Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġetti ko-finanzjati mill-UE

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-iskeda tal-pagamenti kif stipulata f'kull kuntratt li sar mill-Kummissjoni Ewropea dwar proġetti f'Għawdex ko-finanzjati mill-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni 2004 - 2006? Kemm saru pagamenti s'issa, x'kien l-ammont ta' kull pagament u meta sar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Reġistrazzjoni ta' flus

Question

Jista' l-Prim Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 27565 u jgħid kemm ġew reġistrati ammonti ta' flus fl-iskema li ħareġ il-gvern għall-flus moħbija Maltin qabel id-dħul tal-euro? Huwa sodisfatt bil-livell tar-reġistrazzjoni? X'persentaġġ ta' flus ġew reġistrati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont li ġie reġistrat kien ta’ Lm69 miljun, li 32% kienu flus kontanti. Waqt li l-Gvern jemmen li seta’ kien hemm aktar li ħadu okkażjoni minn din l-iskema, huwa impossibbli li wieħed ikun jaf x’persentaġġ ġie rreġistrat billi l-Gvern m’għandux informazzjoni dwar kemm hu l-ammont ta’ flus li setgħu kienu eliġibbli.

Għawdex — Uffiċċju ta' l-Informazzjoni

Question

Jista` l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm sejħa għal applikazzjoni biex jimtela l-post ta' impjegat fl-uffiċċju ta' l-informazzjoni li nfetaħ f'Għawdex riċentement b'rabta mal-bidla ta' l-ewro?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-vakanzi ta’ Euro Assistant, sew f’Malta kif ukoll f’Għawdex, imtlew permezz ta’ tliet sejħiet ta’ applikazzjonijiet pubbliċi. Euro Assistant minn dawk magħżula ngħatat ir-responsabbilitajiet marbuta ma’ l-uffiċċju ta’ l-Informazzjoni ta’ l-NECC ġewwa Għawdex. Il-kundizzjonijiet ta’ l-Euro Assistants kif elenkati fit-tliet sejħiet ta’ applikazzjonijiet pubbliċi jipprovdu għal dawn ir-responsabbilitajiet.

Storbju eċċessiv

Question

Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27568 u jgħid x'passi ħa dwar ittra mibgħuta lilu fit-18 ta' Settembru, 2006 minn persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar storbju eċċessiv mill-Queen's Head Pub peress li għaddiet sena oħra u baqa' l-istess storbju eċċessiv sas-siegħat bikrin ta' filgħodu b'inkonvenjenza għall-ġirien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kumitat inter-ministerjali tat-turiżmu

Question

Jista' l-Prim Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 27567 u jgħid matul ix-xhur tas-sajf kemm-il darba ltaqa' l-kumitat inter-ministerjali tat-turiżmu u x'temi ddiskuta u ddeċieda dwarhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-aħħar laqgħa plenarja tal-Kumitat li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant saret fid-29 ta’ Mejju 2007. Matul dan is-sajf ix-xogħol tal-Kumitat tkompla fi gruppi żgħar. Dawn il-gruppi iffukkaw fuq il-Linji ta’ l-Ajru Low Cost, proġetti li ġew sottomessi għall-kunsiderazzjoni għal finanzjament mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea u l-monitoraġġ assidwu ta’ l-andament tas-settur turistiku. Irrid ngħid li r-riżultati bdejna narawhom, u ta’ dan pubblikament nirringrazzja lis-settur kollu, lil kumitat konsultattiv, lill-membri tal-IMCT u lil kull min ħa sehem fix-xogħol tal-IMCT għax-xogħol enormi li twettaq bla ħafna daqq ta’ trombi, u li illum qed jagħti l-frott għall-gwadann tal-poplu Malti kollu.

Hal Far

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27334 u 27581 u jgħid x'possibilta' hemm li l-post ġewwa Hal Far fl-akwati fejn jinżammu t-tlielaq tal-kwart ta' mil tal-karozzi sa ħdejn il-fabbrika Brandt tiġi mdawla aktar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħelsien ta' taxxa doppja

Question

Jista’ il-Prim Ministru jghid ma’ liema pajjizi hemm trattati għall-ħelsien ta’ taxxa doppja u kemm hemm li magħhom qed jigu negozjati bħalissa.? F’liema stadju jinsabu dawk li qed ikunu negozjati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif mitlub huwa kif ġej. APPENDIX Double Taxation Agreements In Force Signed but not in force Awaiting Signature or further negotiation Albania Greece Bosnia and Herzegovina Australia Russia Ireland Austria Singapore Jordan Barbados United Arab Emirates Montenegro Belgium Serbia Bulgaria Switzerland Canada Singapore China Thailand Croatia Turkey Cyprus Ukraine Czech Republic United Arab Emirates Denmark Egypt Estonia Finland France Germany Hungary Iceland India Italy Republic of Korea Kuwait Republic of Latvia Lebanon Libya Lithuania Luxembourg Malaysia Morocco Netherlands Norway Pakistan Poland Portugal Romania San Marino Slovakia Slovenia South Africa Spain Sweden Switzerland * Syria Arab Republic Tunisia United Kingdom United States of America * * Agreement limited to profits derived from the operation of ships or aircraft in international traffic.

