Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Gwann — Triq il-Freżja

Question

Billi l-partijiet komuni fuq ġewwa ta' Block 18, Dr A, Triq il-Freżja, San Gwann qegħdin ġo stat ħażin ħafna, jista' l-Viċi Prim Ministru jara illi dawn jinżebgħu mill-aktar fis possibbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

San Gwann — Vjal in-Naspli

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara illi l-Block No. 6 (qabel kien il-4) u li qiegħed ġo Vjal in-Naspli, San Gwann kantuniera ma' Vjal ir-Rihan, jitkaħħal minn barra għaliex dan ma tkaħħalx bħal bqija tal-blokkijiet l-oħra u qed issir il-ħsara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddjet it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Djar ta' l-Anzjani — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-djar ta' l-anzjani mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-anzjani mpjega 'casual enrolled nurse' waħda fid-djar ta' l-anzjani. Din ġiet impjegata mhux b'sejħa għall-applikazzjonijiet iżda wara li temmet b'suċċess il-kors tagħha.

San Vincenz de Paule — Trasferimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema ta' l-Isptar San Vinċenz de Paule? Jista'jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti, każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn is-16 ta' Settembru, 1999 u l-4 ta' Jannar 2000 ingħataw tlett (3) transfers lill-ħaddiema ta' SVPR. Dawn saru fuq talba ta' l-impjegati nfushom. Trasferimenti jingħataw skond it-talba ta' l-individwi meta dan ikun possibbli jew skond l-esiġenzi tas-servizz.

Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Soċjali — Laqgħat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi progress sar mid-diversi rakkmandazzjonijiet u suġġerimenti li ħarġu waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Soċjali, meta iddiskutejna s-sena li għaddiet, children at risk?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tħejja l-ewwel abbozz ta' liġi komprensiva dwar it-tfal; bħalissa dan l-abbozz qiegħed jiġi diskuss internament fil-Ministeru. Ġew imsaħħa servizzi lil tfal vittmi ta' abbuż kif ukoll inbdew diskussjonijiet mad-Djar tat-Tfal rigward kif jista' u għandu jiġi żvillupati is-servizzi residenzjali għat-tfal. Dan kollu għandu nkwadrat fir-riforma li qed tiġi maħsuba rigward l-għoti ta' servizzi soċjali personalizzati.

Dipartiment tax-Xogħol — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed jagħmel id-diparitment tax-xogħol fir-rigward ta' ħaddiema li għandhom kondizzjonijiet tax-xogħol mill-agħar u li ma jirriflettux dak li titlob il-liġi, bħal fil-każ ta' ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tat-tindif, tas-sewwieqa tal-coaches u minibuses privati eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-uffiċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' Impjieg jinfurzaw l-kondizzjoniet ta' l-impjieg skond il-liġi u dak li jipprovdi l-Att li jirregola l-kondizzjonijiet ta' l-impjieġ (Cap 135). Kull min jinqabad jikser din il-liġi jiġi mtella quddiem l-Qorti Kriminali. Bħalissa għaddejja serje ta' inspezzjonijiet mill-uffiċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' Impjieg fis-settur tat-trasport (sewwieqa tal-'coaches' u 'minibuses') biex jsegwi l-kondizzjonijiet ta' dawn il-ħaddiema. Rigward il-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-servizzi privati ta' tindif, s'issa dawn ma kienux regolati bil-Kunsill tal-Pagi. Bħala rimedju, dan l-aħħar ġie mwaqqaf il-Kunsill tal-Pagi għas-Settur li jipprovdi Servizzi ta' Tindif. Dan il-Kunsill tal-Pagi se jaħdem għall-impjegati kollha li jaħdmu ma' ditti li jipprovdu servizzi ta' tindif u qiegħed jiltaqa' regolarment biex finalment jistabilixxi ħinijiet massimi ta' xogħol, rati ta' overtime, leave għall-mard, leave għall-korriment, leave għat-twelid ta' tarbija, leave għal-luttu etc. li jkun applikabbli għal dawn il-ħaddiema.

