Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #36495 Sitting 809 2002-11-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Klandestini

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir mill-opri tal-baħar li fuqhom qed jiġu l-klandestini?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-opri tal-baħar li fuqhom jiġu l-klandestini jiġu esebiti fil-proċeduri quddiem il-Qorti bħal kull oġġett ieħor li jkun ġie użat biex jitwettaq reat bih. Wara li l-Qorti tordna l-konfiska, ir-reġistratur tal-Qorti jiddisponi minnhom skond il-liġi.
Leg 9 PQ #36498 Sitting 809 2002-11-04 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Kaċċa/Nsib

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36353, jista' il-Ministru jagħti d-dettalji dwar l-istaġuni tar-Rebbiegħa u l-ħarifa u cioe' Frar, Marzu, April, u Settembru, Ottubru u Novembru?

Response (BORG, TONIO)

Il-lista ta` speċi ta` l-għasafar li wieħed jista` jikkaċċja ser tibqa` kif kien qabel Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja. Rigward l-għasafar li jistgħu jiġu minsuba, fil-ftehim milħuq dawn huma il-pluviera u il-malvizz fil-ħarifa, filwaqt li fil-ħarifa u fir-rebbiegħa ikunu jistgħu jiġu minsuba il-gamiema, is-summiena u kif ukoll il-verdun, l-ekru, il-ġojjin, il-gardell, l-isponsun, taż-żebbuġ u l-apparell. Dan infatti ma jbiddel xejn minn dak li hu prattikat illum fil-kaċċa u l-insib tradizzjonali.
Leg 9 PQ #36501 Sitting 809 2002-11-04 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-platform tal-konkos li saret f'nofs Triq id-Dejqa wara l-Qorti, il-Belt, kenitx koperta bil-permessi tal-bini meħtieġa? Jekk fl-affermattiv x'inhu l-iskop ta' dan il-platform?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-'platform' tal-konkos indikata fl-interpellanza saret in konnessjoni ma` l-iżvilupp li ser isir fil-Qorti skond permessi maħruġa (PA 4276/01). Fil-fatt din il-'platform' hi sodda temporanja għal 'tower crane' li ser jitwaqqaf fuqha sabiex ikun jista` jsir ix-xogħol fuq l-imsemmi bini.

Pulizija — Special Duty Allowance

Question

B'riferenza għal mistoqsija 35819 tista tingħata tweġiba għat-tieni parti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-special duty allowance tingħata skond il-ftehim tal-kundizzjonijiet li kienu ngħataw lill-Pulizija fl-1993.
Leg 9 PQ #36537 Sitting 809 2002-11-04 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Joint Office

Question

Jista' l-Ministru jara li tintbagħat risposta lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li fit-3 ta' Ġunju 2002 bagħtet ittra lill-Joint Office sabiex jara jekk jistax jixtri biċċ art, propjeta tal-Joint Office, ovvjament wara li tinħareġ sejħa għall-offerti? X'probabbilita hemm li din l-art tinbiegħ stante li mhux mibnija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi qegħdin isiru il-verifikazzjonijiet neċessarji skond il-provvedimenti tal-Att Numru IV tas-sena 1992 dwar Proprjeta` ta` Entitajiet Ekklesjastiċi u eventwalment issir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni biex id-dipartiment ikun jista` jieħu deċiżjoni dwar l-aħjar użu tal-art in kwistjoni.
Leg 9 PQ #36561 Sitting 809 2002-11-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jara li l-pulizija tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex ħofra kbira li tħaffret fi Triq Sdieri, Għarb, Għawdex quddiem il-fond bin-numru 28 terġa' timtela minħabba l-periklu kbir li l-istess ħofra hija għall-pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi meta kien qiegħed isir xi xogħol fl-area li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, instabet struttura taħt l-art li għandha valur arkeoloġiku, kif dikjarat mid-Dipartiment tal-Mużewijiet. Ittieħdet azzjoni ta` infurzar minn naħa ta` l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) (numru ECF 142/02) peress illi l-għar kien ser jissaqqaf b`saqaf tal-konkrit. Wara li ħarġet l-azzjoni ta` infurzar saru xi diskussjonijiet fejn ġie miftiehem illi l-Kunsill Lokali ta` l-Għarb għandu jibgħat method statement li jiddeskrivi kif is-sit għandu jerġa` jiġi magħluq. Sadanittant, l-area hija mdawra b`ċint ta` protezzjoni biex ma tkunx ta` periklu għan-nies jew karozzi.

