Fid-dawl ta' l-applikazzjoni li qed jagħmel il-Gvern Nazzjonalista għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Maltacom hijiex se tibqa' tgawdi l-monopolju li għandha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent il-Maltacom tgawdi monopolju f'diversi setturi fil-qasam tat-telekomunikazzjoni.Dwar din il-materja, għad iridu jsiru diskussjoniiet mal-Unjoni Ewropea. Huwa fatt magħruf li, indipenentament mill-applikazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, pajjiżna jemmen bi sħiħ fil-pluraliżmu fid-diversi oqsma ta' l-ekonomija. Il-gvern preżenti huwa mpenjat biex il-kunċett tal-pluraliżmu jinfirex u jħalli impatt pożittiv kif ġara fil-qasam tax-xandir.
B'riferenza għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema ta' Kalaxlokk, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-taħdidiet bejn il-partijiet kollha konċernati għadhom għaddejjin u għalhekk ma naħsibx li jkun għaqli li jingħataw dettalji dwar il-materja f'dan l-istadju.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja preżenti tat-Tarznari f'pajjiżna, hemm xi ħsieb li jibdew jissewwew ukoll supply ships tan-navy Amerikana fit-Tarznari tagħna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent ma jeżistu ebda kuntratti għal tiswija ta' bastimenti tan-navy Amerikana.
Jista' l-Ministru jassigura lill-Kamra li meta mpjegati ta' l-Enemalta jżuru n-nies fid-djar privati tagħhom sabiex jiċċekkjaw meters tad-dawl, dawn ikunu liebsin l-identification tags u jiddentifikaw rwieħhom ma' dak li jkun? Jista' l-Ministru jagħti spjega għaliex meta riċentement ħaddiema ta' l-Enemalta żaru negozju fi Triq Palma, f'Raħal Ġdid dawn la kienu liebsa l-imsemmija tag u lanqas identifikaw lilhom infushom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Meta l-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta jmorru jagħmlu spezzjonijiet, dawn jintroduċu ruħhom bħala impjegati tal-Korporazzjoni u meta jiġu mitluba juru l-'identification tag'.
Jiena nfurmat li meta riċentament, u ċioe` fis-27 ta' Marzu, impjegati tal-Korporazzjoni żaru n-negozju imsemmi, dawn introduċew ruħhom bħala mpjegati ta' l-Enemalta, iżda ma ġewx mitluba juru dokument ta' identifikazzjoni.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Istatut jew Articles of Association tal-La Valette SICAV? Jista' jgħid min huma l-membri tal-Bord tad-Diretturi? Kemm huwa l-ħlas lil kull membru? X'salarju/drittijiet/introjtu ieħor għandu ċ-Chairman tal-La Valette SICAV?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-kumpanija li għaliha qed jirreferi l-onorevoli Interpellant hija waħda privata kwotata fil-Borża ta' Malta, mhuwiex il-kompitu ta' dan il-Ministeru li jagħti l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi żvilupp huwa maħsub li baqa' jsir fil-power station ta' Delimara? Jista' jagħti jew jindika sena entro il quale ix-xogħol jista' jitqies bħala mitmum u komplut?
Response (BONNICI, JOSEF)
Billi d-domanda għall-eletriku tiżdied aktar ma' jgħaddi żmien; ikun meħtieġ li jsir tkabbir tal-power station ta' Delimara. Dan isir f'diversi fażijiet.
Ta' min jgħid li x-xogħol fuq l-ewwel fażi tlsta fl-1992 u x-xogħol tat-tieni fażi mistenni jitlesta aktar tard din is-sena.
Rigward fażijiet oħra ta' tkabbir, deċiżjoni tittieħed fil-mument opportun.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-artiklu 2(ċ) ta' l-Att 28 ta' l-1994 (Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur) fir-rigward ta' dipartimenti governattivi jew korporazzjonijiet parastatali li jaqgħu taħt il-kappa tad-definizzjoni ta' trader ġiex fis-seħħ jew le? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk le, huwiex maħsub li sa ċertu data prospettiva dan jiġi fis-seħħ għall-aħjar ħarsien tal-konsumatur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Naħseb li l-Onor. Interpellant ried jirreferi għall-artiklu 2 (b) u r-risposta qed tingħata f'dan is-sens.
