Jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli għal-land suvey sheets ta' Malta u Għawdex? Kemm swiet? Għaliex dawn fihom daqstant żbalji u għadhom jintużaw? X'beħsiebu jagħmel il-Ministru fir-rigward ta' dawn l-iżbalji?
Response (BORG, TONIO)
Is-'survey sheets' bi skala 1:2500 ta' Malta u Għawdex li saru fis-sena 1988 ġew kommissjonati mill-istitut ġeografiku nazzjonali Franċiż bħala parti minn kuntratt li kien jinkludi ħafna elementi neċessarji biex dan it-tip ta' xogħol jibda jsir mill-Maltin. Il-valur tal-kuntratt kien seba miljun Frank Franċiż.
L-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħallset lill-Gvern Malti Lm500,000 biex l-elementi kollha li rriżultaw minn dan il-kuntratt u xi nvestimenti kapitali oħra, jgħaddu lill-Awtorita' tal-Ippjanar.
Il-'Mapping Unit' fi dan l-Awtorita' ta' l-Ippjanar minn żmien għal żmien taġġorna dawn il-mapep skond il-bżonn, kif ukoll tipprovdi l-istess mapep lill-klijenti varji fuq bażi kummerċjali.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru transfers fid-dikasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? F'liema dipartimenti saru t-transfers? Minn fejn u għal fejn saru dawn it-transfers?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni barranin li kienu Malta llegalment mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Kemm kienu maqbuda mill-ewwel ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? X'kienu l-etajiet tagħhom u minn fejn kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn il-5 ta' Settembru, u t-30 ta' Ottubru, 1998, inqabdu 30 persuna barranija li kienu Malta illegalment, filwaqt li din is-sena, sat-30 ta' Ottubru, inqabdu 389. Minn dawn 30 kienu nisa, filwaqt li 359 kienu rġiel. L-etajiet kienu jvarjaw bejn 15 u 48 sena.
It-tagħrif dwar minn fejn kienu ġejjin dawn il-persuni hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni mressqa l-Qorti din is-sena mill-pulizija? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Għal liema reati tressqu?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni taħt is-16-il sena li tressqu l-Qorti din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul din is-sena, sas-26 ta' Ottubru, tressqu l-Qorti, 146 persuna taħt is-sittax il-sena fuq diversi reati, fosthom serq, frodi, ħsara volontarja, ksur tal-bon ordni, drogi, atti mmorali, ksur tar-regolamenti tat-traffiku u dħul f'postijiet ta' divertiment.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li ma ħallsux il-liċenzja tal-vettura tagħhom? Għaliex qed jintbagħtu pulizija d-dar ta' dawn il-persuni biex iħeġġuhom iħallsu dawn il-liċenzji minflok qed jintbagħat avviż bil-posta? Għaliex il-pulizija għażlet li ma tieħux passi fil-Qorti kontra dawn il-persuni li wħud minnhom ilhom ma jħallsu l-liċenzja għal żmien twil?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferiha lill-Ministru konċernat.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi din il-proċedura ġiet introdotta fl' 1997.
Ninsab infurmat ukoll li din il-proċedura nstabet li hi aktar effettiva minn avviż mibgħut bil-posta qabel ma jittieħdu passi bil-Qorti kontra dawk li jippersistu li ma jħallsux.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qiegħed isir fis-sit ta' Deutsche Welle fi Xrob l-Għaġin mill-ħaddiema tal-gvern, huwiex kopert bil-permessi meħtieġa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Jien nfurmat li saret spezzjoni u rriżulta li x-xogħol li kien qed isir jikkonsisti biss f'bini ta' parti mill-'boundary wall' li kien ġie mwaqqa' u li jdawwar id-Deutsche Welle. Dan jikkonsisti f'10 piedi u 9 filati għoli. Dan hu parti minn xogħol ta' 'maintenance'.
Mhux mistenni li għandu jsir aktar xogħol.
