Jista' il-Ministru jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ġew riappuntati u min huma?
Jista' jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx riappuntati u min huma?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tiċċara għal liema kategorija ta' diretturi qed tirreferi, jiġifieri jekk hux għal Diretturi fis-Servizz Pubbliku jew għal diretturi ta' bordijiet ta' entitajiet pubbliċi. L-Onorevoli Interpellant għandha tiċċara ukoll għal liema perjodu qed tirreferi.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom il-Gvern ta' Malta ma kienx rappreżentat fil-funeral statali ta' l-Onor. Al Grassby, l-ex-Ministru ta' l-Immigrazzjoni li kellu rabtiet qrib ferm mal-Maltin, liema funeral sar f'Canberra?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-Kummissarju Għoli ta' Malta fl-Awstralja, li kien diġa informa lill-organiżżaturi tal-funeral ta' l-Onorevoli Grassby bl-intenzjoni tiegħu li jattendi, kien indispost dakinhar li sar il-funeral.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ordnati li jsiru riċevimenti fil-ministeru tiegħu għas-snin 2004 u 2005? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġew jiswew?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mistennija tkun in-nefqa totali fuq ic-CHOGM - il-konferenza tal-kapijiet ta' l-Istati tal-Commonwealth - li se ssir f'pajjiżna f'Novembru li ġej? Jekk se jinqabeż il-budget allocation ta' Lm1.5 miljun, b'kemm mistenni jinqabeż u kemm ġie kommess infiq s'issa dwar din l-attivita'?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nirreferri lil-Onervoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11728. L-ammont kommess s'issa huwa ta' Lm 43,616.
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' dawk it-trattati, dikjarazzjonijiet, protokolli, konvenzjonijiet u regolamenti oħra internazzjonali li għandhom x'jaqsmu ma' l-użu tal-bioteknoloġija u li għandhom effett fuq il-liġi Maltija?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nifhem li l-Onorevoli membru qiegħed jirreferi għal trattati, dikjarazzjonijiet, protokolli, konvenzjonijiet u regolamenti oħra internazzjonali li l-Gvern Malti iffirma u rratifika jew li aċċeda għalihom. Il-Gvern Malti iffirma l-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Diversita' Bioloġika fit-12 ta' Ġunju 1992. Din il-konvenzjoni kienet irratifikata fid-29 ta' Diċembru 2000.
Malta iffirmat u irratifikat ukoll il-Protokoll dwar Specially Protected Areas and Biological Diversity fil-Mediterran. Dan il-Protokoll kien iffirmat fl-10 ta' Ġunju 1995 u r-ratifika saret fit-28 ta' Ottubru 1999.
Nitlob lill-Onorevoli Membru sabiex jindirizza t-tieni parti tal-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid min kienet il-persuna, u ta' liema nazzjonalita', li f'April li għadda bdiet tieħu ħsieb it-taqsima kummerċjali u kulturali fil-kummissjoni għolja Maltija f'Canberra, Awstralja? X'esperjenza kellha fil-kultura Maltija? Biex tiġi impjegata din il-persuna, kemm saru sejħiet għall-applikazzjonijiet fil-Canberra Times u kemm saru avviżi fil-gazzetta nazzjonali Maltija jew ir-radjijiet tal-komunita'? Kemm damet taħdem din il-persuna fix-xogħol tagħha?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha jisimha s-Sur Michael Crawford u hija ta' nazzjonalita' Kanadiża.
Meta ġiet impjegata din il-persuna saru żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet fil-Canberra Times.
Il-persuna damet taħdem f'dan ix-xogħol għal xahar għax telqet meta sabet xogħol ieħor imħallas aħjar.
Naqbel li tiġi riattivata d-drawwa li f'każi simili jinħarġu press releases biex il-komunita' Maltija tkun informata dwar dawn il-vacancies li jolqtuhom mill-viċin u tajt istruzzjonijiet biex dan isir minn issa 'l quddiem.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu vakanti l-post ta' konslu kummerċjali (onorarju) f'Sydney u għaliex ma nħatarx ieħor minfloku?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Kuntrarju għall-informazzjoni li għandu l-Onorevoli Interpellant il-post ta' Konslu Kummerċjali (onorarju) f'Sydney ma jeżistix. Jeżisti biss post ta' Konsolat Ġenerali f'Sydney okkupat minn Konslu tal-karriera u f'każ li jkun hemm bżonn ta' għajnuna, fil-qasam kummerċjali jew f'xi qasam ieħor tal-ħidma konsolari, din tingħata mill-Kummissjoni Għolja f'Kanberra.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li meta l-Kummissjoni Għolja ta' Malta fl-Awstralja f'Canberra ġiet biex taħtar segretarju biex jieħu ħsieb it-taqsima kummerċjali u kulturali ingaġġat ċittadin Kanadiż? X'esperjenza kellu f'xogħol kulturali Malti? X'kienet ir-raġuni li s-sejħa għall-applikazzjonijiet saret biss fil-Canberra Times mingħajr ma saru ebda avviżi fil-gazzetta nazzjonali Maltija jew fuq ir-radjijiet tal-komunita'? Jikkonferma li dan irriżenja wara ftit aktar minn xahar f'din il-kariga?
