Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żabbar — Problemi sanitarji

Question

Jista' l-Ministeru jieħu l-passi neċessarji fejn hemm munzell ta' ħmieġ fi Triq Alessio Erardi, Haż-Żabbar, minħabba li dan qed jikkawża bosta problemi sanitarji, fosthom permezz ta' preżenza tal-ġrieden, kif ukoll problemi estetiċi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24145, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li uffiċjali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika spezzjonaw it-triq indikata, fit-28 ta' Frar 2007 u rriżulta li hemm akkumuli ta' materjal tal-bini, ġebel u xi injam u ħadid imma mhux materjal organiku. Ma ġie nnutat l-ebda sinjali ta' infestazzjoni ta' ġrieden. Waqt l-investigazzjoni ma setax jiġi identifikat min hu sid l-art. L-anqas m'hemm xi notifiki tal-MEPA għal xi żvilupp. Rigward problemi estetiċi, dawn ma' jaqawx taħt il-kompitu ta' dan id-Dipartiment. Madankollu ħaddiema tal-Pest Control fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, għamlu trattament intensiv fl-akkwati msemmija fit-28 ta' Frar 2007. Din iż-żona ser tinżamm taħt sorveljanza minn din is-sezzjoni. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-Taqsima tas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma rċiviet l-ebda lment minn dawn l-akkwati matul ix-xahar ta' Jannar 2007, sal-ġurnata ta' llum.

Spiżeriji tal-gvern — Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn mediċini out of stock fl-ispiżeriji tal-gvern illum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-pilloli out of stock fl-ispiżeriji tal-gvern huma: Co-Trimoxazole 480mg tabs Ethosuximide 250mg caps Phenytoin 100mg caps Phenytoin Sodium 300mg caps Propanolol 10mg tabs Sodium Bicarbonate 500mg tabs Trimipramine 50mg caps Madopar 125mg caps Registration and high cost problems Isoniazid 100mg tabs Menadiol 10mg tabs Metronidazole 200mg tabs Nifedipine 10mg caps Orphenadrine citrate & paracetamol tabs Propantheline 15mg tabs Zuclopentixol 25mg tabs Pergolide 1mg tabs Spirinolactone 100mg tabs Lisinopril 10mg tabs Piracetam 800mg tabs Awaiting delivery Trifluoperazine 2mg, 10mg, 15mg spansules Maprotiline 50mg tabs Cyclosporin 100mg caps Manufacturing problems Fenofibrate 100mg, 300mg tabs Doxazosin 2mg tabs Prazosin 1mg tabs Gabapentin 100mg tabs Late delivery from supplier

Operazzjonijiet — Persuni fuq il-waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq il-waiting list ta' l-operazzjonijiet illum, x'tip ta' operazzjoni qed jistennew, kif kienet il-figura tliet snin ilu u ħames snin ilu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment tas-Saħħa — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-complement ta' staff ingaġġat mad-dipartiment tas-saħħa llum? Xi grad għandhom? Kemm jaħseb li se jkun il-complement meta jinfetaħ l-isptar Mater Dei u jkun qed jaħdem?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-complement ta' staff ingaġġat mad-Dipartiment tas-Saħħa illum huwa ta' 6,876. Għat-tieni parti tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Fl-isptar San Luqa bħalissa l-complementhuwa ta' 3,733 filwaqt li dan in-numru mistenni jiżdied b'677 meta jiftaħ l-isptar Mater Dei u jkun qed jaħdem. Ta' min iżid li dawn iċ-ċifri qed jiġu riveduti sabiex jiġi assigurat l-aħjar kura għall-pazjenti.