09.11.98
Il-gvern qed jikkollabora ma' gvernijiet oħrajn barranin dwar il-problema dejjem tikber ta' traffikar ta' mmigranti llegali minn pajjiżna? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti dettalji lill-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
B'mod ġenerali l-Gvern jikkollabora ma' pajjiżi oħra dwar il-problema tat-traffikar ta' immigranti llegali bis-saħħa ta' kuntatti u bdil ta' nformazzjoni magħmula mill-Pulizija permezz ta' l-Interpol. Intlaħaq ukoll ftehim bilaterli dwar kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' drogi u kriminalita' organizzata ma' diversi pajjiżi fosthom ma' Franza u l-Eġittu li jikkontemplaw kooperazzjoni fil-kamp tal-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' immigranti. Trattati oħra simili qed jiġu negozjati ma' pajjiżi oħra.
Għaddejjin ukoll negozjati mal-Gvern Taljan dwar ftehim bilaterali li jittratta speċifikament dwar re-ammissjoni ta' immigranti llegali.
09.11.98
B'riferenza għall-perjodu 10 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Ottubru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul il-perijodu 10 ta' Settembru, 1998, sal-31 ta' Ottubru, 1998, ingħataw 2 ordnijiet għall-ġarr ta' għamara ta' uffiċini b' 'direct order'.
i) ġarr ta' għamara tal-Ministeru, Segretarjat Parlamentari, mill-'House of the Four Winds', il-Belt għal-'Casa Leoni', Sta Venera, fit-8 u d-9 ta' Ottubru, 1998.
ii) ġarr ta' għamara, 'stores' u 'equipment' mit-Taqsima ta' l-Intern fi Triq San Pawl, il-Belt għal 'Casa Leoni', Sta Venera, mill-5 sad-9 ta' Ottubru, 1998.
Peress li l-ispiża f'kull każ ta' ġarr kienet fil-limiti stipulati fir-regolamenti finanzjarji, u minħabba l-urġenza sabiex dawn l-uffiċini jinġarru malajr kemm jista' jkun, ma kienx hemm żmien u lanqas ħtieġa biex wieħed jitlob 'quotations'.
Ix-xogħol ingħata mid-Direttur tas-Servizzi Korporattivi wara li kellu l-approvazzjoni neċessarja lil Borg Bros tas-Siġġiewi.
09.11.98
Żebbuġ — Triq il-Kandlora - Esproprjazzjoni ta' art
Question
Jista' l-Ministru jinformani meta se toħroġ l-esproprjazzjoni ta' biċċa art fi Triq il-Kandlora, f'Ħaż-Żebbuġ, meta jiġi kkonsidrat il-fatt li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi diġa' għamel użu minnha (Ref. Lands 400/97)?
Kemm hi l-istima ta' din l-art u meta hemm il-ħsieb li d-Dipartiment ta' l-Artijiet jirregolarizza l-pożizzjoni ma' l-ex sidien tagħha?
Response (BORG, TONIO)
L-esproprjazzjoni ta' l-art fi Triq il-Kandlora, Ħaż Żebbuġ, ser tiġi ppublikata fuq il-gazzetta tal-Gvern fi żmien qasir.
Peress li s-sidien ta' l-art għadhom ma ġewx stabbiliti, ma nħossx li huwa prudenti li ngħid kemm hi l-istima qabel ma jiġu nfurmati b'dan is-sidien.
Wara li l-esproprjazzjoni tiġi ppublikata, d-Dipartiment ta' l-Artijiet jibda l-proċess biex isiru r-riċerki sabiex jiġi aċċertat ta' min hi l-art. Susseġwentement, dawn jiġu mgħarrfa bil-prezz, u jekk jaċċettaw, ikun jista' jsir il-kuntratt.
09.11.98
Jista' l-Ministru jinformani fuq liema kriterji konkreti d-Dipartiment ta' l-Artijiet ħareġ l-offerti ta' Trejqa pubblika fil-limiti ta' Ħaż-Żebbuġ magħrufa Tal-Ħandaq (Ref LD 96/98)?