Lands Department — Rabat - Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għad fadal ħlasijiet pendenti daparti tad-dipartiment ta' l-artijiet lil sidien ta' l-art u bdiewa rigward l-iskema tad-djar 'Tal-Far', Rabat, Għawdex u għaliex il-ħlas għadu ma sarx? Kemm ilu pendenti dan il-ħlas dovut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-ħlasijiet għall-art lis-sidien tal-proprjeta` fejn hemm l-iskema tad-djar f`Tal-Far, Rabat Għawdex għadhom kollha pendenti ħlief għal għalqa waħda li tħallas il-kumpens għaliha. Il-pendenzi jmorru lura għas-sena li ttieħdu mill-Gvern; hemm minnhom fl-1988, oħrajn fl-1989 u oħrajn fl-1991. Il-ħlas għadu ma sarx għaliex fil-każi kollha ħlief għal wieħed, għadhom qed isiru r-riċerki biex jiġi aċċertat minn min huma s-sidien tal-proprjeta`.
Leg 9 PQ #36604 Sitting 809 2002-11-04 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Insinwa — Sentenzi ta' Separazzjonijiet Kontenzjużi

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36290, jista' il-Ministru jgħid jekk dak li wieġeb jgħoddx ukoll għall-assenjazzjonijiet ta' proprjeta` wara separazzjoni personali kontenzjuża? Jekk fl-affermattiv, ma jaħsibx li tali ħaġa hija ta' dannu kbir għas-soċjeta`? Jekk fin-negattiv, għaliex ma speċifikax fl-ewwel tweġiba tiegħu? Ma jarax lok il-Ministru li jikkordina mal-ministeru tal-ġustizzja biex separazzjonijiet jibdew jiġu insinwati kollha b'liġi? Jaqbel il-Ministru li d-deċiżjoni li l-insinwa ma tibqax taħt il-ministru tal-ġustizzja ma kenitx deċiżjoni tajba?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku m`huwiex obbligat bil-liġi li jżomm statistikata` assenjazzjonijiet ta` proprjeta` wara separazzjoni personali kontenzjuża, peress li din tinvolvi disposizzjoni libera ta` proprjeta`. Id-Dipartiment jinnota biss xi impedimenti jew restrizzjonijiet fid-disposizzjoni ta` xi proprjeta`. Fuq l-assenjazzjoni ta` dmirijiet fil-ministeri din hi fid-diskrezzjoni tal-Prim Ministru. Ma hemm xejn ħażin illi l-materji msemmija mill-Onor. Interpellant ikunu parti mill-Ministeru ta` l-Intern bħalma fi żmien il-gvern l-ieħor, l-Ambjent kien mal-Ministru ta` l-Affarijiet Barranin.
Leg 9 PQ #36629 Sitting 809 2002-11-04 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Għargħur - Triq Santa Katerina - Ċitazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet lill-vetturi fi Triq Santa Katerina, limiti tal-Għarghur, minn Jannar sa Settembru ta' din is-sena, xahar b'xahar? Kemm minn dawn ġew ikkontestati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul din is-sena, sat-30 ta` Settembru 2002, ingħataw 42 ċitazzjoni tat-traffiku fi Triq Santa Katarina, Għargħur li minnhom tħallsu 5.
Leg 9 PQ #36631 Sitting 809 2002-11-04 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Korrispondenza u Avviżi

Question

Jista' il-Ministru jiżgura li l-korrispondenza u l-avviżi tal-MEPA ikunu bil-Malti jew almenu bil-Malti u bl-Ingliż iżda mhux bl-Ingliż biss?

