Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kappara — Tindif ta' toroq

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex veru dak li qed jgħid il-Kunsill Lokali ta' San Ġwann li m'għandux flus mill-gvern ċentrali biex inaddaf it-toroq fil-Kappara? Jekk fl-affermattiv, x'jista' jagħmel wieħed biex dawn it-toroq jitnaddfu? Peress li l-ġnien Camilleri għadu fi stat ħażin, jista' jgħid jekk dan huwiex minħabba nuqqas ta' flus ukoll?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-formola ta' finanzjament tal-Kunsilli Lokali tieħu in konsiderazzjoni il-funzjonijiet statutorji kif ukoll l-assi tagħhom. Għar-rigward il-Kunsilli Lokali ta' San Ġwann ninsab infurmat illi, għas-sena finanzjarja li qegħdin fiha (i.e. 2007 - 2008), il-Kunsill ingħata ammont ta' Lm7,272 biex jieħu ħsieb il-ġonna fil-lokalita' tiegħu. Għal ġnien G.M.Camilleri in partikolari ġiet allokata s-somma ta' Lm2,106. Fejn jirrigwardja knis u qtugħ ta' ħaxix, il-Kunsill Lokali ta' San Ġwann din is-sena ġie allokat is-somma ta' Lm30,797. Minn dawn, Lm7,374 huma allokati għall-Kappara.

Jerma Palace Hotel — Bejgħ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hux minnu li meta nbiegħet il-Jerma Palace Hotel il-gvern biegħ dik l-art tal-gvern li fuqha kien sar encroachment mis-sidien preċedenti? Jekk hu minnu, jista' l-Ministru jippreżenta kopja ta' dan il-kuntratt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, mhux minnu li meta nbiegħet il-lukanda Jerma Palace f'Marsaskala, il-Gvern biegħ xi art tal-Gvern.

E-ID — Adjudication process

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 26640, ma japprezzax il-Viċi Prim Ministru li l-proġett ta' l-e-ID huwa kopert mill-proġett NIDMS - National ID Management System? Għaldaqstant jista' jagħti t-tagħrif mitlub fil-kuntest ta' dan il-proġett?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm il-proġett ta' e-ID huwa b'xi mod relatat ma' dak tan-NIDMS fil-verita' dawn huma żewġ proġetti totalment separati. Peress li ta' l-ewwel ma jaqax taħt ir-responsabbilita' ta' dan il-Ministeru, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel tali mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Karozzi pparkjati fuq yellow lines

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jinforma lill-Kamra jekk meta jkun hemm karozzi pparkjati fuq yellow lines b'tali mod li jimblukkaw aċċess għal garages privati l-pulizija għandhomx dritt joħorġu ċitazzjonijiet u anke jċemplu lill-kumpanniji tat-towing - speċjalment f'ħinijiet meta ma jkunx hemm wardens tal-kunsilli lokali - billi ħafna għases tal-pulizija qed jinterpretaw dawn il-miżuri b'mod differenti minn xulxin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-parkeġġ ta' vetturi quddiem garaxx, huwa regolat bir-regolament numru 77 tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur. Barra minnhekk vettura li tkun qed tostakola d-dħul jew ħruġ liberu minn xi garaxx, tkun suġġetta li tiġi rmonkata skond ir-Regolamenti dwar l-Ikklampjar u Tneħħija ta' Vetturi bil-Mutur u Oġġetti ta' Ingombru.

Street Lighting

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26547 u jgħid fejn tibda u tispiċċa r-responsabbilta' rispettiva ta' l-Enemalta u tal-kunsilli lokali fejn jidħol twaħħil u tibdil ta' bozoz fir-rigward ta' dak li huwa street lighting f'żoni residenzjali?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, r-responsabbilita' tal-Kunsilli Lokali fejn jidħol twaħħil u tibdil ta' bozoz f'żoni residenzjali, tibda mit-twaħħil ta' l-isolator, li jinxtara mill-Kunsill stess u tibqa' sejra sat-twaħħil tal-bozza permezz ta' cable imwaħħal ma' l-istess isolator. L-Enemalta hija responsabbli li tgħaddi s-supply ta' l-elettriku, mill-main sa l-isolator.

Sqaq Privat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi trid tagħmel persuna biex l-isqaq fejn toqgħod li diġa' ġie dikjarat bħala sqaq privat tal-istess persuna f'kawża li din il-persuna kienet għamlet kontra l-Gvern ta' Malta, biex dan l-istess sqaq jiġi rikonoxxut bħala "Sqaq Privat" mill-entita' tal-Gvern li tieħu ħsieb l-ismijiet tat-toroq?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Avviż Legali 176 ta' l-1995, l-għoti ta' isem ta' triq jew l-għoti mill-ġdid ta' isem ta' triq mhux arterjali jew distributorja jaqa' fil-kompetenza tal-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq wara li "... il-Kunsill Lokali ta' dik il-lokalita' jissottometti r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Ministru responsablbi għall-Pulizija li għandu jirreferi ... lill-Kumitat għat-Tismija ta' Toroq proprju, għall-parir tiegħu".