SVPR — Activity centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-għan għat-twaqqif ta' l-activity centre ġewwa r-residenza San Vincenz de Paule? Dan l-activity centre beda jiffunzjona? Jekk iva, x'attivitajiet saru s'issa minn meta beda, ġimgħa b'ġimgħa? Kemm-il darba fil-ġimgħa qed jiftaħ u x'inhuma l-ħinijiet ta' dan l-activity centre? X'inhu l-compliment tan-nies f'dan l-activity centre? Min huma n-nies li ntbagħtu jaħdmu hemmhekk? Kif intagħżlu? Fuq liema kriterji? X'inhu l-grad u/jew kwalifika tagħhom? Kemm sewa flus biex ġie rranġat dan l-acitivity centre? Min hu responsabbli minnu dan iċ-ċentru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-għan tal-Activity Centre huwa sabiex iservi bħala post fejn l-anzjani jkunu jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu ħin flimkien il-bogħod mis-swali. Barra min hekk l-Activity Centre ser iservi bħala ċentru għall-persuni li jbatu mid-dementia u jgħixu fil-komuinita' sabiex l-anzjani jingħataw servizz denju u kompatibli mal-marda tagħhom, kif ukoll iservi bħala respite għall-familjari ta' dawn il-persuni. L-Activity Centre bħalissa qiegħed jintuża biss mir-residenti ta' San Vincenz u qegħdin naraw u nistudjaw il-proċessi kollha nvoluti sabiex meta jiftaħ għal nies li jgħixu fil-komunita' l-proċeduri kollha jkunu f'posthom. Fiċ-ċentru qegħdin isiru attivitajiet ta' nteress għall-anzjani bħal fost l-oħrajn mużika, qari ta' kotba, logħob, eżerċizji fiżiċi ħfief, diskussjonijiet, kif ukoll tisjir mill-anzjani stess. Iċ-ċentru qiegħed jiftaħ kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd, bejn it-8am u s-1pm, għar-residenti ta' San Vincenz. Fil-futur qrib sejjer jinfetaħ għall-tliet darbiet fil-ġimgħa għall-persuni li jkunu jbatu mid-dementia u jkunu qegħdin jgħixu fil-komuita'. Tajjeb li wieħed jinnota li l-ħaddiema kollha li qegħdin jaħdmu ġewwa l-Activity Centre ġew mogħtija taħriġ speċifiku fuq il-kura tal-marda tad-dementia, kif ukoll taħriġ ieħor bħal first aid. Fiċ-ċentru hemm għaxar (10) persuni li jaħdmu fosthom nurses u part-time social assistants. Chetcuti Raymond Nursing Officer Briffa Rita Enrolled Nurse Cini Marthese Enrolled Nurse (part-time) Farrugia Giacinta Enrolled Nurse Wallace Pauline Enrolled Nurse Cappello Maria PTSA Mallia Sylvia PTSA Mifsud Josephine PTSA Schembri Rose PTSA Schembri Charmaine PTSA Ir-responsabilta' taċ-Ċentru taqa' taħt is-Supretendent ta' l-isptar u qiegħed jitmexxa minn Nursing Officer u b'konsulenza ma' Konsulent speċjaliżżat fil-Ġerjatrija u l-mard tad-dementia. L-ammont ta' flus li sewa għadu qiegħed jiġi maħdum.

SVPR — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura ta' dixxiplina segwita f'każ ta' ħaddiem/impjegat fir-residenza San Vincenz de Paule li jonqos mid-doveri tiegħu u/jew minn xi kondizzjoni u/jew istruzzjonijiet amministrattivi? Min hu responsabbli minn din il-proċedura? Kif tiġi segwita? X'inhuma d-drittijiet tal-ħaddiema/impjegati, fis-sens ta' appell, eċċ f'każ li jkun għaddej minn proċedura ta' dixxiplina? Jeżistu xi kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew istruzzjonijiet amministrattivi li jmorru oltre minn dak stabbilit bil-liġi għall-ħaddiema/impjegati ta' l-SVPR u li dawn huma magħrufa mill-ħaddiema/impjegati? Jekk jeżistu, x'inhuma u kif il-ħaddiema/impjegati jiġu mgħarrfa bihom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal f'kull dipartiment ieħor tal-Gvern il-proċedura ta' Dixxiplina f' San Vincenz de Paul hija regolata mir-Regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina) skond l-Avviż Legali Numru 186/99. Din il-proċedura taqa taħt ir-responsabilta' ta' l-uffiċjal inkarigat mis-Sezzjoni tar-Riżorsi Umani fl-istess residenza.

