Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xufiera u passiġġieri li ħasshom ħażin fuq l-Arriva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm xufiera u passiġġieri li ħasshom ħass ħażin fuq il-karozzi tal-linja tal-Arriva peress li tali karozzi tal-linja kienu mingħajr air-conditioning dan is-sajf? X'passi qed jieħu il-Gvern biex jinqatgħu dawn l-abbużi mill-operatur tat-trasport pubbliku l-Arriva?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li Transport Malta rċeviet żewġ ilmenti mingħand passiġġiera li allegaw li kien hemm passiġġiera oħra li ħasshom ħażin minħabba s-sħana. Madanakollu, ħadd mill-persuni imsemmija li ħasshom ħażin qatt ma għamlu rapport mal-Awtorità. Infurmat ukoll li Transport Malta tagħmel spezzjonijiet ta’ kuljum fuq ix-xarabanks sabiex tara li t-temperatura fix-xarabank hija skont kif stipulata fil-kuntratt iffirmat bejn l-Awtorita’ u l-operatur. F’każ fejn it-temperatura tinstab mhux fil-parametri stipulati mill-kuntratt, li huma ta’ bejn l-20 u l-24 gradi celcius, l-Awtorita’ tieħu l-passi meħtieġa kontra l-operatur skont il-kuntratt, li ġġor penali ta’ €25.

Bendy-Buses – Cameras li ma jaħdmux

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu fil-konfront tal-operatur tat-trasport pubbliku l-Arriva mill-bidu t'April 2013 ’l hawn fil-każ fejn bendy-buses, għalkemm għandhom żewġ cameras waħda għal kull bieba ta' wara, il-maġġor parti ta' dawn il-cameras ma jaħdmux? Veru li jekk xufier jirrifjuta li jaħdem mingħajr ma dawn il-cameras ikunu joperaw, jiġi sospiż jew addirittura mkeċċi minn xogħlu?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li Transport Malta għandha numru ta’ uffiċċjali li jagħmlu spezzjonijiet regolari fuq ix-xarabanks fejn fost l-affarijiet li jiċċekkjaw hemm il-monitors li jipprovdu viżibilta’ lix-xufier tal-bibien ta’ wara tal-articulated buses, u dan sabiex ikun jista’ jara lin-nies telgħin u neżlin mix-xarabank. Infurmat ukoll li mill-1 t’April sad-19 ta’ Mejju ġew imposti 47 penali fuq l-operatur tat-trasport f’dan ir-rigward, filwaqt li qed jiġu pproċessati 35 penali oħra fil-perjodu ta’ bejn l-20 ta’ Mejju u s-16 ta’ Ġunju 2013. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità mhix a konoxxenza li kien hemm każijiet fejn xufiera ġew sospiżi jew tkeċċew għaliex irrifjutaw li jsuqu karozza mingħajr dawn il-monitors, u mhux kompitu ta’ Transport Malta li tidħol fi proċessi interni ta’ dixxiplina tal-Arriva Malta Ltd.

Bendy buses – spezzjonijiet fuq il-bibien

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li bħalissa mhux qed isiru spezzjonijiet regolari fuq il-bendy busses mill-uffiċjali ta’ Transport Malta kif kienu jsiru qabel biex jivverifikaw li l-bibien ta' wara jinfetħu u jingħalqu kif suppost? Jista’ jgħid kemm-il spezzjoni saret f'dan is-sens mit-12 ta' Marzu 2013 sal-lum u kemm-il darba instabu li dawn il-bibien ma jinfetħux u/jew ma jingħalqux? X'passi ttieħdu minn Transport Malta fejn instab li kien hemm dawn in-nuqqasijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li Transport Malta tagħmel spezzjonijiet regolari fuq l-articulated buses u bħala parti mill-ispezzjonijiet li jsiru jiġu ċċekjati l-bibien tax-xarabank. Infurmat ukoll li l-articulated buses għandhom tlett bibien u li fuq talba li saret mill-Arriva Malta Ltd, minħabba li x-xufier ma kienx qed ikollu kontroll fuq passiġġiera li jitilgħu mill-bieba ta’ wara mingħajr ma jħallsu, l-Awtorità kkonċediet sabiex din il-bieba tinżamm magħluqa. Madanakollu, din il-bieba hija aċċessibli f każ ta’ emerġenza. Ninforma lill-Onorevoli Interpellent li bejn it-12 ta’ Marzu u s-16 ta’ Ġunju saru 2,112-il spezzjoni fuq ix-xarabanks tal-Arriva li fosthom kienu jinkludu spezzjonijiet fuq l-articulated buses. Transport Malta ma ħadet l-ebda passi fir-rigward ta’ bibien li ma jinfetħux minħabba li ż-żewġ bibien l-oħra fl-articulated buses dejjem instabu f’kundizzjoni tajba li jinfetħu.