Ħaddiema Għawdxin f'Malta

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 26780 dwar ħaddiema Għawdxin f'Malta, jista' l-Prim Ministru issa jagħtini t-tagħrif mitlub li 3 xhur ilu qal li kien qed jinġabar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi f’Ġunju ta’ din is-sena kien hemm 843 ħaddiema Għawdxin jaħdmu Malta. Dan in-numru jinkludi wkoll ħaddiema ta’ korporazzjonijiet, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern. Dettalji tal-gradi, fejn jaħdmu u x’kumpens jieħdu dawn il-ħaddiema jinsabu fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fund for good causes

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27278 u jgħid matul din is-sena liema għaqdiet u proġetti ġew iffinanzjati mill-Fund for Good Causes li ġej mill-lotteriji? Liema għaqdiet oħra ġew mgħarrfa li se jingħataw fondi u x'inhuma l-proġetti ffinanzjati? Fuq liema kriterji ġew magħżula l-għaqdiet u l-proġetti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Investiment flok reġistrazzjoni ta' flus

Question

Jista' l-Prim Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 27566 u jgħid x'passi ttieħdu mill-gvern jew awtoritjiet finanzjarji dwar banek u konsulenti finanzjarji li taw parir lill-klijenti tagħhom ma jirreġistrawx flushom fl-iskema tal-gvern għar-reġistrazzjoni ta' flus Maltin qabel id-dħul ta' l-euro iżda f'tipi oħra ta' investiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, la l-Gvern u l-anqas l-Awtoritajiet Finanzjarji responsabbli mill-Banek f’pajjiżna, m’hu qed jifhmu eżatt x’immotiva lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din id-domanda li fiha nnifisha timplika li l-Gvern għandu b’xi mod jinvestiga l-professjonisti f’pajjiżna fuq x’pariri li jagħtu lill-klijenti tagħhom, b’riferenza għall-iskema ta’ reġistrazzjoni ta’ flus qabel id-dħul ta’ l-ewro. Dan il-Gvern jemmen fid-dritt ta’ l-individwu għall-parir indipendenti fl-isfond taċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu/tagħha u b’rispett għar-relazzjoni ta’ kunfidenzjalità li teżisti bejn l-istess klijent u l-konsulent. Hu tal-mistħija li fl-2007 għad hawn politiċi li jemmnu li din ir-relazzjoni għandha tkun suġġetta għal xi tip ta’ investigazzjoni. Dan il-Gvern la qatt ħa, la qed jippjana li jieħu u wisq anqas għandu intenzjoni li jieħu xi passi f’dan is-sens, kif qed jiġi instigat mill-Onorevoli Interpellant. L-Awtoritajiet Finanzjarji li jirregolaw l-intermedjarji finanzjarji għandhom ir-responsabbilità li jassiguraw li l-pariri li jingħataw il-klijenti huma fl-aħjar interess tal-klijent u mhux x’jaħsbu li l-Gvern iridhom jgħidu.

Salarji f'Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni ta' nies f'Malta u Għawdex li huwa kkalkolat li jaqilgħu medja ta' Lm5,000 fis-sena jew aktar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-total ta’ 94,235 persuna iddikjaraw li matul is-sena 2005 qalgħu Lm5,000 jew aktar. Id-dħul iddikjarat ma jinkludix dħul minn investimenti bħalma huma imgħaxijiet, dividendi eċċ li m’huwiex obbligat li jkun iddikjarat fil-formola tat-taxxa.

Servizz tal-helicopter — Ħlas ta' VAT

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26769 dwar ħlas ta' VAT fuq is-servizz tal-helicopter, jista' l-Prim Ministru issa jagħtini t-tagħrif mitlub li tliet xhur ilu qal li kien qed jinġabar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ma kien hemm l-ebda tibdil fil-liġi rigward ħlas ta’ VAT għas-servizz tal-helikopter u għaldaqstant id-dipartiment m’għandu xejn x’iżid mar-risposti li ngħataw għal Mistoqsija Parlamentari Numru 24459 u għal Mistoqsija Parlamentari Numru 26769.

