Legislature:
Category:
Reset
Active:

Studenti li temmew l-istudji tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm studenti ngħataw il-permess jtemmu l-istudji tagħhom (a) fl-iskejjel tal-Gvern, (b) fl-iskejjel tal-Knisja (ċ) fl-iskejjel privati qabel laħqu l-eta' ta' 16-il sena matul is-sena skolastika li waslet biex tintemm? Kemm minnhom kienu subien u kemm bniet u x'kienu r-raġunijiet li temmew l-istudji tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Riżultati ta' SEC u MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li joħorġu r-riżultati tas-SEC u tal-MATSEC? Jista' jgħid kemm-il student talab li jirċievi r-riżultat permezz ta' sms?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li huwa maħsub li r-rizultati tal-livell tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola joħorġu f'nofs Lulju. Informat ukoll li kien hemm 10,792 student li talbu biex jirċievu r-rizultat ta' l-ezami permezz ta' sms. Minn dawn hemm 7,390 li resqu għall-ezami tas-SEC u 3402 li resqu għal xi ezami fil-livell taċ-Ċertifikat tal-Matrikola. B'kollox dawn jagħmlu 91.8% tal-kandidati kollha li resqu għal dawn l-ezamijiet.

Politika Nazzjonali taz-Zgħażagħ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26403, dan ifisser li l-Politika Nazzjonali taz-Zgħażagħ tinsab biss fuq il-karta? Jekk dan huwa fin-negattiv, jista'jgħid xi twettaq minnha b'mod konkret issa li suppost qed tiġi riveduta?

Response (GALEA, LOUIS)

Nissuġerixxi l-Onor. Interpellant li kull ma jrid jagħmel biex ikun jaf xi twettaq mill-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ hu li oġġettivament jeżamina t-twettiq tal-politika u l-miżuri tal-Gvern fl-oqsma ta' l-Edukazzjoni, tas-Saħħa, tax-Xogħol, tal-Kultura, ta' l-Ambjent, tat-Teknoloġija tal-Kommunikazzjoni u Informazzjoni u tal-ħidma kollha tal-Gvern li jew direttament jew indirettament qed iġġib benefiċċji kbar għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Trid tkun tassew preġudikat biex taħseb li l-politika taż-żgħażagħ hi 'biss fuq il-karta'.

Riżenji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'riżenji kien hemm fid-dekasteru tiegħu minn wara l-elezzjoni tas-sena 2003 sal-lum? Min kienu l-persuni li rriżenjaw u meta? X'kienu r-raġunijiet li taw għar-riżenja tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt mitlub nistieden l-Onor. Membru jippreċiza għall-liema tip ta' rizenja qed jirreferi.

Skejjel ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inbnew skejjel ġodda tal-gvern mill-1987 sal-lum, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta ġiet fondata l-FTS, inbniet l-iskola sekondarja tas-subien f’Ħal Kirkop. Bħalissa qiegħdha titlesta l-iskola f'Ħal Qormi u qiegħed isir xogħol ta’ kostruzzjoni fuq skola ġdida sekondarja fil-Verdala, Cospicua. Ser jibda x-xogħol ukoll fuq tliet skejjel ġodda oħra, waħda fil-Mosta, f'Għawdex u F'Pembroke. Tagħrif dwar il-perjodu preċedenti għadu qed jinġabar.

Skola tal-Għargħur — Child care centre

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Gvern għandu xi pjani li jiftaħ child care centre fl-iskola primarja tal-Għargħur? Jekk iva, meta mistenni jsir dan u fejn ser isir dan billi l-klassijiet huma kollha utilizzati?

Response (GALEA, LOUIS)

Deċizjoni finali dwar f'liema skejjel ser jitwaqqfu Child Care Centres għad trid tittieħed.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu mpjegati fuq bażi part time jew bil-kuntratt matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu, 2007 fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu, li m'humiex uffiċjali pubbliċi, min huma, x'pożizzjoni għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu? Jista' jgħid, jekk il-kuntratt ta' dawn l-impjegati hux definit u għal kemm perjodu f'każ li fl-affermattiv?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjegi — Xogħol sub contracting

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa flus ix-xogħol li sar permezz ta' sub contracting mil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul Jannar, Frar u Marzu 2007 separtament u xahar b'xahar? Jista' jgħid jekk għal dan ix-xogħol ħarġitx tender fejn kien hemm bżonn u min kien il-kuntrattur f'kull każ li ngħata x-xogħol u kemm kien l-ammont separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Meta jkun stabbilit li kuntrattur jista' jagħti xogħol ta' subcontracting, allura l-Ministeru jew dipartiment konċernat mhux bil-fors ikollu għad-disposizzjoni tiegħi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għar-raġuni li d-dritt tas-subcontracting jemani mill-istess kuntratt. Jekk l-Onor. Interpellant irid informazzjoni fuq xi kaz partikolari u/jew qed jirreferi għall-ghoti ta' kuntratti pjuttost mis- subcontracting, allura huwa mitlub jiċċara u jerġa' jissottometti mistoqsija parlamentari oħra.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx direct ordersmatul Jannar, Frar u Marzu 2007 mil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu u f'każ li fl-affermattiv kemm ingħataw, għal liema raġuni, kemm kien l-ammont u min ingħata d-direct order separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat ukoll li d-direct orders saru skond ir-Regolamenti finanzjarji.