Jaf il-Ministru li din it-trejqa ingħalqet b'xatba mingħajr il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u sidien ta' għalqa ma jistgħux jagħmlu aċċess għal proprjeta' tagħhom?
Jikkonsidra l-Ministru li offerta bħal din kienet ultra vires u għalhekk għandha tiġi terminata minnufih?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-għassa tal-pulizija ta' Ħaż-Żebbuġ qiegħda tkun magħluqa f'diversi ħinijiet tal-ġurnata u anke matul il-lejl?
Jikkonsidra l-Ministru li f'dan il-lokal ta' aktar minn 12,000 resident għandu jkun hemm żieda ta' pulizija li jkun possibbli li almenu kuntistabbli jkun preżenti l-ħin kollu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-għassa ta' Ħaż-Żebbuġ qed tkun miftuħa fuq bażi regolari u tingħalaq meta l-pulizija li jkun għassa jkun meħtieġ fuq xi xogħol barra.
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ġie nnotat u ser jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-riżorsi disponibbli.
09.11.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba saru żjarat fil-Ħabs minn Ministri mis-6 ta' Settembru 1998 'l hawn?
Response (BORG, TONIO)
Fis-16 ta' Ottubru, 1998, fl-okkażżjoni tat-tielet anniversarju li ġiet imwaqqfa is-'Substance Abuse Therapeutic Unit' (SATU), li hija parti mill-ħabs, saret quddiesa fil-kappella ta' l-Imtaħleb u wara sar riċeviment żgħir fil-kumpless tas-SATU li hemm fl-Imtaħleb, li kont mistieden għalihom u attendejt jien.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Kemm minnhom huma barranin? Kif inhuma mqassma fid-diversi divisions? Kemm minnhom qegħdin jistennew sentenza definittiva?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel, it-tieni u r-raba' partijiet tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 159 f'Seduta 6.
Rigward it-tielet parti tal-mistoqsija, minħabba raġunijiet ta' sigurta', ma nħossx li t-tagħrif mitlub għandu jiġi magħmul pubbliku.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir sorveljanza u attenzjoni fuq in-numru ta' laneċ tas-sajd barranin li jorbtu minn żmien għal żmien mal-moll ta' Xatt ir-Risq, fil-Birgu?
Response (BORG, TONIO)
Kull bastiment li jidħol il-Port, hu suġġett għar-regolamenti li jikkontrollaw id-dħul ta' bastimenti fil-port. Il-bastimenti li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma suġġetti għall-istess proċedura.
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal sorveljanza mill-pulizija.
Għal raġunijiet ovvji ma jidhirlix li hu xieraq li l-informazzjoni mitluba tiġi ppublikata. B'dankollu, jekk l-Onor. Interpellant għandu xi nformazzjoni speċifika f'dan ir-rigward għandu jgħaddiha lill-Pulizija biex tinvestiga.
09.11.98
Jista' l-Ministru jagħti l-linji ġenerali li fuqhom beħsiebu jwettaq il-"bidla radikali" li kien wiegħed il-partit tiegħu li se jagħmel biex il-Planning Authority ssir aktar effiċjenti u effettiva?