Għawdex — Investiment barrani

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26778 dwar investiment dirett barrani f"Għawdex, jista' l-Prim Ministru issa jagħtini t-tagħrif mitlub li 3 xhur ilu qal li kien qed jnġabar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Safar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-ministeru, dipartimenti u entili jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ispejjeż ta’ lukandi, flights u subsistence allowance fir-rigward ta’ safar li sar matul Jannar u Marzu 2007. Din l-informazzjoni tinkludi dak is-safar li l-kontijiet kollha ġew finalizzati.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Lukandi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom l-uffiċjali mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, safra b'safra separatament u min kienu dawn l-uffiċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba fir-rigward ta’ livell ta’ stilel ta’ lukandi li uffiċjali wżaw waqt is-safar li sar matul Jannar u Marzu 2007. Ninforma wkoll l-Onorevoli Interpellant li kien hemm ukoll safar ieħor fejn l-akkomodazzjoni ġiet imħallsa mill-Organizzazzjonijiet barranin jew fejn l-Uffiċjali ħadu ħsieb biex jorganizzaw l-akkomodazzjoni tagħhom huma stess.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Safar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm sewa flus is-safar (inkluż flights, subsistence allowance u accomodation) li fih kien involut il-Prim Ministru, inkluż l-uffiċjali li marru miegħu, globalment għal kull safra separata, fejn kienet id-destinazzjoni u min akkumpanjah matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant rigward spejjeż ta’ safar li l-kontijiet tagħhom kollha ġew magħluqa.

Host families

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'studji saru dwar l-impatt li l-miżuri ġodda kellhom fuq host families li jżommu studenti barranin, kif ukoll jekk il-Gvern huwiex jikkonsidra li jintroduċi inċentivi ġodda għal dawn il-familji billi bosta familji qed iħossu ruħhom dimotivati li jkomplu f'din il-linja li tikkumplimenta d-dħul tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi saru diversi diskussjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati qabel iddaħħlu l-miżuri ġodda dwar il-host families. Waqt dawn id-diskussjonijiet kienu studjati diversi modi u mudelli ta’ tassazzjoni dwar kif setgħu jkunu mgħejjuna dawn il-familji waqt li fl-istess ħin ikun rikonoxxut id-dmir ta’ dawn il-familji għall-ħlas tas-sehem ġust tagħhom ta’ taxxa bħal kull ċittadin ieħor. Mill-informazzjoni miġbura mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni jirriżulta li matul is-sena ta’ stima 2006 kien hemm madwar 560 familja li ibbenefikaw mill-vantaġġi tal-miżuri l-ġodda.

Impjiegi ġodda mal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew approvati recruitments ġodda għall-impjieg mal-gvern jew ma' entitajiet? Fuq liema bażi ġew approvati u taħt liema ministeru ġew jew sejrin jiġu mpjegati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li:- (i) matul din is-sena ġew approvati u mtlew 364 postijiet fuq bażi indefinita u 118 pożizzjonijiet fuq bażi definita permezz ta’ sejħiet t’applikazzjonijiet esterni waqt li 740 temmew l-impieg fis-Servizz Pubbliku; (ii) għall-istess perjodu, ġew approvati wkoll 382 pożizzjonijiet fuq bażi definita, ukoll permezz ta’ sejħiet esterni, waqt li 305 temmew l-impieg fis-Settur Pubbliku li jinkludi l-entitajiet pubbliċi; u (iii) dan ir-reklutaġġ ġie mifrux fuq il-Ministeri kollha u seħħ skond il-ħtiġijiet tal-Ministeri partikolari.

Delegazzjoni fl-Awstralja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet in-nefqa totali taż-żjara tiegħu u tad-delegazzjoni fl-Awstralja, inkluż l-passaġġi ta' l-ajru, etc?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’dan l-istadju għadhom qegħdin jinġabru l-kontijiet taż-żjara li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant, l-Uffiċċju tiegħi għadu m’huwiex f’pożizzjoni li jagħti risposta għalissa.

Zjara fl-Awstralja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-membri kollha tad-delegazzjoni li akkumpanjatu l-Awstralja u min kienu l-ġurnalisti u rappreżentanti tal-media li telgħu miegħu? Huwa minnu li fosthom kien hemm ta' Where's Everybody? X'arranġamenti finanzjarji saru dwar l-akkumpanjament u l-vjaġġi u akkomodazzjoni u ikel tal-ġurnalisti li kellu miegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.