Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' għajnna l-Enemalta tagħti lil clubs sportivi li għandhom faċilitajiet sportivi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta aktar tikkonċentra fuq l-għaqdiet nazzjonali sportivi. Madankollu l-Korporazzjoni tgħin ukoll lil clubs sportivi permezz ta' għoti ta' apparat, bħal arbli u rifletturi, mingħajr ħlas.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm ġew impjegati crane operators u security mal-Freeport matul it-22 xahar ta' Amministrazzjoni Laburista u mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista', jekk jogħġbu, jagħti wkoll informazzjoni minn liema lokalitajiet dawn l-impjegati ġodda huma ġejjin?
Minbarra l-kuntratti li għandha l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, bħala Chairman u Chief Executive Officer tal-Maltacom, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk din il-persuna tirrappreżentax il-kumpannija bħala Direttur fuq kumpanniji li fiha l-Maltacom għandha investiment? Jekk fl-affermattiv, kemm hi l-onorarja jew director's fee li jirċievi minn kull kumpannija?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-onorarja li tħallset lil kull direttur tal-Korporazzjoni Telemalta fl-1997 u kemm hi l-onorarja li qed jitħallsu l-istess diretturi bħala diretturi tal-Maltacom din is-sena? Jekk kien hemm żieda, jista' jingħad meta din saret u min awtorizzaha?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-onorarja li jitħallsu d-diretturi tal-Maltacom ma nbidlitx minn dik li tħallset lil kull direttur tal-Kumpanija Telemalta. Din hija hekk:
Chairman Lm5000; Deputat Chairman Lm1500; u Direttur Lm1,000
Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex policy tal-Maltacom illi ġġiegħel lil dawk is-subscribers li jkollhom in-numru tat-telefon tagħhom imħażżeż ma' xi telephone box, iħallsu għad-danni u l-ħsara li tkun saret minn ħaddieħor? Dan qed nistaqsih għax bħalissa diversi persuni li jkollhom in-numru tat-telephone boxes qed isirulhom telefonati mill-Maltacom fejn qed jgħidulhom li se jkollhom iħallsu l-ispejjeż huma biex it-telephone boxes in kwestjoni jiġu mbajda mill-ġdid u dan minkejja li huma ma' jkollhom x'jaqsmu xejn u l-kitba tkun saret minn xi ħadd li jkun qiegħed iċemplilhom?
Jikkonferma l-Ministru li sa ftit ilu l-pulses b'xejn mogħtija lill-klijenti tal-Maltacom (domestiċi) kienu jkopru wkoll telefonati għal barra (abbażi ta' ħin) u issa ġew limitati biss għal sejħiet lokali bir-rata ta ħames minuti kull pulse?
Jista' l-Ministru jgħid kif jaħdmu dawn il-pulses jekk hux abbażi ta' ħin jew inkella ta' numru ta' calls?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nikkonferma li mill-kont kurrenti, il-Maltacom qegħda tagħti l-100 pulse b'xejn kull xahrejn fuq sejħiet lokali biss u mhux iżjed fuq sejħiet għall-mobile jew sejħiet għal barra minn Malta.
F'dan l-isfond wieħed irid iqis x'jgħidu r-regolamenti dwar il-ħlasijiet tat-tliet kwalitajiet ta' sejħiet: dawk minn numru tal-Maltacom għal numru tal-Maltacom (magħrufa komunament bħala sejħiet lokali), dawk minn numru tal-Maltacom għall-mobile, u s-sejħiet minn numru tal-Maltacom għal barra minn Malta.
Huwa fil-każ ta' sejħiet lokali bixx li Skeda Numru 4 (paragrafu 3) tar-Regolamenti tat-Telephone, kif sussegwentament emendati u approvati mir-Regolatur tat-Telekommunikazzjoni, jitkellmu dwar rebate 'għall-ewwel 150 pulse kull tliet xhur'. Dawn il-pulses b'xejn qed ikomplu jingħataw kif kien isir qabel, dejjem skond ir-regolamenti.