SVPR — Kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li qed joffru servizzi regolari fir-residenza San Vincenz de Paule u jqiegħed kopja tal-kuntratti mogħtija fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratturi li qed joffru servizzi regolari fir-residenza San Vinċenz de Paule huma: - Healthcare Services ltd - Health Services Group Ltd Kopja tal-kuntratti qed tintbgħat mat-tweġiba.

SVPR — Care workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm care workers li huma mpjegati direttament fis-servizz pubbliku ġewwa r-residenza San Vincenz de Paule u kemm hemm impjegati f'din l-istess residenza li huma mpjegati mal-kuntratturi? Min huma l-kuntratturi li jissuplixxu dawn il-care workers? Kemm jitħallsu s-siegħa l-care workers fis-servizz pubbliku u kemm jitħallsu s-siegħa dawk impjegati mal-kuntrattur? Kemm jieħu l-kuntrattur kull siegħa għal kull care worker li huwa jissuplixxi lill-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-residenza San Vincenz de Paule, fis-servizz pubbliku hemm 42 Care Workers u mal-kuntratturi skond il-bżonn. Care Workers li jaħdmu mas-Servizz Pubbliku jaqilgħu skond l-iskala li jkollhom. Il-kuntrattur jitħallas Lm2.35 is-siegħa matul il-ġimgħa u Lm3.35 il-Ħdud u l-festi. Id-Dipartiment ma jidħolx fil-mertu ta' kemm jitħallsu il-Care Workers mill-kuntrattur. Il-kuntratturi li jissuplixxu dawn il-Care Workers huma Healthcare Services Ltd u l-Health Services Group Ltd.

SVPR — Swali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu maħsuba li għandhom jesgħu anzjani s-swali ta' l-irġiel fir-residenza San Vincenz de Paule, sala b'sala? Kemm hemm anzjani rġiel illum f'kull sala, sala b'sala? Kemm kienu maħsuba li għandhom jesgħu anzjani s-swali tan-nisa fir-residenza San Vincenz de Paule, sala b'sala? Kemm hemm anzjani nisa llum f'kull sala, sala b'sala?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed tinġabar u ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar San Luqa — Social cases

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-isptar San Luqa li huma meqjusa bħala social cases? Kemm hemm anzjani li ġew trasferiti fis-swali li ġew rranġati apposta f'Mount Carmel minħabba li ma kienx hemm spazju fir-residenza San Vincenz de Paule jew inkella għaliex kienu meqjusa bħala social cases fl-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li skond ir-reġistru tas-Social Cases fis-27 ta' Frar fl-isptar San Luqa kien hemm 46 pazjent li huma meqjusa bħala Social Case. Minn meta fetħet is-Sala St Jean Antide sal-lum ġew trasferiti 98 il-mara. Bejn April u Diċembru 2006 ġew trasferiti 59 il-mara u bejn l-1 ta' Jannar u 13 ta' Frar ġew trasferiti 39.

