B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 28515, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet li dawn il-persuni għandhom maqsuma f'dawk li huma anqas minn 29 sena, bejn it-30 u l-45 sena u 'l fuq minn 46 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpallant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jidħlu rekluti ġodda fl-Akkademja tal-Pulizija? Kemm applikaw fl-aħħar sejħa pubbliku li saret? Jista' jgħid kemm minn dak li applikaw huma bejn it-18 u l-21 sena? Kemm se jiddaħlu rekluti ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 229 applikant għall-aħħar sejħa għal ingaġġ ta` kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija. Minn dawn 160 huma ta` eta` bejn it-18 u l-21 sena. Dwar l-ewwel u l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi għad trid issir l-intervista selettiva kif rikjesta fis-sejħa għall-applikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena kemm il-persuna taħt l-eta' ta' sittax il-sena inqabdu f'postijiet ta' divertiment meta l-liġi ma tippermettix dan? Fl-liema inħawi inqabdu? Jista' jgħid x'passi ttieħdu kontra is-sidien ta' dawn il-postijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u s-17 ta` Ottubru 2001, kien hemm 39 persuna taħt is-sittax-il sena li nqabdet f`postijiet ta` divertiment ġewwa San Ġiljan, Rabat u Wied il-Għajn. B`riżultat ta` dan inbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra 11-il sid ta` dawn l-istabbilimenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex ma jkun hemm ħadd li jopera minn Triq it-Torri f'Tas Sliema biex iżom għandu t-tfal meta l-bini mhux addattat u ma jkunx applika biex jopera bħala stabbiliment li jieħu ħsieb iżomm it-tfal?
Response (BORG, TONIO)
Jista` l-Onor. Membru jkun aktar speċifiku fil-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'Malta hawnx persuni mill-Afganistan li qed jitolbu kenn politiku? Jekk iva, kemm hawn u kemm ilhom f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa f`Malta hawn seba` (7) refuġjati mill-Afghanistan li lkoll huma rikonoxxuti mill-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR).
L-ewwel raġel wasal Malta fil-21 ta` Ġunju 2001 u ġie rikonoxxut mill-UNHCR fis-7 ta` Awissu 2001.
Żewġ ġuvintur oħra waslu Malta fit-2 ta` Lulju 2001 u ġew rikonoxxuti mill-UNHCR fil-11 ta` Lulju 2001.
Hemm ukoll familja t`erbgħa (missier, omm u żewġt itfal) li waslu Malta fit-13 t`Awissu 2001 u ġew rikonoxxuti mill-UNHCR fis-17 t`Awissu 2001.
Infurmat ukoll illi fil-mument f`Malta ma hawn ebda każ pendenti t`applikant għal status ta` refuġjat mill-Afghanistan.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex applikanti ġodda li qed jitolbu biex tinħarġilhom liċenzji tal-kaċċa u l-insib ħalli jkunu jistgħu jipprattikaw id-delizzju li tant iħobbu qed idumu kważi sena biex jinħarġilhom il-permess? Jaħsibx li hemm ħafna burokrażija żejda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sabiex tkun tista` tinħareġ liċenzja għall-kaċċa huwa meħtieġ eżami, li fost oħrajn, jiddetermina kemm dik il-persuna li applikat għal liċenzja taf tagħraf l-għasafar u xi jgħidu r-regolamenti għall-ħarsien tal-fawna. Ninsab infurmat illi l-applikazzjonijiet pendenti għall-kaċċa li għandha l-Pulizija, huma proprju dawk li qed jistennew l-eżitu ta` dan l-eżami li jsir mid-Dipartiment tal-Ħarsien ta` l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-persuna indikata under separated cover biex tpartat il-post tagħha preżenti ma' post ieħor li kellha qabel u li kien ġie rekwiżizjonat?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pulizija mhux qed jirnexxilha tieħu passi konkreti kontra d-diriġenti ta' garage li hemm f'P.Grech Str, l-Iklin, kantuniera ma' May Butcher Str, l-Iklin li matul il-ġurnata jkollhom ħafna inġenji fil-ġenb u f'nofs it-triq u li jipparkja w ħafna minn dawn l-ingenji barra filgħaxijiet? Jafx l-Ministru li spiss isiru ilmenti dwar dan mir-residenti liema ilmenti jidhru li qed jaqgħu fuq widnejn torox?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija dejjem aġġixxiet kull meta kellha lmenti dwar ipparkjar ta` vetturi kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tkompli tieħu passi sabiex ma jkunx hemm ksur tar-Regolamenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabbdu persuni minħabba logħob illegali jew klandestini mill-1995 sallum, sena b' sena?