Ġustizzja u Intern — Salarji u benefiċċji

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma s-salarji u benefiċċji oħra tac-chief executive officer ta' kull awtorita', fondazzjoni, korporazzjoni, kummissjoni, aġenzija, istitut u kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda persuna fid-Dekasteru tiegħi li għandha tali ħatra.

Ġustizzja u Intern — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kellu mpjegati fuq bażi part time jew bil-kuntratt matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu, 2007 fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu, li m'humiex uffiċjali pubbliċi, min huma, x'pożizzjoni għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu? Jista' jgħid, jekk il-kuntratt ta' dawn l-impjegati hux definit u għal kemm perjodu f'każ li fl-affermattiv?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ġustizzja u Intern — Xogħol sub contracting

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm sewa flus ix-xogħol li sar permezz ta' sub contracting mil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul Jannar, Frar u Marzu 2007 separtament u xahar b'xahar? Jista' jgħid jekk għal dan ix-xogħol ħarġitx tender fejn kien hemm bżonn u min kien il-kuntrattur f'kull każ li ngħata x-xogħol u kemm kien l-ammont separatament?

Response (BORG, TONIO)

Meta jkun stabbilit li kuntrattur jista' jagħti xogħol ta' subcontracting, allura l-Ministeru jew dipartiment konċernat mhux bilfors ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għar-raġuni li d-dritt tas-subcontracting jemani mill-istess kuntratt. Jekk l-Onor. Interpellant irid informazzjoni fuq xi każ partikolari u/jew qed jirreferi għal l-għoti ta' kuntratti pjuttost mis-subcontracting, allura huwa mitlub jiċċara u jerġa' jissottometti mistoqsija parlamentari oħra.

Ġustizzja u Intern — Direct Orders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ingħatawx direct ordersmatul Jannar, Frar u Marzu 2007 mil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu u f'każ li fl-affermattiv kemm ingħataw, għal liema raġuni, kemm kien l-ammont u min ingħata d-direct order separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fid-dekasteru tiegħi, matul ix-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2007, ingħataw dawn id-direct orders mid-Dipartiment tal-Pulizija: DETAILSAMOUNTSUPPLIERAPPROVED BY JanCombat TrousersLm 1,300Merc TradingM.J.H.A. FebComputer SoftwareUS$3,839ForensicPC (USA)M.J.H.A FebRepairs on OutboardLm 1,317CJ Frendo LtdM.J.H.A. FebPistolsEur21,506Glock (Austria)Min of Finance FebSecurity Fax MachineEur 5,433Rohde & Schwarz (Germany)Min of Finance MarIT Equipment for IRULm16,871Intercomp Ltd Computime Ltd Hydroelectric Ltd J Cardona Ltd I.T.C. Ltd Baron Networks Tenovar LtdMin of Finance

Ta' Xbiex/Msida — Tlajjar minn prostituti

Question

Fid-dawl tad-diversi ilmenti li rċevejt mingħand għadd ta' familji - ħafna minnhom bi tfal li għadhom qegħdin jitrabbew - li joqogħdu fit-triqat Enrico Mizzi, Giuseppe Cali', Triq San Ġwann tas-Salib, flimkien ma' triqat oħra fl-istess inħawi ta' Ta' Xbiex/Msida, jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' tlajjar minn prostituti qrib ir-residenzi tagħhom, aktar u aktar minħabba l-allegazzjonijiet ta' uħud minnhom li ħafna drabi minkejja l-patrols li jsiru, l-Pulizija jibqgħu għaddejjin qishom mhux huma, jekk mhux ukoll jieqfu jiċċaċċraw mal-persuni kkonċernati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll ta' l-Iskwadra ta' kontra l-vizzji, regolarment jagħmlu spezzjonijiet fl-inħawi msemmija u kull fejn jirriżulta li jkun hemm xi abbuż jittieħdu dawk il-passi kollha skond il-liġi.

Enemalta — Tender ta' l-Informatika

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara fhiex waslu l-investigazzjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali dwar il-każ ta' l-ex-chairman ta' l-Enemalta li allegatament ra d-ditta tiegħu tal-Forestals tieħu tender ta' l-informatika fl-istess żmien tal-ħatra tiegħu fil-Korporazzjoni li kien qed imexxi?

Response (BORG, TONIO)

Jiena infurmat li l-Avukat Ġenerali ma huwiex jagħmel ebda investigazzjonijiet dwar xi każ bħal dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant u anqas hi l-funzjoni ta' l-Avukat Ġenerali li jagħmel investigazzjonijiet bħal dawn. Ma hux eskluż, iżda, li l-Avukat Ġenerali jintalab jagħti parir dwar każijiet simili.

