li ix-xogħlijiet jibdew fit-tieni nofs tas-sena id-dieħla bit-tlestija għall-aħħar tas-sena 2015.
Fondi tal-Unjoni Ewropea – Ten-T network (Għawdex)
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema toroq li jaqgħu fin-network tat-Ten-T u li jistgħu jiġu kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea fadal isiru f' Għawdex? Fuq liema minn dawn it-toroq inbeda x-xogħol (anke jekk ta' preparazzjoni ta' tenders)? Meta hu ippjanat li jsiru dawn it-toroq li fadal f'din in-network f'Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi it-toroq li hemm preżentament fuq in-network tat-Ten-T f’Għawdex tlestew kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-individwu li ismu qed jintbagħat separatament, mis-sena 2000 sal-lum? Jista’ jgħid dwar xiex kien dan ix-xogħol, jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, ingħata xogħol ta’ konsulenza fuq l-Impatt ta’ Windfarm fuq is-Sikka l-Bajda fit- 3 t’Ottubru 2012 għall-ammont ta’ €14,930.00 kif ukoll konsulenza bħala espert fuq it-tibdil tal-Klima u Ambjent fis-7 ta’ Frar 2013 għall-ammont ta’ €5,900.00. Fiż-żewġ każijiet ix-xogħol ingħata b’ direct order.
Ninforma ukoll lill-Onorevoli Interpellant li r-Roads and Infrastructure Directorate fi ħdan dik li kienet l-Awtorita’ dwar it-Trasport (ADT) ukoll kienet tat kuntratt lill-istess individwu, permezz ta’ direct order fuq xogħol ta’ konsulenza fuq Pathfinder Project bi spiża ta €25,809.70 fid-19 t’Ottubru 2009.
Ma ngħata l-ebda xogħol ieħor ta’ konsulenza minn Transport Malta, l-Awtorità Marittima u d-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili lill-persuna msemmija mis-sena 2000 sal-lum.
Is-Swieqi — introduzzjoni ta’ rotot ġodda tal-Arriva
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jiġu introdotti rotot ġodda tal-Arriva li jgħaddu mis-Swieqi (inkluż l-Ibraġġ u l-Madliena)? Jekk iva, liema huma?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3055.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta u minn min hu mistenni li jsir ix-xogħol meħtieġ fi:
a) Triq il-Wied ta’ Ruman
b) Triq Għarukaza
u toroq oħra fl-inħawi tal-Mellieħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ ffurmar ta’ Triq il-Wied ta’ Ruman sar min-naħa tal-iżviluppatur skont l-obbligi legali tiegħu. L-asfaltar ta’ parti ta’ din it-triq li qatt ma saret, taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Transport Malta.
Ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-parti ffurmata ta’ Triq Għar u Casa sar min-naħa ta’ Transport Malta s-sena l-oħra. Il-parti l-oħra ta’ din it-triq għadha ma ġietx ffurmata minn min kellu l-obbligu legali li jiffurmaha. L-iżviluppaturi ta’ din it-triq ma wettqux l-obbligi legali tagħhom u għalhekk din it-triq għadha taħt ir-responsabbilta’ tagħhom.
It-toroq residenzjali l-oħra li ser jiġu mibnija mill-ġdid, u li jagħmlu parti mill-programm tax-xogħlijiet li għaddej bħalissa huma elenkati hawn taħt:
1. Bħalissa għaddej ix-xogħol fi Triq bejn Triq il-Mellieħa u Triq Dun Manwel Grima, Mellieħa.
2. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fi Triq it-Trill qiegħed fil-pjan kurrenti ta’ Transport Malta. Fill-fatt, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq din it-triq u għandu jitlesta fil-futur qarib.
3. Ix-xogħol fi Triq il-Qasab ġie aġġudikat u għandu jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin.
4. Bħalissa qed isir ix-xogħol preparatorju ta’ Triq il-Qortin sabiex tinħareġ sejħa għall-offerti. Sakemm ma jinstabux problemi li l-Awtorita’ ma tkunx tista’ ssolvi u sakemm l-obbligi kollha tal-iżvilipputari huma mwettqa, huwa ppjanat li tinħareġ is-sejħa għall-offerti f’ Settembru sabiex x-xogħol ikun jista’ jinbeda lejn l-aħħar ta’ din is-sena.