F'paragrafu 5 ta' l-istess skeda, fejn ir-regolamenti jitkellmu dwar sejħiet min-numru tal-Maltacom għall-mobile, m'hemmx pulses b'xejn.
Barra minn hekk, il-liġi l-ġdida tal-VAT tobbliga lill-Mlatacom li tiġbor il-VAT fuq dawn is-sejħiet. Kieku l-Mlatacom baqgħet tagħti l-pulses b'xejn għal dawn is-sejħiet kienet tkun qed tikser il-liġi. Qabel kienet tagħtihom ukoll għall-mobile għaliex l-ewwel liġi tal-VAT, b'differenza għat-tieni waħda, kienet tgħid li l-VAT kellha tassorbiha dik li qabel kienet il-Korporazzjoni Telemalta. Għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li s-sejħiet jinqasmu f'kategoriji separati.
Il-prezz tas-sejħiet għal barra minn Malta jaqgħu taħt regolamenti oħra u anke hawn m'hemm xejn li jobbliga lil Maltacom li tagħti pulses b'xejn.
L-Onorevoli Interpellant jista' jirreferi għal paġna xiii ta' l-aħħar edizzjoni tad-Direttorju tat-Telefon, fejn isib li r-rebate jingħata biss għal sejħiet lokali.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, it-tariffi għas-sejħiet lokali, huma kif jidhru fl-istess Direttorju tat-telefon, jiġifieri:
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa (u FEsti Pubbliċi):
Mis-6.00am sat-8.00am - 5c kull 10 minuti jew parti minnha;
Mit-8.00am sas-6.00pm - 5c kull 5 minuti jew parti minnha;
Mis-6.00pm sas-6.00am - 5c kull sejħa.
Is-SIbt ul-Ħadd:
Mis-6.00am sas-6.00pm - 5c kull 10 minuti jew parti minnha;
Mis-6.00pm sas-6.00am - 5c kull sejħa
It-tariffi għas-sejħiet awtomatiċi għal barra minn Mlata ivarjaw skond il-pajjiżi, maqsuma f'9 żoni, iżda huma klassifikati fi tliet kategoriji: standard, off-peak u night.
Standard: rati applikabbli għal sejħiet magħmula mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00am u s-6.00pm.
Off-peak: rati applikabbli għal sejħiet magħmula mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-6.00pm u nofs il-lejl, u s-Sibt u l-Ħadd bejn it-8.00am u nofs il-lejl;
Night: rati applikabbli għal sejħiet magħmula fil-ġranet kollha bejn 00.01am u t-8.00am.
It-tariffi ta' drittijiet għal telefonati ma' barra minn Malta bl-operator (194) huma hekk: ħlas minimu ta' tliet minuti għal kull telefonata u żieda addizzjonali għal kull minuta (jew parti minnha), dejjem skond iż-żona li jinsab il-pajjiż li lejh tkun qed issir it-telefonata.
Jista' l-Ministru jgħid kif personnel temporanju ta' l-Air Malta ingaġġati bħala cabin crew bil-kuntratt sa Ottubru 1998, ġew mgħarrfa li m'humiex tajbin biżżejjed meta hemm minnhom li kellhom snin t'esperjenza minkejja li kienu ngaġġati b'mod temporanju?
Jista' l-Ministru jindaga għalfejn fil-Power Station tal-Marsa, il-ħaddiema tal-mechanical section qed jagħmlu overhaul tal-boiler Nru.7 fuq l-overtime waqt li dawk ta' l-electrical section iridu jagħmlu l-istess xogħol fil-ħin regolari bilfors?
Response (BONNICI, JOSEF)
Xogħol ta' overhauls fuq l-impjant isir parti fil-ħin normali tax-xogħol u parti waqt is-sahra.