Konkubinaġġ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta beħsiebu l-gvern iwettaq il-wegħda elettorali tiegħu li jgħaddi liġi dwar il-konkubinaġġ? Qed isiru diskussjonijiet mal-Knisja fuq din il-kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-kliem 'ligi dwar il-konkubinaġġ' f'din il-Mistoqsija tista' tagħti nterpretazzjoni ħażina ta' dak li ppropona l-Gvern fil-Programm Elettorali tiegħu, tajjeb li nfakkar lill-Onor. Membru dak li ntqal fil-Programm Elettorali u cioe': 'Bla preġudizzju għad-drittijiet u obbliġi li joħorġu minn żwieġ validu, jiġu stabbiliti b'liġi l-obbligi u drittijiet li jitnisslu bejn raġel u mara li jkunu ssieħbu f'koabitazzjoni. B'mod partikolari jitħarsu l-interessi ta' l-ulied li joħorġu minn din ir-relazzjoni. Dawn m'għandhomx ibatu bla bżonn minħabba ċirkostanzi li għalihom huma m'għandhom ebda ħtija. Il-liġi tqis li tħares lil kull persuna minn kull sfruttament.' Naċċerta lill-Onor. Membru li l-Gvern bi ħsiebu jwettaw il-proposti elettorali tiegħu meta jkun il-waqt u li, fejn dan ikun meħtieġ, issir konsultazzjoni mal-partijiet kollha nteressati.

Child abuse

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' child abuse għas-snin 1996, 1997, 1998 u 1999? Kemm persuni ttellgħu l-qorti fuq akkuża ta' child abuse?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Numru ta' każijiet referuti lit-Taqsima għall-Ħarsien tat-Tfal, tal-Programm Ħidma Soċjali fl-1996, 1997, 1998 u 1999: 1996 382 1997 362 1998 348 1999 570 It-Taqsima għall-Ħarsien tat-Tfal ma tressaqx persuna l-Qorti għaliex dan huwa l-Kompitu tal-Puluzija. Għaldaqstant ma għandniex rekord ta' kemm persuni ttellgħu l-Qorti fuq akkuża ta' 'Child Abuse'.

Kummissjoni għar-riforma tal-welfare — Laqgħat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni għar-riforma tal-welfare?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-kumplessita' tal-materja in kwestjoni ma jidhirlix li huwa opportun, f'dan l-istadju, li jixxandru l-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni għar-Riforma tal-Welfare.

Bormla — Nugrufun

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13710, fejn fir-risposta intqal li l-istorbju minn ġeneraturi fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla issa waqaf, jista' l-Ministru jivverifika ma' min tah l-informazzjoni, għax minn dak li rajt jien personalment fuq il-post, ma' numru ta' ġirien, l-inkonvenjent ta' storbju minn ġeneraturi jew pompi għadu hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniku nkonvenjent li qed ikun hemm fid-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla hu minnħabba l-pompa ta' l-ilma li ma kienetx imsemmija fil-Minstoqsija Parlamentari Nru. 13710. Biss, irrid ngħid li qed jittieħdu passi ħalli dan l-inkonvenjent jiġi nvestigat u jitneħħa wkoll.

Caritas/Sedqa — Riabilitazzjoni ta' droga

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qed iżommu żgħażagħ taħt it-18-il sena għal programmi ta' riabilitazzjoni mid-droga, il-Caritas u s-Sedqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Aġenzija sedqa bħalissa għanda żewġ persuni ta' 18 il-sena li għaddejin mill-programm ta' rijabilitazzjoni ta' droga, fil-Komunita' Santa Marija. Ragward il-Caritas, din hija organizzazjoni mhux Governattiva, għalhekk m'għandiex informazzjoni dwarha.

Wages Council — Regolamenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-regolamenti tal-Wages Council kollha li għadhom in vigore? Meta ġew riveduti l-aħħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-disgħa u għoxrin Ordni tal-Kunsill tal-Pagi kif inhuma in vigore bħalissa. Dawn l-Ordnijiet tal-Kunsilli tal-Pagi ġew riveduti l-aħħar kif ġej:- 1. Agriculture and Allied Industries 20/07/90 2. Beverages Industries 20/07/90 3. Canning Industries 22/09/89 4. Cargo Clearance and Forwarding Agents (Burdnara) 22/12/78 5. Cinemas and Theatres 22/12/78 6. Clay and Glass Products 16/07/91 7. Construction 30/03/90 8. Domestic Workers 17/11/89 9. Electronics 01/06/79 10. Food Manufacture Industry 14/05/91 11. Hire Cars and Private Buses 24/04/79 12. Hospitals and Clinics 28/04/78 13. Hotels and Clubs 28/03/90 14. Jewellery and Watches 08/12/78 15. Laundries 16/07/91 16. Leather Goods and Shoes Industry 16/07/91 17. Paper, Plastics, Chemicals and Petroleum 20/02/81 18. Printing and Publishing 12/01/79 19. Private Schools 05/02/80 20. Professional Offices 12/04/79 21. Public Transport 02/03/79 22. Seamen 20/07/90 23. Sextons and Custodians 12/01/96 24. Textiles and Allid Industries 30/03/90 25. Tobacco Industry 16/07/91 26. Transport Equipment, Metal and Allied Trades 30/03/90 27. Travel and Insurance Agencies 01/12/78 28. Wholesale and Retail 17/03/89 29. Woodworks 19/06/90