Tneħħija ta’ Bendy buses

Question

Jista` l-Ministru jikkonferma jekk itteħditx id-deċiżjoni li jitneħħew bendy busses minn xi rotot fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta? Jista’ jgħid kemm ġew jiswew it-tibdiliet li saru fuq rotot tas-servizz pubbliku fl-aħħar ġimgħat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm pjan li jinkludi t-tneħħija gradwali tal-vetturi tat-tip articulated minn rotot fejn hu evidenti li qegħdin joħolqu l-konġestjoni. Dan sejjer isir bħala parti mill-eżerċizzju biex jittejjeb is-servizz tat-trasport pubbliku fl-aħjar interess tal-pubbliku u wara diskussjonijiet intensivi mal-operatur. Infurmat ukoll li t-tibdiliet li ġew implementati fit-30 ta’ Ġunju 2013 ma kellhom ebda impatt fuq is-sussidju tas-servizz tat-trasport pubbliku u għaldaqstant it-tibdiliet ma ġew jiswew xejn.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – konsulenzi mill-2004

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-2004 sal-lum mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni li ingħatajt, ix-xogħol ta’ konsulenzi mill-2004 sal-lum għall-Ministeru tiegħi, dipartimenti u entitajiet hu kif ġej:- Konsulenzi għad- Dipartiment - Bejn l- 2004 u l- 2013 kien hemm 28 talba għall-konsulenza li 13 minnhom saru b’ Direct Order. L-ispiża tammonta għal €435,916.36 Konsulenzi għat- Tfittix taż-Żejt - Il-konsulenzi kollha ingħataw fuq sistema ta’ Direct Orders u l-ispiża tammonta għal €301,328.66 Konsulenzi għall- Grand Harbour Regeneration Corporation - Kien hemm 69 talba għall-konsulenza matul il-perjodu msemmi, li 45 minnhom inghataw b’sistema ta’ Direct Order. L-ispiża tammonta għal €22,269,956.16 Konsulenzi għal Transport Malta, RID u dawk li kienu ADT u MMA – L-ispiża għall-konsulenza hija ta’ €14,862,578.88. Ninsab infurmat li l-ammont li ntefaq għall-konsulenza għal dik li kienet id- DCA mhuwiex aċċessibli. L-istess jista jingħad għall- eks-MMA għall-perjodu ta’ bejn l-1 t’Ottubru 2003 u t-30 ta’ Settembru 2006. L-ispiża totali għall-konsulenzi kollha li ingħataw mill-2004 sal-lum tlaħħaq is-somma ta’ €37,869,780.06

Użu ta' trakkijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża minn Marzu 2008 sa Marzu 2013, sena b’sena, fuq it-tender ta’ użu ta’ trakkijiet biex jinżabru s-siġar u jinġarr ġebel kbir, fuq it-tender tal-kiri ta’ trakkijiet biex jitnaddfu l-widien u fuq it-tender tal-kiri ta’ trakkijiet għall-ġarr ta’ siġar li jkunu inqatgħu mit-toroq? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux trakkijiet tiegħu li setgħu jagħmlu dan ix-xogħol? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jibqa’ joħroġ tenders għall-kiri ta’ trakkijiet simili jew jekk hux se jibda juża trakkijiet tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel referenza għall-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra li tinkludi l-ispiża li saret sena b’sena bejn Marzu 2008 u Marzu 2013 fuq tenders li jikkonċernaw l-użu ta’ trakkijiet għall-ġarr ta’ ġebel kbir u tindif tal-widien liema xogħlijiet jaqgħu taħt ir-resposabbiltà tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura. Rigward it-tenders ta’ użu ta’ trakkijiet biex jinżabru s-siġar u għall-ġarr ta’ siġar li jkunu nqatgħu mit-toroq, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat. Id-Dipartment tax-Xogħlijiet u Servizzi għandu trakkijiet kemm tal-Gvern kif ukoll tal- ex Impressed li kapaċi jagħmlu dan ix-xogħol. Fil-futur qrib il-ħsieb huwa li dawn it-trakkijiet jintużaw ukoll għal dan it-tip ta’ xogħol u ma jinħarġux tenders għall-kiri ta’ trakkijiet simili.