Response (BORG, TONIO)

Il-bżonn ta` korrespondenza bl-Ingliż u bil-Malti ilha tinħass, pero` sabiex dan jiġi implementat id-dokumenti kollha li minnhom jiġu estratti il-parti saljenti tal-korrespondenza, inkluż dawk sottomessi mill-applikanti, iridu wkoll ikunu bl-Ingliż u bil-Malti. Dan il-proċess mhux wieħed faċli jew li jista` jintlaħaq malajr iżda tlabt lill-Awtorita` biex tara kif dan jista` jseħħ fuq perijodu ta` żmien..
Leg 9 PQ #35894 Sitting 808 2002-10-30 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Klandestini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm klandestini miżmuma mill-pulizija illum? Kemm huma nisa, irġiel u tfal u kemm ilhom hawn? Kemm minnhom intbagħtu lura u kemm jiswew kull wieħed fuq medda ta' ġimgħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` barranin li kienu qed jinżammu taħt kustodja ta` l-Awtoritajiet tas-sigurta` fit-2 ta` Ottubru 2002, kien ta` 560. Minn dawn 351 huma rġiel, 105 huma nisa filwaqt li 104 huma tfal. Minn dawn, l-aktar li ilhom huma tnejn li ilhom miżmuma minn l-1999, minħabba li għad ma ġietx stabbilita l-identita` tagħhom. Il-kumplament daħlu Malta tul dawn l-aħħar xhur. Infurmat ukoll li ma jinżammux kontijiet separati tan-nefqa fuq dawn il-klandestini u persuni oħra barranin miżmuma mill-Pulizija.
Leg 9 PQ #35898 Sitting 808 2002-10-30 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Liċenzji ta' l-Insib

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex inżammu jew ġew għalissa iffriżati l-applikazzjonijiet għall-liċenzja ta' l-insib meta id-diskussjonijiet mal-UE fuq dan għadhom mhux finalizzati? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti?

Response (BORG, TONIO)

Id-diskussjonijiet ma` l-UE huma finalizzati. Ninsab infurmat illi fil-preżent il-Pulizija għandha 253 applikazzjoni għall-insib.
Leg 9 PQ #36363 Sitting 808 2002-10-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Dipartiment ta' l-Ambjent/MEPA — Panewwijiet tal-Konkos

Question

Jista' il-Ministru jinformana meta d-dipartiment ta' l-ambjent, il-MEPA, eċċ. ġew informati dwar l-hekk imsejjaħ esperiment ta' panewwijiet tal-konkos skond kif il-Kamra ġiet informata permezz ta' mistoqsija parlamentari 35856? Kemm saru laqgħat? Min kien preżenti?

Response (BORG, TONIO)

Rigward il-ħitan ġodda matul it-toroq imsemmija f`Mistoqsija Parlamentari Nru. 35856; il-bypass ta` l-Imtarfa, it-Triq ta` Burmarrad, it-Triq tas-Salina u t-Triq tal-Balal fin-Naxxar, ninsab infurmat illi il-MEPA ma kenitx ikkonsultata.
Leg 9 PQ #36093 Sitting 806 2002-10-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed tistenna l-awtorita' ta' l-ippjanar biex toħroġ il-permessi meħtieġa għal bus shelter ħdejn il-Belleview kif applika l-kunsill lokali tal-Mellieħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-17 ta` Ottubru 2002, l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġiet imressqa quddiem il-Kummissjoni għal-Kontroll ta` l-Iżvilupp u ġiet approvata. Il-permess relattiv ser jinħareġ din il-ġimgħa.
Leg 9 PQ #36306 Sitting 806 2002-10-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Lands Department — Mgħatab

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani x'użu għandu l-fond fi Triq San Gwann, il-Mgħatab (li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament) peress li jinsab fi stat abbandunat u jirriżulta li huwa proprjeta' ta' l-Istat?