Fis-sezzjoni tal-mechanicals twaqqaf grupp ta' impjegati biex jagħmel xogħol fuq l-overhaul tal-boiler. Dan il-grupp ġie ffirmat mit-tlett gruppi tax-xift u jaħdmu ħinijiet stabbiliti limjinkludu numru ta' siegħat ta' sahra, madwar 24 siegħa, fil-ġimgħa.
Fil-każ ta' l-electricians ix-xogħol tqassam bejn it-tlett gruppi tax-xift li jaħdmu s-sahra skond il-bżonn.
L-overhaul jikkonsisti f'numru ta' xogħolijiet minn snajja differenti u l-ħtieġa ta' sahra tvarja skond in-natura tax-xogħolijiet.
Jista' l-Ministru jagħti risposta ta' meta l-Maltacom beħsiebha tneħħi l-arblu (Ref. Telemalta 49/109) li jinsab f'nofs il-bankina fi Triq Wiġi Muscat, Ħal Lija li qed ikun ta' inkonvenjent lill-pubbliku minkejja li l-Kunsill Lokali ta' Ħal Lija ilu jirsisti mal-Maltacom għal dawn l-aħħar sentejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol ta' trinek u parti mix-xogħol tal-cable biex jitneħħa l-arblu huma lesti. Ix-xogħol li baqa' u t-tneħħija ta' l-arblu mistennija jkunu lesti fi żmien mhux il-bogħod.
Jista' l-Ministru jassigura li l-vapuri l-ġodda li l-Malta Shipbuilding qed jibnu għal Gozo Channel se jkunu aċċessibli għal kulħadd inkluż persuni b'diżabilita' anke dawk li jużaw siġġu tar-roti? Jista' jgħid kif qed jassigura dan? Hemm kuntatti mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar din l-issue?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-vapuri l-ġodda tal-Gozo Channel ser ikunu aċċessibbli anke għal persuni b'diżabbilta'. Dawk li jużaw siġġu tar-roti ser ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-lifts li ser jiġu installati fil-car deck u li jwasslu għall-Passenger Areas. Barra minn hekk, meta jitlestew it-Terminals il-ġodda, ikun hemm passaġġ dirett mit-Terminal għall-Passenger Deck. S'issa il-Bord il-ġdid tal-kumpanija Gozo Channel ma kellux kuntatt mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabbilta'.
Jista' l-Ministru jgħid x'risposta għandu għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5698 li s'issa għadu ma weġibx?
Response (BONNICI, JOSEF)
Filwaqt li l-inċident li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kien ta' proporzjonijiet ferm iżgħar minn dawk li qed isemmi fil-mistoqsija tiegħu; il-każ kien jirrigwarda pakkett żgħir ta' katini tad-deheb mhux irfinut, li probabbilment waqa' lill-piżatur tal-Konslu tad-Deheb mingħajr ma dan induna, waqt li l-konsenja li kienet għadha kif waslet mill-Ġermanja kienet qed tintiżen skon il-proċeduri tas-soltu fl-istrongroom ta' l-ajruport. Apparti l-passi li ttieħdu għal dak li kien maħsub li kien 'short delivery', dan il-pakkett instab minn ħaddiem waqt it-tindif meta reġgħet infetħet l-istrongroom. Wara li saru l-proċeduri kollha neċessarji, il-pakkett ġie irtirat mill-importatur.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5531?
Response (BONNICI, JOSEF)
Iż-żewġ Ministri preċedenti msemmija fil-mistoqsija ma tantx jidhru li taw valur lill-konklużjonijet ta' l-investigazzjoni tal-MSU, illum il-MITTS.
Il-pjanijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma dwar ir-riorganizazzjoni tas-sistema ta' l-informatika tagħha, illum imorru 'l bogħod minn dak li jidher li kien maħsub qabel.