Jista' l-Ministru jgħid fejn inqabdu u liema logħob inqabdu jiksru l-liġi?
Jista' l-Ministru jgħid jekk ittieħdux passi jew le?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuni mressqa l-Qorti tul dawn l-aħħar 7 snin b`konnessjoni ma` xi forma ta` logħob illegali f`diversi lokalitajiet huwa kif jidher hawn taħt:
1995
1996
1997
1998
1999
2000
2001*
30
24
47
54
40
63
29
* Sas-17 ta` Ottubru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġitx il-permess biex jinbena s-sett tal-film Julius Ceasar fil-fortizza Rikasoli?
Jekk iva, meta ħareġ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li hemm applikazzjoni pendenti (PA 3831/01) quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex jinbena s-sett tal-film fil-fortizza Rikasoli u biex jiġu sanzjonati strutturi li diġa` saru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intalbu work permits għall-barranin li qegħdin jaħdmu fuq il-ġbid tal-film Julius Ceasar? Jista' jgħid għall-liema xogħol ingħataw dawn il-permessi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 45 persuna barranija li għandhom liċenzja ta` impjieg biex jaħdmu fuq il-ġbid tat-television series: Julius Caesar.
Il-liċenzji ngħataw għal diversi tipi ta` xogħol bħalma huma Production Manager, Production Co-ordinator, Unit Manager, Set Decorator, Assistant to Set Director, Costume Dyer, Film Set Builder, Art Director kif ukoll għal xogħol ieħor li wieħed isib f`film crews bħal Seamstress, Cutter/Tailor, Dyer, Carpenter, Welder u oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid, riferibbilment għax-xogħol tal-fencing madwar il-Faċilita Korrettiva ta' Kordin, jekk ħarġux talbiet għall-offerti jew jekk ix-xogħol ingħatax b'direct order? Jista' l-Ministru jgħid, f'każ ta' talba għall-offerti, min jew liema ditti wrew interess u tefgħu offerti? Kemm ikkwotaw ? Lil min ġie assoċjat ix-xogħol? Min kien responsabbli mill-għażla?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Membru li s-sejħa għal offerti għal "Welded Mesh Fence" u "High Security Gates" għal Faċilita` Korrettiva ta` Kordin ħarġet fis-26 ta` Jannar 2001 u għalqet fis-6 ta` Frar ta` din is-sena. Id-Dipartiment tal-Kuntratti rċieva tlett offerti mingħand:
(a) Deba Enterprises Co Ltd għal prezz ta` Lm105,473.30
(b) Improved Design Ltd għal prezz ta` Lm104,865.00 u
(c) Vassallo Builders Ltd għal prezz ta` Lm86,075.20.
Il-Board li evalwa l-offerti inħatar mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta` l-Intern u dan bagħat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lid-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti tramite id-Direttur tal-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin.
Wara li eżamina r-rapport tal-Board, il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti qabel li l-kuntratt jingħata lid-ditta Vassallo Builders Ltd li kienet tefgħet l-irħas offerta. Id-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti ħareġ il-Letter of Acceptance fl-24 t`April 2001.
Jista' l-Ministru jgħid, b'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 28601, jekk is-somma ndikata ta' Lm 6,537.16 għas-sistema ta' katnazzi hijiex dik li realment intefqet? Jekk le, jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus għax-xiri tal-katnazzi indipendentement mill-prezz ikkowtat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ispiża in konnessjoni mad-direct order li ngħatat lill-Messrs J Grima & Co Ltd għas-sistema ta` katnazzi kienet tammonta għas-somma ta` Lm6,535.12.