Skejjel statali — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 26369, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma elenkax jew ma poġġiex l-informazzjoni kif mitluba fuq il-mejda tal-Kamra dwar xogħlijiet li qed isiru fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

F'kull kaz ta' xogħol fl-iskejjel, meta x-xogħol jibda, jingħata tagħrif pubbliku tal-progress li jkun qed isir.

Edukazzjoni sesswali

Question

Jaħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li fl-iskejjel tagħna jiġi mgħallem suġġett speċifiku ta' edukazzjoni sesswali meta wieħed iqis il-permissivita' li teżisti speċjalment bejn iż-żgħażagħ? Japprezza li n-numru ta' single mothers qed jiżdied kif ukoll mard mis-sess eċċ?

Response (GALEA, LOUIS)

Huwa fatt li l-edukazzjoni sesswali qed tiġi mgħallma bħala parti mill-lezzjoni tal-PSD fil-gzejjer Maltin u Għawdxin. Barra minn hekk fid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni hemm numru ta' għalliema li qed jagħmlu xogħol biex joħolqu awareness dwar l-issues imsemmija li jikkumplimentaw it-tagħrif li jingħata fil-lezzjonijiet tal-PSD kemm fis-settur tal-primarja u kif ukoll fis-settur sekondarju. Dawn huma wkoll megħjuna minn aġenziji u kif ukoll mill-Health Promotion Unit tad-Divizjoni tas-Saħħa.

Universita' ta' Malta — Associate Professor

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26779 u 26703 u jagħti lista ta' min applika għall-post ta' associate professor fl-Universita' ta' Malta minn Jannar 2004 'il quddiem u jgħid f'kull każ: 1) id-data tal-ġurnata meta l-Universita' rċeviet l-applikazzjoni; 2) id-data li fiha l-pubblikazzjonijiet u materjal relatati ma' l-applikant intbagħtu mill-Universita' ta' Malta lill-Association of Commonwealth Universities f'Londra; 3) id-data li fiha l-Association of Commonwealth Universities bagħtet il-materjal għand ir-referees tagħha; 4) id-data li fiha l-Universita' ta' Malta rċeviet ir-risposta dwar l-applikazzjoni; 5) id-data li fiha kull applikant irċieva avviż dwar l-andament ta' l-applikazzjoni tiegħu/tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi tagħrif fuq il-Mejda tal-Kamra li jirraprezenta elenku ta' applikazzjonijiet (mingħajr l-isem minħabba protezzjoni ta' informazzjoni personali) għall-promozzjoni għall-associate professor, id-data tal-jum meta l-Universita' irċeviet l-applikazzjoni, u d-data li fiha l-pubblikazzjonijiet u l-materjal relatat intbagħtu lill-ACU. Informat li l-Universita' ma rċeviet l-ebda 'peer assessment' mill-ACU qabel Settembru 2006 u minn dak iz-zmien 'l hawn ħadmet biex tipproċessa l-applikazzjonijiet ta' kandidati hekk kif il-'peer assessment' tagħhom bdew jaslu. Fuq bazi ta' dan 19-il kandidat ġew appuntati Associate Professors. Hemm xi wħud mill-kandidati l-oħra li għadhom qed jiġu kkunsidrati mill-Bord.

Skejjel Primarji — Studenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 26320, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma poġġiex l-informazzjoni mitluba fuq il-mejda tal-Kamra dwar in-numru ta' studenti f'kull klassi?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jidhirlix li f'dan l-istadju din l-informazzjoni għandha titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Educational Psychologists

Question

B'referenza għall-mistoqsijijiet parlamentari 26440 u 26743 jista' l-Ministru jispeċifika kemm hemm educational psychologists impjegati mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni? Jista' jelenka x'inhuma l-funzjonijiet ta' dawn il-professjonisti? Kemm ilhom li ġew ingaġġati u jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiżdiedu fiż-żmien qarib? Peress li f'pajjiżi bħall-Amerika ta' fuq huwa stmat li madwar wieħed minn kull ħamest itfal għandu xi forma ta' dyslexia u probabilment hawn Malta u f'pajjiżi oħrajn ir-rata hija pjuttost simili, jista' jgħid jekk hux qed isir screening programme fl-iskejjel primarji tagħna? U dan vis-a-vis tal-fatt li kemm-il darba dawn it-tfal jiġi djanjostikati kmieni, ikun possibli li fil-maġġoranza tagħhom tiġi korretta d-diżabilita' tagħhom u fl-istess ħin żgur u mhux forsi nkunu qegħdin innaqqsu r-rata ta' illtteriżmu li għandna f'pajjiżna.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-prezent hemm zewġ Psikoloġisti Edukattivi impjegati mad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni filwaqt li jinxtraw servizzi addizzjonali mill-privat fejn jinħass il-bzonn.