Swimming pools — Spezzjoni ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk swimming pools li jkunu miftuħa għall-pubbliku jiġux spezzjonati minn uffiċjali tas-saħħa biex ikun żgurat li l-kwalita' ta' l-ilma huwa tajjeb u li jkun hemm l-indafa? Kemm saru spezzjonijiet fl-2006 u f'liema pixxini? Kemm saru spezzjonijiet fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena u f'liema pixxini? Kien hemm każi fejn kien hemm infrazzjoni tar-regolamenti jew tal-liġi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24122, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bil-pubblikazzjoni ta' A.L.129 ta' l-2005 - Regolamenti ta' l-2005 dwar Swimming Pools, il-persuna responsabbli għandha diversi obbligi nkluż dawk ta' monitoraġġ fuq il-kwalita' ta' l-ilma. Minn Ġunju ta' l-2006, it-Taqsima tas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika , ġiet mogħtija l-funzjoni biex tniedi programm ta' audits tal-pixxini rreġistrati ma' l-Awtorita' tas-Saħħa peress li r-reġistrazzjoni tal-pixxini huwa obbligu taħt dawn ir-regolamenti. Minn Ġunju ta' l-2006 sa llum, saru dawn it-tip ta' audits f'120 pixxina. Tmienja minnhom saru matul din is-sena 2007. Waqt dawn l-audits, l-uffiċjali min din it-taqsima jduru mal-kumpless kollu biex jiċċekjaw illi l-provedimenti kollha tar-regolamenti qed jiġu osservati. F'każ ta' nuqqasijiet, il-persuna responsabbli tiġi pprovduta b'avviż ta' tneħħija maħruġ taħt l-Artiklu 12 ta' Att dwar is-Saħħa Publika biex jikkonforma ruħu skond il-provediment ta' l-A.L.129 ta' l-2005 u f'każ li jonqos li jirregola ruħu ma' dan l-avviż, isir garanzija skond it-termini ta' l-Artiklu 13, ta' l-Att Nru. XIII ta' 2003. Min dawn il-garanziji s'issa ħarġu 8 u ttieħdet azzjoni legali kontra numru ta' stabilimenti fejn naqsu li jirregolaw ruħhom ma' dawn ir-regolamenti.

Sptar San Luqa — Laser Treatment /Visudyne therapy

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tipi ta' laser treatments jeżistu bħalissa fl-Isptar San Luqa, u jekk jeżistix Visudyne therapy biex iwaqqaf mascular degeneration?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Bħal issa fl-isptar San Luqa jsiru trattamenti bil-laser b'żewġ magni. Waħda hija Argon Laser Treatment għal pazjenti tad-dijabete u problemi oħra fir-retina. Isiru wkoll trattamenti ta' laser b'magna li jisimha Yag Laser għal pazjenti bil-Glaucoma u After Cataract li hija qoxra wara l-lenti li tiddaħħal waqt l-operazzjoni tal-katarretti. It-trattament ta' Visudyne therapy għal Macular Degeneration sal-lum ma huwiex parti mis-servizz pubbliku tas-saħħa li jiġi offrut b'xejn f'Malta.

Tfal taħt l-eta' — Miscarriages

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li kellhom korriment (miscarriage) kull sena, għal dawn l-aħħar ħames snin? Dawn il-każi safejn hu ċar li sar abbuż fuqhom, jiġu rrappurtati lill-pulizija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li min tagħrif miġbur permezz tas-sistema tan-National Hospital Information System, in-numru ta' tfajliet taħt is-sittax -il sena li ddaħħlu fl-isptarijiet Ġenerali tal-Gvern li kellhom korriment (miscarriage) kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin jidhru hawn taħt. Sena Numru ta' tfajliet <16 il sena li ddaħħlu fl-isptarijiet Ġenerali tal-Gvern minħabba korriment (ICD-10 Code: O00-O08) 2002 1 2003 1 2004 1 2005 0 2006 3 Fil-każi ta' fejn hu ċar li sar abbuż fuqhom, jiġu rrapurtati lill-pulizija.

Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' mediċini li raħsu minn Novembru li għadda, x'inhuma u b'kemm raħsu? Kemm għolew fl-istess żmien?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peres li l-prezzijiet ma jaqawx taħt id-dekasteru tiegħi, qiegħed nitlob lill-Onor. Interpellant jibgħat din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema swali jew servizzi oħra ta' saħħa se jiġu offruti mill-isptar Mater Dei meta jinfetaħ fix-xahar ta' Lulju ta' din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Wara li l-isptar jinfetaħ fl-ewwel ta' Lulju, l-ewwel servizzi jkunu d-dipartimenti tal-Amministrazzjoni u s-servizzi anċillari. Wara, jibda l-proċess biex jiġu trasferiti s-servizzi ta' kura. Din is-sekwenza ta' migrazzjoni hija maħsuba biex tiżgura li ma jkun hemm ebda perikolu għas-saħħa tal-pazjenti.