Ninsab infurmat ukoll li f`Lulju 1998 wara proċeduri li kienu ġew mibdija f`Diċembru 1997, kien ġie approvat x-xiri ta` katnazzi simili mingħand l-istess ditta bħala "pilot project" li fuqhom kienet intefqet is-somma ta` Lm1,080.46. Ix-xiri b`direct order li ssemma iktar il-quddiem kien ġie approvat minħabba (1) li dawn il-katnazzi mingħand id-ditta msemmija kienu ta` kwalita tajba u (2) biex tinżamm l-istess sistema ta` katnazzi biex ikun hemm sistema waħda biex b`hekk jiġi evitat it-taħwid u jkun hemm ċertu "standardization".
Ninsab infurmat ukoll li f`Marzu 2001 inxtraw katnazzi żgħar għat-trapni tal-bibien taċ-ċelel li m`għandhom x`jaqsmu xejn mal-katnazzi l-oħra mingħand l-istess ditta għas-somma ta` Lm984.13c wara li ntalbu quotations mingħand tlett ditti separati. Dik offruta mid-ditta msemmija kienet l-aktar waħda vantaġġuża.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl ta' l-ilmenti kontinwi tar-residenti ta' Triq l-Għollieq, Mosta u Triq l-Assembleja Nazzjonali u madwar ta' storbju u ħsejjes ġejjin mis-supermarket li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament, x'passi ttieħdu mill-Pulizija billi l-inkonvenjent għadu jippersisti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija bdiet diversi proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra s-sid tal-istabbiliment li saret referenza għalih fil-Mistoqsija, liema proċeduri għadhom pendenti quddiem il-Qorti. Ninsab infurmat ukoll illi dan il-każ qiegħed ukoll ikun ikkunsidrat mill-Bord ta` Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb biex ineħħi periklu li nħoloq meta ċeda ħajt wara xogħol li kien qiegħed isir f'kostruzzjoni privata f'passaġġ ħdejn id-djar tal-Gvern f'kantuniera ma Dar No. 1 wara dar li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-imsemmi ħajt huwa "hoarding" tas-sit li kien parti mill-kundizzjonijiet tal-permess tal-bini li kien qiegħed jinbena li pero` kien ġie mwaqqaf mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar għax ix-xogħol li kien qiegħed isir ma kienx skond il-permess u l-pjanti approvati.
Jidher li parti żgħira minn dan il-ħajt, ċediet jew ġiet imwaqqa. Is-sid ser jiġi avżat sabiex jerġa` jtella` il-ħajt minnufuh.
Infurmat ukoll illi l-Pulizija infurmat lis-sid sabiex isir ix-xogħol meħtieġ.
B'riferenza għar-risposta għal mistoqsija nru. 28700, għaliex l-Onor Ministru ma japplikax l-istess konkluzjoni tiegħu dwar żgumbrament minn maħżen fl-Isla fil-każ ta' l-persuna li qegħda tokkupa il-Kalkara tal-Ġir f'Ħaż-Żebbuġ b'mod illegali u abbużiv?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Kalkara tal-Ġir f`Ħaż Żebbuġ mhix qegħda tiġi okkupata b`mod illegali u abbużiv. L-okkupant kellu kirja regolari tas-sit, in konnessjoni ma` l-għixien tiegħu. Din il-kirja ma ġietx imġedda peress li s-sit ġie identifikat għal proġett.
Bħal ma jsir f`każijiet simili, qegħdin isiru n-negozjati meħtieġa sabiex l-okkupant jiġi mogħti kirja alternattiva.
Jista' l-Ministru jgħid hux sejra ssir il-passing out parade tal-kadetti f'Novembru wara li dawn ngħataw it-taħriġ kollu f'dawn l-aħħar xhur u dan meta issa jilħqu fizzjali tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mhux programmat li jkun hemm passing out parade tal-Kadetti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jbigħu alkohol lil tfal taħt is-sittax-il sena din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u s-17 ta` Ottubru 2001, kien hemm 10 persuni li nqabdu jbiegħu xorb alkoħoliku lill-persuni taħt is-16-il sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittelgħu tfal il-Qorti matul din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, sas-17 ta` Ottubru 2001, tressqu 99 persuna taħt is-16-il sena l-Qorti. It-tipi ta` reati li dwarhom kienu akkużati kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.