L-artiklu 2(b) ta' l-Att 28 ta' l-1994 (Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur) ġie fis-seħħ 'in parte' fl-1 ta' Ottubru, 1997 permezz ta' Avviż Legali Nru 109 ta' 1997 fejn il-Prim Ministru stabbilixxa li l-korporazzjonijiet pubbliċi li isimhom jidher hawn taħt, jipprovdu oġġetti jew servizzi lill-konsumatur bi ħlas għandhom jitqiesu bħala kummerċjant għall-finijiet ta' dan l-Att:-
Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta
Tarzna ta' Malta
Korporazzjoni Telemalta
Enemalta
Port Ħieles
Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ
Korporazzjoni għas-Servizz ta' l-Ilma.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 5970, jista' l-Ministru jagħti d-data u l-isem tan-nutar li għamel il-kuntratt għat-trasferiment tal-Lukanda Verdala?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-kuntratt li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant ġie ppubblikat min-Nutar Peter Fleri Soler fis-26 ta' Marzu 1997.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy li tadotta l-Maltacom fir-rigward ta' xogħlijiet ta' trenching works u laying of pipes?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Maltacom tistalla il-cables ta' aktar minn mitt par kollha ġewwa katusi taħt l-art. F'xogħolijiet fuq proġetti ġodda, fejn hu teknikament possibli, il-cables kollha jiġu stallati minn taħt l-art.
Estensjonijiet ta' cables minn 100 par 'l isfel fuq stallazzjonijiet eżistenti li mhumiex taħt l-art isiru bl-istess mod.
Meta l-Gvern Ċentrali jew il-Kunsill Lokali jagħmlu xogħlijiet ta' upgrading ta' toroq jew bankini, Maltacom tinstalla l-katusi skond il-pjani tagħha sabiex tevita li terġa tiġi maqlugħa l-art.
Jista' l-Ministru jara li l-Enemalta tneħħi arblu tad-dawl imsaddad li qed joħloq periklu serju lir-residenti u lit-traffiku li jgħaddi minn Triq il-Kappuċċini, Zabbar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li għalkemm l-arblu in kwistjoni mhux qed joħloq xi periklu serju, xorta waħda ser jittieħdu l-passi biex jinbidel f'qasir żmien.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex bozza maqtugħa li tinsab fuq fond Nru. 6, Triq il-Kuċċard, San Ġiljan u ilha maqtugħa għal xhur sħaħ isirilha l-manutenzjoni meħtieġa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-bozza msemmija saret fit-2 ta' Frar 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta' eżenzjonijiet mil-levies li qed jistennew l-awtorizzazzjoni tal-Ministru? Kemm akkumulaw minn dawn it-talbiet għall-eżenzjoni tul Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru, 1998 u Jannar u Frar 1999? F'liema oqsma qed isiru t-talbiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent hemm 13-il applikazzjoni li qed jistennew l-eżenzjoni msemmija.
Mija u tmien (108) applikazzjoni oħra bħalissa qed jiġu pproċesssati mid-Dipartiment ta' l-Industrija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fit-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija.
Il-Ministru ma jidhirlux li għandu jkun hemm pjan biex almenu jiġi ntrodott fuq skala nazzjonali l-użu tas-solar water heaters?
Il-Ministru ma jidhirlux li l-gvern għandu jimpenja ruħu aktar f'dan is-sens u mhux iħalli din l-inizjattiva kompletament f'idejn il-privat?