Wages Council

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna x'qiegħed isir biex jiġi assigurat li kull employer iżomm ma' dak li jitlob minnhom il-wages council? X'tip ta' strutturi għandu d-dipartiment tax-xogħol biex jagħmel il-monitoring li hemm bżonn? Kemm hemm persuni jaħdmu fid-dipartiment f'dan il-qasam? Min hu l-uffiċjal responsabbli minn din it-taqsima?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' Impjieg għandu taqsimiet ta' spettorat u nforzar tal-liġi sabiex jiżgura li l-liġi tax-xogħol tkun osservata. Dawn iż-żewġ taqsimiet jikkonsistu f'sittax il-persuna. Mhux etiku li jissemmew l-ismijiet ta' l-uffiċjali responsabbli minndawn iż-żewġ taqsimiet, iżda dawn huma fi grad ta' Prinċipal.

Impjiegi — Taqsima tas-Saħħa u s-Sigurta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fit-Taqsima tas-Saħħa u tas-Sigurta' fuq il-postijiet tax-xogħol? Kemm-il spezzjoni saret bejn Settembru 1998 u l-aħħar ta' Jannar 2000, xahar b'xahar? F'liema postijiet tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-prezent, it-Taqsima Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol għandha sitt persuni li huma appuntanti bħala Spetturi skond l-Att Numru VII tal-1994 u tabib mediku. Tlieta minn dawn l-uffiċjali għandhom 'postgraduate qualifications' fil-materja. Hemm ukoll ħames 'Trainee Inspectors' li dalwaqt ser ikun appuntati bħala Spetturi wara li ottjenew id-'Diploma Social Studies (Occupational Health and Safety)' mill-Universita'. It-Taqsima tuża wkoll is-servizzi ta' erba' skrivani u ta' żewġ messaggiera. Fost id-diversi funzjonijiet li jaqdu l-ispetturi, hemm dik ta' spezzjonar ta' postijiet tax-xogħol. Bejn Settembru 1998 sa l-aħħar ta' Jannar 2000 saru 968 l-ispezzjoni li jkopru s-setturi kollha tax-xogħol.

Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi, kull sena, fejn anzjani sfaw vittma ta' swat u serq ġo darhom għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm kien hemm każi kull sena fejn anzjani sfaw maqtula bħala konsegwenza ta' swat u serq ġo darhom, għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm minn dawn ir-reati ġew solvuti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14299 għandha tintbagħat lill-Ministeru kkonċernat.

Anzjani — Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li koppja anzjani (li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament) li jinsabu fi bżonn kbir li jidħlu f'dar ta l-anzjani tingħata l-priorita' mistħoqqha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-koppja anzjani li d-dettalji tagħha intbagħtu separatement issottomettew l-applikazzjoni tagħhom fit-3 ta' Frar, 2000. Il-każ tagħhom jinsab għand is-'Social Worker' biex isir ir-rapport dwarhom.

Djar — Sussidji fuq kera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fir-rigward ta' l-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar, koppja miżżewġa li tbigħ ir-residenza tagħha, tista' tibbenefika minn sussidji fuq ir-rata ta' l-imgħax għax-xiri ta' residenza privata aktar adattata għall-bżonnijiet tal-familja? Jekk fin-negattiv, kemm irid jgħaddi żmien sabiex jiġri dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk koppja miżżewġa tkun qed tgħix f'residenza proprjeta' tagħha li ma tkunx adekwata għall-akkomodazzjoni residenzjali tagħha li ma tkunx ibbenefikat minn xi skema - 'Sir Sid Darek' - ta' l-Awtorita' tad-Djar u/jew tad-Dipartiment ta' l-Akkomadazzjoni Soċjali u/jew id-Dipartiment ta' l-Artijiet tkun tista' tibbenefika minn self sussidjat biex tixtri residenza privata. Pero qabel ma tagħmel applikazzjoni taħt l-Iskema relattiva (Skema Y - Sussidju ta' Imgħax fuq Self għad-Djar Settur Privat) din il-koppja:- 1) għanda tkun daħlet fi ftehim ta' wegħda ta' bejgħ dwar ir-residenza okkupata minnha bħala residenza ordinarja; 2) qabel ma tkun tista' tiffinalizza s-self u tiġbed fondi taħt l-iskema għanda tikkonkludi l-att ta' bejgħ dwar id-dar ta' abitazzjoni koperta bil-ftehim ta' wegħda ta' bejgħ kif intqal fuq; 3) id-dħul mill-bejgħ skond para.(2) għandu jintuza kollu biex jiffinanzja x-xiri tad-djar ta' abitazzjoni li dwarha jkun ġie avvanzat is-self.