Jista' l-Ministru jgħid hemmx pjani maħsuba għar-restawr ta' l-arazzi tal-Kon-Kattidral ta' San Ġwann? Fiex jikkonsistu dawn il-pjani?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat illi fl-1993, id-Dipartiment tal-Mużewijiet kien ikkommissjona rapport iddettaljat fuq il-kundizzjoni ta' l-arazzi fil-Mużew ta' San Ġwann flimkien ma' rapport fuq proposti għal laboratorju tar-restawr għall-istess arazzi. Il-kummissjoni teknika li studjat il-proposti waslet għall-konklużjoni li l-aħjar soluzzjoni "long term" għall-konservazzjoni ta' l-arazzi kien li l-proposta għal-laboratorju jiġi ntegrat mal-pjanijiet għaċ-ċentru tar-restawr ġo Bighi. Minn dak iż-żmien, fl-1997, ġew irrestawrati tnejn mill-arazzi ta' San Ġwann, liema restawr sar fil-Laboratorju De Witt, ġo Mechelen, Belgium, permezz ta' fondi mid-Dipartiment tal-Mużewijiet u l-Muniċipalita` ta' Antwerp, u li wara kienu esibiti ġo wirja internazzjonali dwar l-artist barokk Rubens, ġo Antwerp.
Issa li twaqqaf iċ-ċentru tar-restawr f'Bighi, fejn qegħdin jiġu mħarrġa restawraturi fil-qasam ta' tessuti, huwa maħsub li jkun hawn nies speċjalizzati u apparat, biex jitħejjew pjanijiet għar-restawr ta' l-arazzi.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex l-istudenti ta' l-ewwel sena tal-Liċeo Paolino Vassallo jġibu lura l-ħafna telf ta' lectures li kellhom fl-accounts minħabba nuqqas ta' għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawn l-istudenti ser jingħataw għajnuna speċjali fis-sena skolastika li ġejja biex jiġi assigurat li jirkupraw xi telf ta' lezzjonijiet li setgħu sofrew.
Jista' l-Ministru jgħid meta kien iffirmat il-ftehim bejn il-koperattiva u l-Universita' li jippermetti li l-koperattiva tidħol f'arranġament ma' terzi persuni dwar l-amministrazzjoni tan-negozji tagħha? Min iffirma l-ftehim u għan-nom ta' min? Għal kemm tul ta' żmien sar? It-tip ta' negozju li tista' topera l-koperattiva hu speċifikat fil-ftehim?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub irid jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jindaga meta t-tifel - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li għandu bżonn ta' facilitator sejjer jingħata dan is-servizz għaliex s'issa għad m'għandux?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan it-tifel kellu servizz ta' facilitator li waqaf meta din irriżenjat.
Kif id-Diviżjoni jkollha r-riżultat ta' l-interviews ser jittieħdu l-passi meħtieġa biex dan it-tifel jingħata lura s-servizz meħtieġ.
Jista' l-Ministru jindika l-lokalitajiet f'Malta u Għawdex fejn saru proġetti biex jiġi prattikat l-isports mill-1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' Diċembru, 1999? Jista' jsemmi liema kienu dawn il-proġetti skond id-dixxiplini sportivi differenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li proġetti li ġew imwettqa mill-Gvern matul il-perjodu indikat jinkludu bini ta' żewġ squash courts fil-Kumpless Sportiv tal-Pixxina Nazzjonali, reseeding u installazzjoni ta' floodlighting ġdid fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa, resurfacing ta' athletics track fil-Junior Lyceum ta' Kordin u tqegħid ta' paving mixture fil-Junior Lyceum Maria Reġina tal-Blata l-Bajda.
Mhix il-prattika li kull min joħloq proġett ta' l-isport fis-settur privat jirreġistra bħala tali. Għalhekk mhux possibbli li tingħata din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-klabb tal-boċċi tal-Gudja tal-lum mhux użat u jekk hux se jiġi mgħoddi lil soċjeta' sportivi oħra? Jekk iva, meta se tieħu pussess tiegħu din l-istess soċjeta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għar-Riżoluzzjoni Parlamentari li tressqet mill-Ministru għall-Intern nhar it-Tnejn 22 ta' Mejju 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm baqa' ħlasijiet li għad iridu jsiru in konnessjoni maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju li saru fl-aħħar tas-sena l-oħra/bidu ta' din is-sena?
Jista' jgħid kemm minn dawn huma in konnessjoni ma' security personnel (watchmen) li tqabbdu privatament għall-okkazjoni? Meta ser jitħallsu dawn l-ispejjeż issa li għaddew madwar ħames xhur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kontijiet qed jiġu verifikati u l-ħlas qed isir. Sa l-10 ta' Mejju 2000, kien għad fadal Lm275,000 fi ħlasijiet xi jsiru pendenti l-verifiki meħtieġa.
Minn din iċ-ċifra, Lm11,424 huma dovuti għal servizzi ta' sigurta`.