Il-Qawra – karozzi tal-linja

Question

Jista' l- Ministru jagħti tagħrif dwar jekk preżentament hemmx karozzi tal-linja li mill-Qawra jmorru direttament lejn Tas-Sliema, lejn Golden Bay u lejn l-Għadira peress li skont risposta parlamentari 3019 qiegħed jingħad li l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar qed jitlob għal dawn ir-rotot?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-Qawra hemm servizz ta’ trasport dirett lejn diversi lokalitajiet hekk kif ġej: a) Rotta 12 li mill-Qawra tmur tas-Sliema fi triqitha lejn il-Belt Valletta; b) Rotta 221 li mill-Qawra tgħaddi minn ġewwa l-Għadira fi triqitha lejn iċ-Ċirkewwa li l-frekwenza tagħha tiżdied matul ix-xhur tas-Sajf; ċ) Rotta 223 li hija rotta diretta mill-Qawra lejn Għajn Tuffieħa. Fix-xhur tas-sajf jiżdiedu in-numru ta’ vjaġġi fuq din ir-rotta. Dawn ir-rotot jibdew il-vjaġġi tagħhom mill-venda ta’ Buġibba.

Buġibba – water park

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jerġa’ jibda jopera l-water park f'Buġibba? Jista' jagħti tagħrif dwar f'liema ħinijiet tal-ġurnata hu mistenni li jibda jkun miftuħ dan il-park, u f'liema perijodu se jkun hekk miftuħ?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Servizz tat-trasport pubbliku – żieda fir-rotot

Question

Billi kien hemm dikjarazzjonijiet pubbliċi li setgħu jinfthiemu li se jkun hemm żieda fin-numru ta' karozzi tal-linja li se jkunu qed jintużaw mill-Arriva fuq ir-rotot pubbliċi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' karozzi li kellhom jintużaw skont il-ftehim mal-Gvern, kemm hu n-numru ta' karozzi li qed jintużaw bħalissa, u b'kemm hu mistenni li jiżdied in-numru ta' karozzi li se jkunu fuq ir-rotot?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont il-ftehim iffirmat nhar il-20 ta’ Novembru 2010 bejn Transport Malta, il-Gvern ta’ Malta u l-Operatur (Arriva Malta) in-numru ta’ karozzi li kellhom jintużaw ma kellux ikun anqas minn 264 u li żdied għal 285 karozza skont l-emenda fil-kuntratt li ġie ffirmat nhar is-26 t’April 2012. Għalkemm ir-riforma fit-trasport pubbliku kienet meħtieġa, madanakollu inħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u ir-riforma ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq bil-konsegwenza li ir-riforma ma kienetx suċċess, tant li l-effetti negattivi għadhom jinħassu sal-lum. Għalhekk qed isiru laqgħat ta’ kuljum ma’ rappreżentanti tal-operatur ewlieni, l-Arriva, sabiex isir titjib fis-servizz u fir-rotot.

Transport Malta – impjegati fl-uffiċċju taċ-Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-karigi, nomenklatura, ir-responsabbiltajiet u kemm qed jitħallsu inkluż xi perkaċċi, ta’ dawk l-impjegati li qed jaħdmu fl-uffiċċju taċ-chairman ta’ Transport Malta? Barra minn hekk, xi promozzjonijiet (inkluż in-nomenklatura) oħra ngħataw fi Transport Malta mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum u x’responsabbiltajiet iġorru tali promozzjonijiet? X’pagi u perkaċċi jġorru magħhom dawn il-promozzjonijiet? Meta nħatru f’dawn il-karigi (inklużi promozzjonijiet) u x’kienet il-paga ma’ Transport Malta ta’ kull persuna qabel ma nħatru fil-kariga preżenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karigi, nomenklatura, responsabbiltajiet u kemm qed jitħallsu inkluż perkaċċi l-impjegati li qed jaħdmu fl-uffiċċju taċ-Chairman ta’ Transport Malta huma murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għall-bqija tal-mistoqsija ma ngħataw l-ebda promozzjonijiet fi Transport Malta mid-9 ta Marzu 2013 sal-lum.

Transport Malta — transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il transfer ingħata f’Transport Malta minn Marzu 2013 sa issa? Lil min ingħatat kull transfer, xi transfer saret u x’kienet ir-raġuni wara kull transfer?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sa issa kien hemm ċaqlieq ta’ 10 persuni fi Transport Malta kif indikat hawn taħt. Sar ċaqlieq ta’ persuna waħda fuq talba tal-impjegat inniffsu. 5 ċaqliqiet oħra saru bi qbil mal-ħaddiema. 4 ċaqliqiet saru minħabba ir-rijorganizzazzjoni tas-Sezzjoni fejn kienu jaħdmu.