Msida — Dar ta' l-Anzjani

Question

Tista' tinvestiga lmenti li rċevejt mingħand familjari ta' residenti fid-dar ta' l-anzjani tal-gvern fl-Imsida dwar l-istandard baxx ta' l-ikel u l-livell ta' servizz u indafa għar-residenti tal-home? Jekk dan huwa minnu, dan jista' ikun ġej minn xi understaff tal-personnel tal-home?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kull darba li seta' kien hemm xi lment dwar l-istandard ta' l-ikel fl-Msida Home dan ġie rrapurtat mill-Head of Home dak inhar stess lill-kuntrattur li minn naħa tiegħu jieħu ħsieb jindirizza l-ilment dak in-nhar stess jew l-għada. Dwar il-livell ta' servizz u ndafa għar-residenti ta' l-Msida Home dan għadu jingħata bħal ma kien. Pero' peress li d-dipendenza ta' l-anzjani kibret, żdied ukoll l-ammont ta' xogħol, kemm ta' caring kif ukoll ta' tindif.

Bormla — Ħamiem

Question

Jista' l-Ministru jara jistax isir xi ħaġa sabiex ikun ikkontrollat l-ammont dejjem jiżdied ta' ħamiem fl-area tal-knisja ta' Sta. Tereża Bormla u dan peress li qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Sptar San Luqa — Echocardiograms

Question

Fil-cardiac laboratory ta' l-isptar San Luqa kemm isiru echocardiograms kuljum? Kemm ikunu (kuljum) it-tobba li jagħmlu dawn l-echocardiograms? Kemm hu n-numru ta' out-patients li qed jistennew biex isirilhom echocardiogram?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fil-Cardiac Laboratory ta' l-isptar San Luqa isiru numru ta' echocardiograms kif jidher fit-tabella ta' hawn taħt. Ġurnata Pazjenti Konsulenti It-Tnejn 18 1 It-Tlieta 25 2 L-Erbgħa 15 1 Il-Ħamis 15 tfal 5 adulti 2 Il-Ġimgħa 25 2 Is-Sibt 10 tfal 4 adulti 2 In-numru ta' out patients li qed jistennew isirilhom echocardiogram mhux urġenti huwa ta' 8,511. Infakkar li dan it-test qiegħed isir bħala investigazzjoni ta' rutina u bħala ckeck up.

Ċentru Ħidma Soċjali — Persuni li jagħtu servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru massimu ta' sigħat fil-ġimgħa li ċ-ċentru ħidma soċjali jrid li jaħdmu dawk li jagħmlu home help? Jekk jinħass il-bżonn, jista' dan iċ-ċentru jara li xi helpers jaħdmu s-Sibtijiet ukoll? Il-helpers jibdew ix-xogħol fit-8.00 a.m. Sa liema ħin iċ-ċentru jrid li jaħdmu dawn il-helpers? Kemm hu l-ħlas tagħhom kull siegħa? Kemm għandhom ġranet ta' leave u ta' sick leave bi ħlas fis-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru massimu ta' sigħat li jaħdmu il-Part Time Social Assistants fil-ġimgħa huwa ta' bejn 30 u 35 siegħa. F'każ ta' bżonn, il-Part Time Social Assistants jaħdmu wkoll is-Sibtijiet. Is-servizz tal-Home Help jingħata bejn is-7.00 ta' filgħodu u 2.30 ta' wara nofs in-nhar. Il-ħlas li jirċievu l-Part Time Social Assistants huwa ta' Lm1.88.6 is-siegħa. Leave u sick leave bi ħlas jingħata pro-rata skond in-numru ta' sigħat li jaħdmu l-Part Time Social Assistants.