Response (BORG, TONIO)

Peress li ma setgħetx tkun identifikata l-proprjeta` msemmija, la mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern u lanqas mill-Uffiċċju Konġunt, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika fuq site plan il-fond li qed jirreferi għalih.
Leg 9 PQ #36355 Sitting 806 2002-10-29 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — SALARJI U FRINGE BENEFITS

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu salarju u xi fringe benefits hemm marbuta, id-direttur tad-direttorat għall-ħarsien ta' l-ambjent tal-MEPA? Kemm hu previst li jkun is-salarju u xi fringe benefits hemm marbuta maż-żewġ karigi oħra li ħarġu l-applikazzjonijiet tagħhom fosthom id-direttur ġenerali tal-MEPA u l-assistent direttur tal-biodiversity? Kemm huma s-salarji individwali u l-fringe benefits li għandhom is-Sur Matthew Gatt, iċ-chairman u s-segretarju tal-bord tal-MEPA minn mindu saret il-merger?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #36436 Sitting 806 2002-10-29 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Eureka Services Ltd.

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk saritx xi talba mill-kuntrattur privat Eureka Services Ltd. biex jgħolli l-ħlas għas-servizzi/riċerki li jipprovdi lill-gvern? F'każ fl-affermattiv, jista' il-Ministru jgħid minn meta intalbet iż-żieda u jekk din ġietx aċċettata?

Response (BORG, TONIO)

Il-ħlas għas-servizzi/riċerki dovut lill-kuntrattur huwa stabbilit fil-ftehim li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f`Ottubru 1999.
Leg 9 PQ #36438 Sitting 806 2002-10-29 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Reġistru Pubbliku — Eureka Services Ltd.

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallset il-kumpannija Eureka Services Ltd mid-dipartiment tar-reġistru pubbliku għal xogħol ta' riċerka minn Jannar sa Settembru 2002? Jista' jgħid kemm daħħal id-dipartiment tar-reġistru pubbliku għall-ħlas ta' riċerki fl-istess perijodu?

Response (BORG, TONIO)

L-ammont imħallas lill-kumpanija Eureka Services Ltd għas-servizzi kollha relatati mar-riċerki inkluż xogħol konness, bħal ngħidu aħna l-indiċjar tan-noti, kien ta` Lm473,752. Għall-ħlas ta` riċerki fl-istess perijodu d-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku daħħal is-somma ta` Lm518,156.
Leg 9 PQ #36440 Sitting 806 2002-10-29 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Reġistru Pubbliku — Eureka Services Ltd.

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħallset il-kumpannija Eureka Services Ltd. lid-dipartiment tar-reġistru pubbliku minn Ottubru 1999 sal-lum skond il-ftehim iffirmat bejn il-gvern u l-istess kumpannija? Kemm minn dawn il-ħlasijiet kienu in kind? X'inhu l-ħlas li l-istess kumpannija għad fadlilha tagħti lill-istess dipartiment skond l-istess ftehim? Jista' jgħid kemm daħħal id-dipartiment tar-reġistru pubbliku għall-ħlas ta' riċerki fl-istess perijodu?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31719. Nixtieq inżid li l-istandby generator issa nxtara u x-xogħol konness ma` sistema ġdida li permezz tagħha l-klijenti ngħataw faċilitajiet addizzjonali issa sar. Ninsab infurmat li l-Kumpanija Eureka Services Limited ma baqagħaliex x`tagħti lid-Dipartiment. Nixtieq ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas li rċieva d-Dipartiment għall-perijodu Ottubru 1999 sa Settembru 2002 kien ta` Lm1,152,933.
Leg 9 PQ #35875 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-pulizija sospiżi illum u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

It-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 35426 għadha tgħodd, ħlief għal każ ta` kuntistabbli li kien sospiż, u li minn mindu ingħatat dik ir-risposta ġie imkeċċi mill-Korp.