San Ġwann — proġett ta' Ċentru Ċiviku u Ġnien Pubbliku

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 296, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux kommess li dan il-proġett jitkompla u jitlesta? Jista’ jikkonferma li hemm baġit u flus allokati biex dan il-proġett ikun konkluż?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-progett imsemmi kien inbeda u nħargu xi tenders għalih mill-Amministrazzjoni preċedenti. Dawn it-tenders kienu nħargu mingħajr ma ntlaħaq ftehim biex jiċċaqlaq il-Klabb tal-Boċċi ta' San Gwann li jokkupa parti sostanzjali mill- area proposta għall-proġett. Mill-verifiki li saru jirriżulta li dan il-Klabb tal-Boċċi għandu konċessjoni mill-Gvern fuq l-art u t-tmexxija tal-faċilitajiet tal-Klabb li tagħlaq f'Ottubru tal-2016. Minkejja li kienu mibnija faċilitajiet ġodda għal dan il-Klabb tal-Boċċi f'sit ieħor f'San Gwann, dawn mhumiex interessati li jitliqu mis-sit eżistenti. Ninsab infurmat li ma kienx hemm fondi allokati għas-sena 2013 mill-Gvern preċedenti biex isir dan il-proġett.

San Ġwann – Klabb tal-Boċċi

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’se jsir mill-klabb tal-boċċi l-ġdid li nbena fl-inħawi ta’ Taż-Żwejt fil-limiti ta’ San Ġwann u bħalissa jinsab abbandunat? Huwa infurmat il-Ministru li hemm żgass u dan il-post il-ġdid qed ikun vandalizzat? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx target date meta se jkun lest dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li deċiżjoni finali għad trid tittieħed. Saru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali bil-għan li dan il-post jinstab użu xieraq għalih billi il-pjan preċedenti li il-klabb tal-boċċi jimxi għal dan il-lok sar qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali mingħajr ma kien intlaħaq ftehim mal-klabb imsemmi.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Servizzi klerikali minn kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratti maħruġa bejn 1 Jannar 2012 u 8 Marzu 2013 mid-dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru tiegħu għall-servizzi klerikali minn kuntratturi li jissupplixxu skrivana li jagħtu xogħol f’dawn l-entitajiet tal-Gvern? Kemm minnhom jitolbu li l-kuntratturi jħallsu l-minimu ta’ skala 16 tas-servizz pubbliku (ekwivalenti ta’ Skrivan) u jekk le, xi ħlas qegħdin jieħdu l-ħaddiema? X’inhi r-rata kull siegħa li titħallas lill-kuntrattur?

Response (MIZZI, JOE)

Fi ħdan id-Dekasteru tiegħi, jien ninsab infurmat li Transport Malta tuża is-servizzi ta’ kuntratturi li jissuplixxu skrivana. Dawn huma is- Secretarial Services li jammontaw għal 28 ħaddiem u ħaddiem wieħed mill- Appletree għalkemm ninsab infurmat li ma hemm l-ebda kuntratt formali maż-żewġ kumpaniji msemmija. Ir-rata tal-ħlas lil dawn il –kumpaniji huwa kif ġej: Secretarial Services €7.65 (rata għal kull siegħa għall-parti mill-impjegati) Secretarial Services € 1,145.50 (rata fix-xahar għal parti oħra mill-impjegati) Appletree €14.63 (rata fis-siegħa – liema rata tkopri xogħol li imur oltre minn sempliċi xogħol klerikali) Id-data tal-ingaġġ ta’ dawn il-ħaddiema tvarja bejn Frar 2009 u Settembru 2012.

San Pawl il-Baħar – pjanti ġodda għal toroq

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ġodda (jew mibdula) li ġew sottomessi għal dak li jirrigwarda t-triq li minn St Andrew's twassal għal San Pawl il-Baħar (coast road)? X'tip ta' konsultazzjoni ġdida se ssir biex jiġi diskuss l-effett li se jirriżulta mill-bidliet li qed jiġu proposti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniċi tibdiliet fil-pjanti approvati tat-triq tal-Coast Road huma dawk imposti bħala reserved matters u kundizzjonijiet għall-permess approvat tal-MEPA. Sal-lum, waħda minn dawn il-bidliet ġiet sottomessa lill-MEPA, u dan id-disinn rivedut qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Id-dettalji addizzjonali, hekk kif meħtieġ mil-bqija tar-reserved matters u kundizzjonijiet tal-MEPA, bħalissa qegħdin jiġu ddisinjati. Meta l-pjanti sottomessi jkunu riveduti mill-MEPA, jiġi imniedi proċess ta' konsultazzjoni pubblika mill-MEPA stess, u dan qabel il-permess ikun jista’ jiġi approvat mill-MEPA.