Il-Ministeru tiegħi, wara konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, qed jippjana il-programm tax-xogħlijiet li jmiss.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzini li wieħed isib barra l-Imdina joperawx taħt xi forma ta’ permess u jekk iva, liema hija l-awtorità kompetenti li ħarġet tali permess, u x’inhuma l-kundizzjonijiet li bihom joperaw?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi l-karozzini huma liċenzjati minn Transport Malta skont l-Ordinanza dwar ir-Regolamenti tat-Traffiku (Kap. 65).
Din l-Ordinanza tistipula li dawn il-vetturi jistgħu ikunu esposti għall-kiri u jistgħu jinstaqu biss minn persuni li tkun inħarġitilhom karta tal-identita’ (tag) minn Transport Malta. Minbarra dan għandhom ikunu mgħammra bi pjanċi li juru n-numru ta’ reġistrazzjoni.
Transport Malta toħroġ karti tal-identita’ (tags) għas-sewqan tal-karozzini lil persuni li hi tkun tqis ta’ kondotta tajba u li jkunu attendew taħriġ fuq is-sewqan taż-żwiemel li hu organizzat mill-Kavallerija tal-Pulizija. Dawn is-sewwieqa huma wkoll meħtieġa jattendu taħriġ fuq ir-relazzjoni mal-klijenti.
Apparti dan, l-operat tal-karozzini ġewwa l-Imdina hu permess skont ir-Regolamenti dwar Restrizzjoni ta’ Dħul u Passaġġ ta’ Vetturi fl-Imdina (L.S. 65.27).
Ħad-Dingli – Triq ir-Rabat – Veloċità Massima tal-karozzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-veloċità massima li tista’ tintlaħaq mill-karozzi fi Triq Rabat, Ħad-Dingli? Hemm xi ħsibijiet li jsiru xi prekawzjonijiet biex titnaqqas il-veloċità li biha jgħaddu minnha l-karozzi f’din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn riċerka li saret minn Transport Malta jirriżulta li l-85th Percentile Speed ta’ din it-triq huwa ta’ 67km/h. Skond studju li sar mill-istess Awtorità bħala parti mid-dokument Speed Management Policy, il-veloċità massima ta’ din it-triq għandha tkun ta’ 50km/h. L-Awtorità se tieħu l-passi meħtieġa sabiex jitwaħħlu dawn it-tabelli tal-veloċità massima flimkien ma’ sinjali tat-toroq.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Triq it-Trill fil-Mellieħa hix fil-pjani ta' Transport Malta biex issir fil-futur qarib? Jekk le meta hu mistenni li jsir ix-xogħol neċessarju fuq l-istess triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fi Triq it-Trill, Mellieħa qieghed fil-pjan kurrenti ta’ Transport Malta. Fill-fatt, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq din it-triq u għandu jitlesta fil-futur qarib.
Jista’ l-Ministru jgħid liema periti u inġiniera fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet għamlu talba biex jagħmlu xogħol privat fl-2011 u fl-2012?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l –ammont ta’ Periti u Inġiniera fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet li għamlu talba biex jagħmlu xogħol privat kien ta’ 13 fis-sena 2011 u ta’ 3 persuni fis-sena 2012.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2434, jista’ l-Ministru jgħid meta ottjena l-warrant tiegħu ta' perit l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Ġaladarba mill-elezzjoni ’l hawn beda jaħdem fis-Segretarjat Privat tal-Ministru, min effettivament se jokkupa l-kariga ta’ Kap għall-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini jew se jirriżenja l-kariga li għandu fis-Segretarjat tal-Ministru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija qatt ma għamlet talba għal ħrug ta' Warrant ta' Perit bħalma ġie indirizzat bi svista fit-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari numru 2434.
L-istess persuna qatt ma kienet tifforma parti mis-Segretarjat Privat tieghi u għaldaqstant se tkompli tokkupa l-kariga msemmija.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2984, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-MRRA kenitx mitluba tikkonsenti jew le? Jekk iva, x’kienu r-raġunijiet li għalihom l-MRRA ġiet ikkonsultata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniku infomazzjoni dwar dan il-każ li ġiet mgħoddija lill-uffiċċjali ta’ Transport Malta, li huma responsabbli minn dan ix-xogħol, kienet l-approvazzjoni li għaliha qed tirreferi r-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2984.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jassigura li matul ix-xhur tas-sajf (iktar milli fix-xhur tax-xitwa, għalkemm spiss jiġri li jkun hemm bżonn ukoll fix-xitwa), ikun hemm żieda fis-servizz ta' trasport pubbliku f'San Pawl il-Baħar? Jista' jiġi assigurat li tibda titlaq ukoll karozza tal-linja minn ħdejn il-knisja tax-Xemxija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għaż-żmien tas-sajf, il-frekwenza fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar ser tiżdied fin-numru ta’ karozzi tal-linja li jgħaddu kull siegħa.