Traffikar ta' persuni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' rapporti ta' traffikar ta' persuni din is-sena? Jista' jgħid kemm tressqu l-qorti? Jista' jgħid kemm instabu ħatja u x'kienet il-piena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena, s'issa, tressqu żewġ każijiet quddiem il-Qorti dwar traffikar ta' persuni. Dawn għadhom pendenti quddiem il-Qorti.

Abbużi fuq it-tfal

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' każijiet ta' abbużi fuq it-tfal din is-sena? Jista' jgħid kemm tressqu l-qorti? Jista' jgħid kemm instabu ħatja u x'kienet il-piena? Jista' jgħid kemm mill-vittmi kienu bniet u kemm kienu subien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena, s'issa, il-Pulizija kellha 19-il rapport dwar abbuż fuq 24 tfal, li minnhom 19 huma bniet u 5 subien. Dwar dawn ir-rapporti ġew imressqa quddiem il-Qorti 22 persuna , li s'issa 2 kellhom il-każ deċiż u ġew mogħtija sentenza ta' priġunerija.

Possession and Use

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, hux milqut mil-liġi tal-Possession and Use? Jista' jinxtara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fond li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant fil-fatt huwa mibni fuq art li ġiet esproprjata mill-Gvern taħt titluta' pussess u użu.

Art esproprijata

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-file, li qed jintbagħat separatament, fejn biċċa art ta' kejl 835 metru kwardu, u li tinkludi fuqha parti minn razzett, kienet ġiet esproprijata u s-sidien qatt ma tħallsu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kumpens għal art ta' kejl ta' 835 metru kwadru, li tinkludi fuqha parti minn razzett, u li dettalji tal-file intbagħtu separatament, u li ġiet esproprijata, ikun jista' jitħallas meta d-Dipartiment ta' l-Artijiet jipproċessaha u isir ħlas mill-fondi neċessarji.

Faċċata ta' dar f'periklu

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma tteħdux l-passi neċessarji fejn hemm faċċata f'periklu għal terzi persuni, quddiem ir-residenza li tinsab fi Triq l-Antika, Birgu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma rċeviet l-ebda rapport dwar proprjeta' tal-Gvern perikoluża fit-Triq li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant. Fl-istess triq ma jirriżultax li hemm xi proprjeta' tal-Gvern li hija perikoluża. Minn spezzjoni li saret minn uffiċjali tat-Taqsima il-proprjeta' fit-triq in kwistjoni li jista' għandha bżonn xi attenzjoni tidher li mhix tal-Gvern. Tlabt lill-Pulizija biex tinvestiga dan l-ilment.

Pembroke Local Council — Għotjiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani bl-għotjiet kollha li għamel il-kunsill lokali ta' Pembroke li mhux koperti bis-skeda? Jekk jirriżulta li hemm xi ħlasijiet li m'humiex koperti x'għamel id-dipartiment f'kull każ? Jekk fl-affermattiv, dawn il-flus ġew imnaqqsa milll-kontribuzzjoni tal-gvern jew ġew mitluba lura mill-entijiet li ħadu dawn il-flus?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment għall-Gvern Lokali innota illi l-Kunsill Lokali Pembroke għamel pagamenti li m'humiex meqjusa li saru skond il-liġi. Dawn il-pagamenti saru lil Pembroke Athleta FC u lil Perla Hotels Ltd. Dawn il-pagamenti kienu jammontaw għal Lm175. Il-Kunsill ġie mitlub jispjega għal xiex kien għamel dawn il-pagamenti u wara li d-Dipartiment evalwa t-tweġiba tal-Kunsill, iddeċieda illi dawn il-pagamenti ma kienux ġustifikati. Għaldaqstant dan l-ammont ġie mnaqqas mill-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsill. F'kull każ li d-Dipartiment jirriżultalu li xi Kunsill ta xi għotjiet mhux skond il-liġi, ammont ekwivalenti jitnaqqas mill-allokazzjoni finanzjarja ta' l-istess Kunsill.

Ġustizzja u Intern — Ħaddiema li għalqu l-61 sena

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extension u għal liema raġuni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm impjegat wieħed fid-Diviżjoni tar-Reġistru Pubbliku u ta' l-Artijiet li wara li għalaq il-61 sena ngħata "extension" sal-31 ta' Diċembru 2007 minħabba esiġenzi tas-servizz. Barra minn hekk, ir-Reġistratur taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għandu 68 sena. Huwa ma ngħata l-ebda "extension" come tale għaliex kien diġa' jokkupa din il-kariga flimkien ma' dik ta' Reġistratur taċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ. Meta huwa rriżenja miċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ, il-Bord taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni talbu biex jibqa' jżomm il-kariga li diġa' kien qed jaqdi f'dak iċ-Ċentru. Din il-pożizzjoni għandha tiġi riveduta fl-aħħar ta' Ġunju 2007. Ta' min jgħid ukoll illi ġiet approvata ukoll talba li saret minn Assistent Kummissarju tal-Pulizija li ngħata "extension" għal wara li jagħlaq il-61 sena.