Tas-Sliema — Stabiliment ta' l-ikel li jaħżen iċ-ċilindri
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Awtorita' għall-Ħarsien tas-Saħħa u s-Sigurta' dwar l-ilmenti ta' residenti li jgħixu f'Xatt Qui-si-Sana fl-appartamenti fuq ir-ristorant Mamma Mia li jaħżen ċilindri tal-gass taħthom u diġa' kellu mill-inqas okkażjoni waħda fejn ħa n-nar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li uffiċjali ta’ l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol spezzjonaw il-post indikat mill-Onor. Interpellant fil-bidu ta’ Settembru 2003 u ħarġu struzzjonijiet li jindirizzaw il-problema.
Ninsab infurmat ukoll li l-implimentazzjoni tal-miżuri ordnati jeħtieġu ż-zmien sabiex jiġu fis-seħħ.
Edukazzjoni — Fondi - Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol
Question
Kemm intefqu fondi fuq edukazzjoni u tkabbir ta' kuxjenza favur is-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol kull sena mill-1995 sal-lum mill-entitajiet relevanti fi ħdan il-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol ma żżommx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fejn jirrigwarda entitajiet jew Dipartimenti oħra Governattivi.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fejn jirrigwarda l-Awtorita’ mis-sena 2002 meta l-provedimenti kollha tal-liġi relevanti, minbarra dawk li jirrigwardaw il-Bord ta’ l-Awtorita’, daħlu fis-seħħ. Ta min jgħid li l-maġġor parti tal-fondi minfuqa fis-sena 2002 ġew mill-Unjoni Ewropea.
Peress li l-istatistika uffiċjali turi li l-aktar postijiet tax-xogħol milquta minn inċidenti fuq il-post tax-xogħol huma fl-industrija tal-manifattura, dik tal-kostruzzjoni u fit-tarznari, x'inizjattivi partikulari qed tieħu l-Awtorita' tas-Saħħa u s-Sigurta' biex tindirizza din il-problema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fiż-żmien relattivament qasir li ilha mwaqqfa l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol ħadmet biex tqajjem aktar għarfien dwar il-ħtieġa ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurta’ fuq ix-xogħol, biex teduka u twassal kull informazzjoni dwar is-suġġett lil dawk li għandhom xi rwol f’dan il-kamp, biex tippromwovi t-taħriġ u biex tara li jkun hawn qafas legali effettiv li jirregolamenta s-suġġett.
L-Awtorita’ ħadet diversi inizjattivi biex tippubblika u twassal gwidi li jindirizzaw aspetti speċifiċi fosthom dwar l-armar għall-bini, l-użu ta’ l-asbestos, xogħol fi spazji ristretti, xogħol ta’ skavar, użu ta’ krejnijiet, użu ta’ fork lifters u l-użu ta’ sustanzi perikolużi. Għal dak li jirrigwarda speċifikament is-settur tal-kostruzzjoni, l-Awtorita’ qed tniedi sensiela ta’ korsijiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema f’dan is-settur b ‘kollaborazzjoni mal-Building Industry Consultative Council. Flimkien ma’ l-istess Kunsill, l-Awtorita’ bdiet inizjattiva msejjħa Safety Bus, fejn uffiċjali ta’ l-Awtorita’ jduru siti ta’ kostruzzjoni, jittieħdu videos ta’ prattiċi ħżiena ta’ xogħol biex wara jintwerew lill-ħaddiema u jiġi spjegat lilhom kif seta’ sar ix-xogħol mingħajr periklu. L-Awtorita’ organiżżat ukoll erba’ seminars li kienu jkopru dawn is-suġġetti:
· evalwazzjoni tar-riskju;
· l-użu ta’ makkinarju u nġenji fuq ix-xogħol;
· is-saħħa u s-sigurta’ fis-settur tal-kostruzzjoni; u
· s-saħħa u s-sigurta’ waqt manifatturar ta’ logħob tan-nar.
L-Awtorita’ pproduċiet wkoll awareness spots li xxandru fuq il-meżżi tax-xandir.
Barra minn dan, kull sena, l-Awtorita’ qed torganiżża Ġimgħa Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol li tkun tittratta dwar suġġett speċifiku. Din is-sena, is-suġġett ser ikun dwar sustanzi perikolużi u s-sena d-dieħla ser ikun dwar is-settur tal-kostruzzjoni.
Biex tibni l-kapaċita’ u taqdi d-doveri tagħha, inkluż l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni u r-regolamenti dwar is-suġġett, l-Awtorita’ ipparteċipat fi twinning project flimkien ma’ l-Awtoritajiet dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol Ingliżi u Irlandiżi. Dan il-proġett, li sewa 700,000 Euro, ġie ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-istess ħin l-Awtorita’ kompliet tinvesti fit-taħriġ ta’ l-impjegati tagħha li wħud minnhom ħadu taħriġ anki barra minn Malta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna li mietet fuq il-post tax-xogħol kienet impjegata fid-Dipartiment tad-Drenaġġ skond is-snin, u dan fil-perjodu li jeżistu r-records? X'kien il-kumpens li ngħata lill-familja rispettiva ta' dawn il-vittimi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mir-records li għandha l-Awtorita’ dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol dwar inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol, liema records imorru lura sas-sena 1994, kien hemm tliet inċidenti fatali ta’ mpjegati mad-Dipartiment indikat mill-Onor. Interpellanti li ġraw kollha fl-2000.