Response (BORG, TONIO)
Apparti l-linji ġenerali kif imfissra fil-programm elettorali tal-P.N. il-Ministeru se jfassal it-tibdil meħtieġ wara konsultazzjoni wiesgħa. Għal dan il-għan il-Ministeru diġa' beda serje ta' laqgħat ta' konsultazzjoni ma' diversi organizazzjonijiet li għandhom interess f'dan ir-rigward. Issa wkoll li ġie appuntat il-bord il-ġdid ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dan mistenni li jressaq 'l quddiem proposti formali sabiex iservu bħala bażi ta' diskussjoni. Aktar 'l quddiem, wara li nkunu ġbarna l-ideat inizzjali ta' dawn l-organizazzjonijiet, tiġi organizzata Konferenza Nazzjonali dwar din it-tema.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pulizija ġewwa t-taqsima tat-traffic jerġgħu jibdew igawdu mill-prassi abolita mill-amministrazzjoni preċedenti, li kull pulizija jkun allokat lilu motorcycle wieħed sabiex jintuża minnu biss?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li din il-miżura, ċioe' li mutur ikun assenjat lil żewġ pulizija, kienet ġiet introdotta bil-ħsieb li jkun hemm użu aħjar mir-riżorsi tal-Korp u jiżdied in-numru ta' pulizija tat-traffiku fit-toroq. Il-Gvern preżenti qed jara' jekk din il-miżura, flimkien ma' oħrajn li saru mill-gvern preċedenti fil-kuntest tal-modernizazzjoni tal-Korp, kellhomx l-effett mixtieq u jekk hux il-każ li jiġu mtejba jew mreġġa' lura għal li kienu.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Land Registry qiegħda tuża l-land survey sheets ta' l-1988 meta taf li hemm żbalji? Kemm qed tħallas ta' dan is-servizz talli qiegħda tuża dawn il-pjanti żbaljati mgħoddija mill-Planning Authority?
Response (BORG, TONIO)
Ir-Reġistru ta' l-Artijiet, bħala kull organizazzjoni oħra f'Malta, ma jistax ma jagħmilx użu mill-'base map' ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. F'Ġunju 1994 ir-Reġistru tal-Artijiet laħaq ftehim mal-'Mapping Unit' tal-Awtorita' tal-Ippjanar sabiex għal ħlas ta' Lm 1000 fis-sena isir użu mill-'base map'. Fl-1994 kien intlaħaq ftehim ukoll li wara tlett snin, iż-żewġ partijiet jerġgħu jiddiskutu l-ħlas. Fl-1997 skada l-ftehim u sa llum għadu ma ntlaħaqx ftehim ieħor. Minħabba f'hekk l-'Land Registry' ma bbenefikax mill-aġġornamenti li saru sa llum mill-Awtorita' tal-Ippjanar. S'issa għadhom għaddejjin d-diskussjonijiet biex jiġi stabillit il-ħlas. Fid-dawl tal-fatt li (i) dawn iż-żewġ entitajiet jaqgħu fid-dekasteru tal-istess Ministeru u (ii) l-insistenza ta' dan il-Ministeru għal integrazzjoni dejjem akbar fil-qasam tal-'land use management', wieħed jittama li tinstab soluzzjoni fl-iqsar żmien possibli.
Tajjeb ukoll illi niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant, illi minkejja li l-'updating' u/jew korrezzjoni tal-'map base' ma jistgħux isiru mir-Reġistru ta' l-Artijiet, meta u jekk tiġi innutata xi ħaġa fil-'map base', dan ir-Reġistru normalment jgħaddi din l-informazzjoni lis-sezzjoni tal-GIS fi ħdan il-MITTS sabiex din tinforma lill-'Mapping Unit' tal-Awtorita' tal-Ippjanar.
Sadanittant tajjeb ikun jaf l-Onor. Membru, anke kieku l-'base map' hija perfetta, t-titolu għall-propjeta' ma joħrogx biss mill-istat ta' x'hemm fuq l-art fil-ġurnata ta' l-applikazzjoni imma ukoll mill-provenjenza u dokumenti oħra. Il-periti u n-nutara huma notifikati permezz ta' ċirkolarijiet tad-Dipartiment tar-Reġistru tal-Artijiet, li fuqhom hemm qbil mal-kmamar rispettivi, sabiex jiġu megħluba problemi li jistgħu jinqalgħu fil-prattika.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħatru diretturi fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta'Settembru, 1998 'il hawn?
Min huma?
Xi kwalifiki għandhom?
Fuq liema kriterji ngħataw il-ħatra?
Response (BORG, TONIO)
Mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn, ma nħatar l-ebda Direttur fid-dekasteru tal-Ministru ta' l-Intern.
04.11.98