Ma jidhirlux il-Ministru li l-użu ta' din l-enerġija ħielsa mit-tniġġiż għandha tkun inkoraġġita u ntaxxata inqas?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-policy biex jiżdied l-użu ta' solar water heaters għandha tkun parti mill-energy Policy li qed tiġi mfassla mill-Kunsill Malti tax-Xjenza u Teknoloġija flimkien mal-Korporazzjoni Enemalta.
Ma hemm xejn ħażin li s-settur privat jieħu inizjattiva f'dan il-qasam. Il-Gvern lest li jinkoraġixxi kull inizjattiva pożittiva.
Il-kwistjoni ta' tassazzjoni fuq dan it-tip ta' apparat qed tiġi studjata.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4622, jista' l-Ministru jgħid meta nbdiet ir-ristrutturazzjoni tat-tarznari u f'liema fażi tinsab?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-proċess ta' ristrutturizzazzjoni mhux xi eżami li jsir f'ġurnata partikolari jew bħal meta wieħed jagħfas buttuna u din tibda tiffunzjona minnufih. Ir-ristrutturazzjoni tat-Tarzna huwa proċess li dejjem għaddej u jrid jiġi intensifikat biex din l-azjenda ssir dejjem aktar viabbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri fir-rigward tal-levies malli Malta jkollha tadotta l-common customs tariff minħabba s-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea?
Response (BONNICI, JOSEF)
Meta eventwalment Malta tibda tifforma parti mill-Unjoni Ewropea, parti kbir mil-levies eżistenti jkunu tneħħew. Naturalment dan isir gradatament waqt li fuq setturi partikolari bħall-Agrikoltura, wieħed irid jistenna r-riżultat minn negozjati li jsiru bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati taċ-Ċivil li qed jaħdmu fuq l-investigazzjonijiet dwar żieda fil-prezzijiet fid-Dipartiment tal-Kummerċ u fl-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta separatament? X'inhuma l-gradi tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent in-numru ta' impjegati, taċ-Ċivil li qed jaħdmu fuq l-investigazzjonijiet dwar żieda fil-prezzijiet fid-dipartimenti msemmija hija kif ġej:
Dipartiment tal-Kummerċ - Prinċipal Anzjan, 2 Prinċipali, 3 Uffiċjali Eżekuttivi, Supervisor, 5 Skrivani, 2 Tajpisti Każwali, Ġardinar (fuq xogħol ta' spezzjonijiet) u 4 Spetturi Agrikoli (mislufa mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura).
Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta (Sezzjoni tal-Monitoring) - 2 Prinċipali Anzjani, Uffiċjal Eżekuttiv u 6 Skrivani.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-produzzjoni ta' ilma lokali mir-R/O għax-xahar ta' Jannar u Frar, 1999?
Kemm sewa biex jiġi provdut dan il-volum ta' ilma u x'policy għandu l-gvern sabiex inaqqas l-ispejjeż involuti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-produzzjoni ta' ilma mill-impjanti tar-Reverse Osmosis matul l-ewwel xahrejn ta' din is-sena kien kif ġej:
Jannar 1999 1,568,359 metri kubi
Frar 1999 1.325,632 metri kubi
L-ispiża tal-produzzjoni għadha qed tinħadem u għalhekk tweġiba għal din il-parti tal-Mistoqsija tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li Hompesch Steel Co. Ltd. ta' Ħal Tarxien tiġi trasferita għal post ieħor, fejn minħabba n-natura ta' xogħol li twettaq ma tkunx ta' inkonvenjent u ta' periklu għal min jgħix fil-viċinanzi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-parti l-kbira ta' l-art li qegħda tokkupa il-kumpanija msemmija hija proprjeta' tagħha stess u parti żgħira hija amministrata mill-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp. Ta' min jgħid li fil-Pjan Strutturali hemm il-ħsieb li industriji ta' dan it-tip ikunu rilokati f'postijiet adattati li għad iridu jiġu identifikati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, iwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari numru 5751?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-brackets li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant mhumiex ta' periklu u huma parti mis-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-elettriku li tinuża f'ħafna lokalitajiet f'Malta u Għawdex.