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-aħħar parti tal-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Sptar Ġenerali ta' Għawdex — Refurbishment - Sala Sant Anna
Question
Peress li ilni mill bidu tal-leġislatura nistenna risposta, jista' il-Ministru jgħid jekk fir-refurbishment tas-sala Sant Anna fl-iptar ġenerali ta' Għawdex ingħatawx direct orders, kemm intefqu flus u min għamlu x-xogħol u l-ammont ta' kull kuntratt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jaf il-Viċi Prim Ministru li residenti li joqogħdu f'City Gate, il-Belt Valletta ilhom is-snin jipprovaw biex jixtru l-fondi fejn jirrisjedu u li anke kienet saret petizzjoni lil din il-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mir-records ta’ l-Awtorita’ tad-Djar il-postijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant inbnew fuq art li qiegħda għand il-Gvern b’titolu ta’ possession and use.
L-Awtorita’ tad-Djar ma għandha ebda Skema għal bejgħ ta’ propjeta’ fuq art li tkun għand il-Gvern b’dan it-titolu.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament ma ngħatatx id-dritt tagħha għal pensjoni għall-irtirar u għal benefiċju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex jikkonsidra mill-ġdid li jagħti ċans lil dawk li għalqu s-60 sena jew 61 sena u li ma ħalqux ħalsu l-kontribuzzjoni tas-Siġurta' Soċjali kollha minn qabel għalqu di l-eta', biex iħallsu d-differenza ta' sawn il-kontribuzzjonijiet dovuti lill-Gvern u b'hekk ikunu intitolati għall-pensjoni xierqa tal-perjodu tal-ħidma tagħhom u tax-xogħol li huma għamlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema tas-Sigurta’ Soċjali, bħal kull skema oħra ta’ assigurazzjoni, ma tikkontemplax li kontribuzzjonijiet mhux imħallsa fi żmienhom, jiġifieri qabel ma tinqala l-kontinġenza li wieħed jassigura ruħu għaliha, jiġu kkunsidrati biex jitħallas benefiċċju daqs li kieku l-kontribuzzjonijiet tħallsu meta jkunu dovuti.
L-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jispeċifika b’mod ċar li l-kundizzjonijiet kontributorji biex persuna tiġi ntitolata għall-pensjoni kontributorja għal min jirtira jridu jiġu sodisfatti fid-data ta’ l-irtirar.
Kemm għandha enforcement officers l-Awtorita' tas-Saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol? Kemm-il spezzjoni saret fuq il-postijiet tax-xogħol mill-1998 s'issa sena b'sena u kkategoriżżata skond it-tip ta' post tax-xogħol? Kemm fil-fatt saru spezzjonijiet fuq lanijiet tal-kostruzzjoni? Kemm-il spezzjoni saret fuq makkinarju eċċ, bħal per eżempju fuq tower cranes?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-preżent l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol għanda 14-il persuna maħtura bħala Uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol li jagħmlu spezzjonijiet f’postijiet tax-xogħol.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament ta’ l-informazzjoni mitluba mis-sena 2002 meta l-provedimenti kollha tal-liġi relevanti, minbarra dawk li jirrigwardaw il-Bord ta’ l-Awtorita’, daħlu fis-seħħ.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm mietu persuni vittmi ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol rispettivi tagħhom, mill-1995 sal-lum, sena b'sena u skond il-post tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Kemm hemm persuni li qed jgħixu bl-għajnuna soċjali? Kemm hemm familji jiddependu minn dan u kemm għandhom tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm 7,555 persuna li qed tirċievi xi forma ta’ Għajnuna Soċjali. Peress li n-numru ta’ persuni u tfal fil-familja mhux wieħed mill-kriterji biex titħallas din l-Għajnuna, ma tinżammx statistika mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Ministeru għall-Politika Soċjali — Ħatra ta' bordijiet u kummissjonijiet
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħatru bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu fid-dikasteru tiegħu minn Ottubru 2002 sal-lum? Minn min huma magħmula? Jista' jgħid jekk għandhomx xi honoraria u benefiċċji oħra u jgħid x'inhuma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed nifhem li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant tikkonċerna bordijiet u kummissjonijiet kostitwiti għall-ewwel darba matul il-perjodu ndikat.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru din l-informazzjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - rigward benefiċċji soċjali dovuti lilha u cioe' children's allowance, qegħdin jesiġu minnha, ripetutament l-istess dokumenti bil-konsegwenza li sal-lum għadha ma rċevietx dawn il-benefiċċji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Billi f'dawn l-aħħar jiem kien hemm xi tliet inċidenti fejn tower crane inqasam jew inqaleb, fosthom anke inċident li ħalla ħaddiem mejjet, jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jara jekk l-awtoritajiet kompetenti, fosthom l-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-post tax-xogħol, hux qed jaċċertaw li dawn it-tower cranes li ġieli jinxtraw second hand minn barra ikunu ta' kondizzjoni tajba? Possibbli jsiru spot checks fuq dawn l-inġenji, għax jien informat li ġieli wara li jiddaħlu Malta jiġu modifikati bir-riskju li ma jibqgħux safe?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond Avviż Legali 250 ta’ l-2001 maħruġ bis-saħħa ta’ l-Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti, prodotti nkluż krejnijiet u tower cranes, kemm ġodda kif ukoll second hand, li jkunu manifatturati barra minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jridu jkunu ċertifikati li huma konformi ma’ l-istandards stabbiliti skond Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea 98/37/EC. Dawn ir-regolamenti mhumiex retroattivi u japplikaw mill-2001 ‘l quddiem. L-infurzar ta’ dan l-Avviż Legali jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’ Maltija għall-iStandards.