Jista' l-Ministru jgħidilna fejn irridu nirrapportaw bozoz tat-triq maqtugħa? Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex bozza ħdejn Block 6B, San Gwann t'Għuxa, Bormla ilha fuq ħames ġimgħat maqtugħa u dan minkejja li ġiet rapportata minni stess għal darba darbtejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Biex tinbidel bozza tat-triq li tkun inqatgħet, wieħed jista' jirraporta jew fl-uffiċċju distrettwali partikolari tal-Korporazzjoni Enemalta, inkella fis-Sezzjoni ta' l-istreet Lightning tal-Korporazzjoni fil-Marsa.
Rigward il-bozza imsemmija, jiena nfurmat li din inbidlet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Water Services Corporation hijiex konxja mit-tfigħ ta' liquid manure ġewwa l-manholes ta' drenaġġ li hawn fil-Wied tat-Troll f'Ħaż-Żebbuġ?
Taf il-Water Services Corporation li dan l-ammont ta' liquid manure jista' jkun qiegħed imur fl-aquifer partikolarment meta persuni rresponsabbli qegħdin jitfgħu dan il-materjal għal għonq il-Wied?
X'koperazzjoni teżisti bejn il-Water Services Corporation u l-Ministeru għall-Ambjent dwar din il-materja ta' kontaminazzjoni?
Jista' l-Ministru jara li tinbidel is-sistema tad-dawl ma' dar Nru. 29, Triq Inez Soler, Sta. Luċija minħabba overload ta' dawl? Jista' l-Ministru jara wkoll li jitneħħa n-numru kbir ta' wires li hemm peress li qegħdin ikunu ta' inkonvenjenza kbira għar-residenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol biex jitressqu numru ta' wires u jsir 'shifting' ta' arblu fit-triq imsemmija għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamenari numru 5462 u partikolarment il-parti fejn il-Ministru qal: "L-amministrazzjoni preżenti hija mpenjata li twettaq l-wegħdi elettorali kollha li huma nklużi fil-programm elettorali, inkluż li jkun hemm responsabbilta' fil-finanzi pubbliċi", jista' l-Ministru jgħid jekk dan ifissirx illi l-ħaddiema kollha tal-Kalaxlokk se jkunu assigurati mill-impjieg tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, il-gvern preżenti huwa mpenjat bi sħiħ biex tinstab soluzzjoni ġusta għall-problema tal-ħaddiema tal-Kalaxlokk. Fil-fatt riċentement ġew deċiżi l-parametri li ser iservu bħala qafas fid-diskussjonijiet li se jkomplu bejn il-Gvern u l-Union li tirrapreżenta lill-ħaddiema ta' l-azjenda.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fit-18 ta' Marzu, 1999 kien se jsir eżami għall-linesmen mal-Korporazzjoni Enemalta, liema eżami ġie pospost u ma sarx? X'kienet ir-raġuni li tħassar dan l-eżami? Jaħseb il-Ministru li l-għaqal jiddetta li ħames persuni li ilhom kważi tlett snin jiġu mgħallmin mill-Korporazzjoni Enemalta b'investiment kbir ta' flus jinħarġu għal linesmen u għandhom jiġu utilizzati mill-istess korporazzjoni mill-aktar fis stante li hemm bżonn ta' aktar linesmen?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta hija waħda mill-organizazzjonijiet li tisponsorja numru ta' studenti ta' l-ESTS u TAS. Pero' skond ir-regoli ta' dan l-apprentistat, il-Korporazzjoni mhix obbligata li timpjega dawn l-istudenti wara li jtemmu l-kors.
Fil-preżent il-Korporazzjoni qegħda tagħmel eżerċizzju biex tevalwa l-gradi u l-bżonnijiet tagħha u għalhekk mhux prudenti li timpjega nies qabel ma jsir it-tmiem ta' dan l-eżerċizzju.
Jista' l-Ministru jara li ssir bozza ġdida fuq bieb numru 31, "St Mary", Triq il-Wied, Raħal Ġdid, minħabba l-biża' ta' dlam li hemm minħabba n-nuqqas ta' dawl?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba biex jiżdied id-dawl fit-triq imsemmija qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.