Riforma fit-Trasport Pubbliku – konsulenzi — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji sena b’sena mill-2008 sal-lum tal-ispiza li saret fuq konsulenzi dwar ir-riforma fit-trasport pubbliku? Jista’ jgħid min għamel ix-xogħol ta’ konsulenza f’kull każ? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża totali fuq konsulenzi dwar il-riforma fit-Trasport Pubbliku mill-2008 s’issa kienet ta’ €850,502 li fil-maġġor parti tagħhom ingħataw b’ Direct Order. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba.

Proġett tal-White Rocks – Konsulenzi — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji sena b’sena mill-2004 sal-lum tal-ispiża li saret fuq konsulenzi dwar proġetti differenti fil-kumpless White Rocks? Jista’ jgħid min għamel ix-xogħol ta’ konsulenza f’kull każ? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill – 2004 sal-lum l-ispiża li saret fuq konsulenzi dwar il-proġett tal-White Rocks tammonta għal €517,899.84. Ninforma wkoll li x-xogħol kollu ta’ konsulenza ingħata b’ Direct Order. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba.

Proġett tal-Baċir Numru 1 – konsulenzi – spiża

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji sena b’sena mill-2008 sal-lum tal-ispiża li saret fuq konsulenzi dwar il-proġett tal-Baċir Numru 1? Jista jgħid min għamel ix-xogħol ta’ konsulenza f’kull każ? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża li saret fuq konsulenzi dwar il-Proġġett ta’ Baċir numru 1 jammontaw għal €1,273,195.78 L-informazzjoni li qed tingħata tmur lura sas-sena 2009 u mhux mill-2008 kif mitlub peress li l-GHRC ġiet imwaqqfa fl-2009. Qed inpoġġi l-kumplament tal-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġett tal-moll taċ-Ċirkewwa – konsulenza — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji sena b’sena mill-2004 sal-lum tal-ispiża li saret fuq konsulenzi dwar il-proġett tal-moll il-ġdid taċ-Ċirkewwa? Jista jgħid min għamel ix-xogħol ta’ konsulenza f’kull każ? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi l-ispiża fuq konsulenzi relatati mal-proġett tal-moll il-ġdid taċ-Ċirkewwa kienet hekk: Sena € mingħajr VAT 2000-2008 1,936,676.94 2009 37,579.19 2010 229,436.66 2011 324,845.49 2012 240,640.83 2013 53,345.70 Total 2,822,524.81 L-ispiża ta’ bejn is-sena 2000 u 2008 tinvolvi l-ewwel fażijiet tal-proġett li jinkludu r-reklamar tal-art, il-bini tal-breakwater, u l-bini tat-tieni moll fit-tramuntana taċ-Ċirkewwa. Il-bini tat-terminal fiċ-Ċirkewwa li ġie iffinanzjat mil-Unjoni Ewropeja bejn l-2009 u l-2013, involva sal-lum l-ispiza ta’ € 885,847.87 mingħajr VAT, li tikkonsisti f’ € 580,214.75 fi spejjeż ta’ perizja u inġinerija, € 123,396.22 fi studji, u € 182,236.90 f’servizzi ta’ Project Management. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi breakdown ta’ dawn iċ-ċifri sena b’sena għall-konsulenti involuti u l-mod ta’ kif dan ix-xogħol ta’ konsulenza ġie mogħti.

Proġett tad-daħla tal-Belt Valletta – konsulenzi — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji sena b’sena mill-2008 sal-lum tal-ispiża li saret fuq konsulenzi dwar il-proġett ta’ Bieb il-Belt, il-Parlament il-ġdid u t-Teatru l-imwaqqa’? Jista’ jgħid min għamel ix-xogħol ta’ konsulenza f’kull każ? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża li saret fuq konsulenzi dwar il-proġett ta’ Bieb il-Belt, il-Parlament il-Ġdid u t-Teatru l-Imwaqqa’ tammonta għal- €17,668,775.01 L-informazzjoni miġbura tmur lura mill-2009 u mhux mill-2008 kif mitlub peress li l- GHRC ġiet imwaqqfa fl-2009. Qed inpoġġi l-kumplament tal-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.