Informat ukoll li l-ħlas dovut lis-Security Personnel (watchmen) mistenni li jsir fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu ma jiltaqa' l-istatementing board? Kemm għandu każi pendenti quddiemu?
Xi pjan għandu biex jiddeċiedi dwar dawn il-każi fil-ġimgħat li ġejjin, qabel il-bidu tas-sena skolastika ġdida?
Hemm xi bidliet ippjanati fil-kompożizzjoni ta' l-istatementing board? X'bidliet huma? Għaliex dawn il-bidliet?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-Assistent Direttur inkarigat bħalissa hu imsiefer u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra meta jingħatali t-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-istudenti kollha fis-St.Joseph Junior Lyceum ta' Kordin f'Raħal Ġdid ser jiġu trasferiti fl-iskola tan-Naxxar?
Huwa minnu li għal Kordin qed jiġi mħejji pjan biex jinbidel f'kumpless sħiħ ta' 6th Forms?
Response (GALEA, LOUIS)
Le, f'dan l-istadju mhu ser ikun hemm ebda ċaqliq ta' studenti tas-St Joseph Junior Lyceum.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu magħluq il-Mużew tal-Gwerra? Xi pjani futuri hemm għalih?
Xi pjani futuri hemm għall-Mużew ta' l-Istorja Naturali li hemm fl-Imdina?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Mużew tal-Gwerra ilu magħluq minn Marzu ta' din is-sena. Il-Mużew kellu jingħalaq minħabba xogħlijiet urġenti li kellhom isiru inkluż fis-saqaf tan-naħa tax-xellug tal-Mużew.
B'riferenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, fil-futur huwa ppjanat li barra minn xogħol estensiv ta' manutenzjoni lill-bini nnifsu, bħala xogħol ta' tikħil, kisi u tibjid, xogħol ta' żebgħa ta' injam bibien, twieqi, eċċ., għandha ssir ukoll bidla totali fis-sistema tad-dawl elettriku tal-mużew. Id-dawl eżistenti huwa bażiku u jservi kemm idawwal il-post. Ukoll, barra minn dawn ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni għandu jsir "up-grading" ġenerali fis-sistema ta' display jew esebizzjoni ta' l-oġġetti li hemm fil-mużew. Għal dan il-għan, huwa ppjanat li jiġu ntrodotti xi vetrini ġodda adattati għal dan it-tip ta' mużew. Bħala parti importanti ta' dan l-aħħar pjan huwa pprogrammat li ssir ukoll riorganizzazzjoni ta' l-esibiti biex dawn jiġu ppreżentati aħjar.
Informat ukoll li fil-mużew ta' l-Istorja Naturali u fuq il-Palazz Vilhena bħalissa, qegħdin isiru xogħlijiet estensivi ta' tiswija.
Hemm pjan biex fil-futur ikollna Mużew ta' l-Istorja Naturli li jkollu ċerti sezzjonijet li jagħtu aktar importanza għall-ekosistemi u ambjenti Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw studenti universitarji għal xogħol fis-sajf iffinanzjat mill-fondi tal-ministeru?
X'tip ta' xogħlijiet differenti se jkunu jagħmlu? Kemm se jdumu jaħdmu u kemm se jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li applikaw 1250 student universitarju għal xogħol fis-sajf iffinanzjat mill-fondi tal-Ministeru.
L-istudenti sejrin jingħataw xogħol fuq proġetti ta' ħtieġa fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u sport, ħarsien soċjali partikolarment ħidma komunitarja, u ħarsien u konservazzjoni ta' l-ambjent kif ukoll fuq proġetti ppreżentati minn organizzazzjonijiet ta' studenti universitarji nfushom. B'kollox l-istudenti ser ikunu jaħdmu fuq 190 proġett.
Kull student qiegħed ikun offrut perjodu minimu ta' xogħol ta' erba' ġimgħat li l-ħlas tiegħu huwa ta' Lm132.
Studenti jistgħu jiġu offruti perjodi itwal skond in-natura tal-proġettli jkunu fih.
Jista' l-Ministru jgħid x'rati ta' ħlasijiet se jiċċarġja ċ-Ċentru tar-Restawr lill-gvern għal xogħol ta' restawr li se jkun qed jagħmillu?
B'dawn ir-rati l-gvern se jkun qed iħallas ogħla milli kieku jiġih s'issa l-istess xogħol ta' restawr?
Jista' l-Ministru jgħid jekk għas-sena skolastika li ġejja hux se jiġu reklutati studenti għall-ewwel sena: (a) fl-iskola ta' l-arti ta' Tarġa Gap; (b) fl-iskola tas-snajja' tal-Marsa; u (ċ) fl-iskola tas-snajja' tan-Naxxar?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva, ser jiġu reklutati studenti għall-ewwel sena fl-iskola ta' Tarġa Gap u għall-ewwel sena fit-Technology B fl-iskola tas-Snajja' tan-Naxxar.