Ir-rotot 37, 41, 42, 221 u 222 kollha jgħaddu minn quddiem il-knisja tax-Xemxija.
Infurmat ukoll li bħalissa għaddej proċess biex jitjiebu kemm ir-rotot eżistenti kif ukoll il-frekwenzi matul is-sena kollha. Meta dan l-eżerċizzju jitlesta, ir-riżultati ser jiġu diskussi kemm mal-operatur kif ukoll mal-Kunsilli Lokali rispettivi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux maħsub li l-pjanta li ġiet approvata mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-Coast Road, li minn St Andrew’s twassal sa San Pawl il-Baħar hux se tinbidel, wara li ġiet approvata? Jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq is-sit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tal-Coast Road kien ġie approvat mill-Mepa taħt żewġ applikazzjonijiet, u ċioe’ PA 3883/08 u PA 3758/09. Din l-approvazzjoni ngħatat b’numru ta’ “reserved matters” fil-kundizzjonijiet tal-istess permessi. Għalhekk kellhom isiru pjanti ġodda biex jiddettaljaw dawn ir-“reserved matters”, fejn l-istess pjanti qegħdin jiġu evalwati mill-MEPA.
Fid-dawl tad-diversi aċċidenti tat-traffiku li qed iseħħu fi Triq il-Kosta, Transport Malta hija konxja mill-fatt li din it-Triq hija l-agħar road killer f’pajjiżna. Il-pjanijiet ta’ Transport Malta huma li d-difetti strutturali li hemm fi Triq il-Kosta, ikunu indirizzati. Il-proġett jaħseb biex fost l-oħrajn ikun hemm żewġ karreġġjati fl-istess direzzjoni (kull naħa) kif ukoll crash barriers li jisseparaw id-direzzjonijiet opposti. Dan għandu jnaqqas drastikament mill-overtaking perikoluż kif qed isir bħalissa kif ukoll se jkun hemm aktar safety features bħal traffic lights, asphalting aħjar tat-triq innifisha, fosthom high friction f’partijiet partikolari. Se jkun hemm ukoll bicycle lanes apposta kull naħa tat-triq biex anki ċ-ċiklisti jkunu aktar siguri u protetti.
Ix-xogħol huwa ppjanat li jibda għall-aħħar ta’ din is-sena.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu ż-żoni riservati għall-għawm f'dan l-istaġun? Meta hu mistenni li jitqiegħdu f'posthom il-markings li s-soltu jkun hemm fid-diversi żoni biex jimmarkaw l-inħawi li fihom ma jkunx jista' jsir dħul ta' dgħajjes, u allura jkunu riservati għall-għawwiema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żoni riservati għall-għawm għal din is-sena huma 47, b’żewġ żoni ġodda, li huma s-Salina u Balluta. Iż-żoni kollha huma dawn:
Mġarr ix-Xini
Xlendi
Qbajjar
Marsalforn
San Blas
Ramla l-Ħamra
Ħondoq ir-Rummien
San Niklaw
Santa Marija
Blue Lagoon
Ġnejna
Għajn Tuffieħa
Ir-Ramla tal-Mixquqa
Ċirkewwa
Paradise Bay
Armier
Għadira
It-Tunnara
Buġibba
L-Imġiebah
Selmun
Tal-Veċċja
Tal-Għażżelin
Bajja Ta’ San Ġorġ
Spinola
San Ġiljan
Exiles
Rinella
Żonqor Point
M’Scala (Jerma)
Bajja ta’ San Tumas
Xrobb l-Għaġin
Delimara
Birżebbuġa
Marsamxett
Buġibba (Dolmen)
Salini(hdejn il-Coastline)
Salina (ħdejn is-Suncrest)
Fond Għadir
Ta’ Xbiex
Xemxija
Fekruna
Birżebbuġa (San Ġorġ)
Qawra
M’Xlokk
Tigne’
Balluta
Dawn iż-żoni se jkunu lesti sal-aħħar ta’ Ġunju.