Barra minn dan, l-użu ta’ krejnijiet fil-qasam ta’ kostruzzjoni hu kopert mill-Kodiċi ta’ Prattika għall-Industrija tal-Bini u tal-Kostruzzjoni. Skond dan il-Kodiċi, apparat għall-irfiegħ, inkluż tower cranes, għandu jkun ċertifikat minn persuna kompetenti (i) qabel l-ewwel użu, (ii) ġimgħa wara li jkun armat fil-post, (iii) wara alterazzjonijiet jew tiswijiet sostanzjali u (iv) kull xahar.
Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li wettqet l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol tul iż-żmien, li l-kawżi l-aktar komuni ta’ inċidenti li jinvolvu krejnijiet jirriżultaw minn prattiċi ta’ xogħol ħżiena jew perikolużi u mhux minn armar jew strutturi difettużi.
Minn naħa tagħha l-Awtorita’ qed tinvesti ħafna fit-tagħlim, fl-edukazzjoni u fit-tixrid ta’ nformazzjoni biex kull min għandu rwol fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu biex jiġu evitati nċidenti.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm Health Assistants li għamlu u għaddew b’suċċess mill-kors ta’ Nursing Aide u li sal-lum għadhom jaħdmu u jitħallsu ta’ Health Assistants?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Minstru jara li jitmexxa l-każ dwar housing ta' sinjur li l-partikularijiet tiegħu jidhru separatament? Jista' dan is-sinjur jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena infurmat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat ma’ oħrajn simili.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1410 u 1678, jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi biex l-Aġenzija Appoġġ tagħti spjegazzjoni bil-miktub lill-persuna nvoluta peress li sal-lum din għadha ma tafx ir-raġunijiet li wasslu biex ma jibqax ikollha l-kunsens tat-tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, minkejja li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qatt ma kellha l-kura u l-kustodja legali tal-minuri, l-Aġenzija Appoġġ, li kellha u għad għandha kuntatt ma’ din il-persuna, ma għandha ebda diffikulta’ li terġa’ tispjegalha għaliex ittieħdu d-deċiżjonijiet li kienu fl-aħjar interess tal-minuri.
Fil-każ ta' mara li bdiet taħdem fis-sena 1977 u waqfet taħdem fis-sena 1993 taħt il-liġijiet tal-pensjoni tal-lum, din il-mara suppost intitolata għall-pensjoni tas-60 sena. Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu illi meta min jinsab f'dan il-każ u jmur l-uffiċċju tas-servizzi soċjali ġewwa l-Belt qed jgħidulu li meta l-eta' tal-pensjoni ssir ta' 61 sena, persuna f'dan il-każ ma tkunx intitolata għall-pensjoni? Veru li qed jgħidu lill-persuni li jinsabu f'dan il-każ li jekk l-eta' tal-pensjoni ssir ta' 65 sena jridu jaħdmu tliet snin aktar biex jikkwalifikaw għall-pensjoni? Jekk hu minnu li qed jingħataw dawn il-pariri mill-ufiċċju tas-servizzi soċjali tal-Belt, fuq liema bażi qed jinħarġu dawn il-pariri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Biex persuna jkollha dritt għall-Pensjoni għal Min Jirtira trid tissodisfa l-kundizzjonijiet statutorji u kontributorji fid-data ta’ l-irtirar skond il-provedimenti relatati ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.
L-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali huma obbligati li jagħtu l-informazzjoni mitluba fattwalment u skond il-provedimenti tal-liġi msemmija kif tkun fis-seħħ meta din l-informazzjoni tintalab u mhux fuq suppożizzjonijiet jew tbassir.
Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk għandu dettalji ta’ każ jew każijiet fejn uffiċjali tad-Dipartiment mhux qed josservaw dan l-obbligu, jgħaddihomli, anki b’mod kunfidenzjali, biex ninvestiga.