Kif diġa` għidt fil-pubbliku l-istudenti li ser jagħżlu Technology Education ser jagħmlu s-suġġett fl-iskola sekondarja fejn qiegħdin.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-għalliema li kienu jagħtu t-taħriġ lill-adulti fl-iskola tas-snajja' tal-Marsa, ġew informati li mhux se jkomplu jgħallmu aktar?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhux biss ma nikkonfermax dak li qed tallega l-Onor. Membru, talli fl-10 ta' Mejju 2000 ħarġet sejħa għall-għalliema li jixtiequ jgħallmu s-snajja' lill-adulti s-sena d-dieħla. Fost il-lista ta' suġġetti hemm dawk li jiġu mgħallma fl-iskola tal-Marsa.
B'riferenza għat-talba pendenti ta' l-ASS Sport Muturi (ASM) sabiex ikollhom titolu uffiċjali għal korsa tagħhom f'Ta' Qali, jista' l-Ministru jagħtini breakdown tal-laqgħat u l-proċess li sar mid-dipartiment matul l-aħħar 20 xahar sabiex tiġi ffinalizzata din it-talba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-talba ta' l-A.S.M. qed tiġi mistħarrġa fid-dawl tat-Ta' Qali Action Plan li ħareġ fi Frar 2000.
F'paġna 42, dan il-Pjan jgħid (nikkwota) "The area of land shown as Policy Area NWTQ13 on the Action Plan is allocated for informal open space. The Planning Authority in conjunction with the appropriate Government Agencies will assist in the identification of a site for the relocation of the Motor Racing facilities to a suitable area outside the Action Plan".
Għalhekk, kull deċiżjoni li tittieħed fuq dan is-sit trid tkun konformi ma' dan il-Pjan. Informat ukoll li s-Segretarjat Parlamentari tkellem kemm il-darba ma' l-Uffiċjali ta' l-A.S.M., kemm formali u anke informali, kemm fuq l-issue tas-sit u anke fuq issues oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il mistoqsija parlamentari saret minn kemm ilu magħluq il-Hypogeum f'Raħal Ġdid, li tikkonċerna l-ftuh mill-ġdid ta' l-imsemmi Ipoġew? Jista' jgħid meta verament ser ikun lest għall-pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru tmien mistoqsijiet parlamentari dwar il-ftuħ ta' l-Ipoġew f'Raħal Ġdid minn kemm ilu magħluq dan is-sit.
Informat ukoll li qed jiġu finalizzati l-aħħar xogħlijiet u qed isir xogħol fuq l-istruttura li ser tmexxih meta jiftaħ fix-xhur li ġejjin.
Kemm nefaq il-gvern ċentrali flimkien mal-awtoritajiet u l-korporazzjonijiet konċernati fuq is-sehem ta' pajjiżna fil-Eurovision mill-1995 'il quddiem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat Festival Kanzunetta għall-Ewropa fi ħdan id-Dipartiment tal-Kultura matul is-snin 1996, 1997, 1998 u 1999 nefaq hekk:
Lm
1996 68,201.27
1997 82,773.70
1998 43,020.26
1999 61,965.38
Iċ-ċifri għas-sena 2000 għadhom qed jinġabru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi stima għar-riabilitazzjoni tal-faċilitajiet sportivi fl-Arena tal-Indipendenza fil-Furjana?
Jekk iva, jista' jgħid min ser iħallas għal kull biċċa xogħol?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li ġie mhejji dwar il-faċilitajiet imsemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija diġa' għedna fil-pubbliku li l-Gvern jirrijabilita l-Arena għas-spejjeż tiegħu, u dwar il-bqija nissuġġerixxi li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Skolasajf mhux se tuża l-Pixxina Nazzjonali għall-għawm? Se jsir xi ħlas minn Skolasajf għall-użu tat-tlett pitches tal-għawm? X'inhu n-numru ta' coaches tal-għawm li se jkunu ingaġġati għal dan il-għan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sena li għaddiet kienet ittieħdet deċiżjoni li jiġi organizzat it-taħriġ ta' Skolasajf fil-pitches ta' assoċjazzjonijiet sportivi biex jistgħu jintlaħqu u jiġu akkomodati l-akbar numru ta' tfal minn kull naħa ta' Malta. Id-deċiżjoni li jkunu wżati pitches fil-lokalitajiet differenti ttieħdet ukoll sabiex tidħol aktar il-kultura li l-clubs tal-waterpolo isiru 'nurseries' għall-għawm u l-waterpolo.
Minħabba r-riżultati tajbin li kellna s-sena l-oħra, id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport iddeċieda li din is-sena wkoll jaddotta din is-sistema. Dawn il-faċilitajiet jiġu provduti bla ħlas. In-numru ta' coaches li jiġu ngaġġati jiddependi min-numru ta' applikazzjonijiet li jidħlu.