Ma jaħsibx il-Ministru li għandha tiġi riattivata d-drawwa li f'każi simili jinħarġu press releases biex il-komunita' Maltija tkun informata dwar dawn il-vacancies li jolqtuhom mill-viċin?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija numru 12589.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Gvern Malti ma kienx rappreżentat fil-funeral statali ta' l-Onor Al Grassby, l-ex-Ministru ta' l-Immigrazzjoni Awstraljan li kellu rabtiet qrib ferm mal-Maltin, liema funeral sar f'Canberra?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat f'Mistoqsija Parlamentari 12591.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Kummissjoni Għolja ta' Malta fl-Awstralja għandha żewġ konsli onorarji f'Victoria, f'South Australia u fi New Zealand u l-konslu onorarju li kien hemm fi New South Wales għadu ma nħatarx ħaddieħor floku?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Fil-preżent, il-Gvern ma jħossx il-bżonn li jappunta konslu onorarju f'New South Wales għax il-bżonnijiet konsolari f'dan l-istat huma moqdijin tajjeb mill-Konslu Ġenerali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' visas li ħarġet l-Ambaxxata Maltija fil-Libja minn Jannar 'il hawn? Kemm kien in-numru ta' visas li ġew irtirati? Kemm qed jieħu żmien fil-preżent il-proċess ta' l-applikazzjoni u l-approvazzjoni?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Mill-1 ta' Jannar sat-23 ta' Marzu, 2005, l-Ambaxxata Maltija fil-Libja ħarġet 4,365 visa. Fl-istess żmien kienu rrifjutati 279 il-applikazzjoni. Mhux ċar is-sinifikat tal-kategorija deskritta bħala "irtirati".
Iż-żmien bejn l-applikazzjoni u l-ħruġ tal-visa wara l-approvazzjoni ġeneralment jieħu bejn 3 u 4 ijiem.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-protokoll bejn Malta u l-Libja li jkopri l-bejgħ taż-żejt bi prezzijiet vantaġġjużi għal pajjiżna?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Kull provvista ta' prodotti taż-żejt mill-Libja hija rregolata minn kuntratt bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-Kumpannija Nazzjonali taż-Żejt tal-Libja (NOC). Iżda x-xiri ta' prodotti taż-żejt mill-Libja bi prezzijiet preferenzjali huma rregolati b'korrispondenza uffiċċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. L-aħħar sena li Malta bbenefikat minn dan l-arranġament kienet is-sena 2003.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma s-salarji taċ-chief executive officers ta' l-awtoritajiet, fondazzjonijiet, korporazzjonijiet, kummissjonijiet, aġenziji, istituti u kumpanniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-dekasteru tiegħi ma hemmx Chief Executive Officers.
Diment li mhux ta' preġudizzju għad-diplomazija Maltija f'dan l-istadju, jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li l-President tat-Tuneżija se jżur Malta din is-sena?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Qed isiru l-arranġamenti neċessarji dwar din il-viżita prospettiva li d-data tagħha titħabbar fiż-żmien opportun.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11248, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u cioe': Billi hemm diskussjonijiet bejn l-Italja u l-Libja u l-Unjoni Ewropea dwar medda ta' gas pipeline li jista' jkun ta' interess u benefiċċju għall-qasam ta' l-enerġija f'pajjiżna, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux jew kienx hemm xi attentat min-naħa tal-gvern biex forsi Malta tkun tista' tkun inkluża f'dan l-investiment?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nitolbok tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' il-Ministru ġentilment jispjega l-proċedura biex wieħed iġib l-informazzjoni dwar il-Commonwealth scholarships eżistenti u kif għandu japplika? Kemm-il student / studenta Maltija bbenefikaw minn Commonwealth Scholarships is-sena l-oħra u liema courses kienu?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li dawn il-Commonwealth Scholarships ma jinħadmux minn dan il-Ministeru. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat li hu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi.
Jista’ il-Ministru jgħid fl-2004 u fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kemm saru applikazzjonijiet għal ħruġ ta’ visas mill-ambaxxata Maltija fiċ-Ċina? Kemm kienu minn ċittadini Ċiniżi u kemm minn ta’ pajjiżi oħra? Kemm minn dawn ma ġewx milqugħa?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fl-2004 u fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena saru 3,555 applikazzjonijiet għal ħruġ ta' visas mill-Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina, 3534 minn dawn l-applikazzjonijiet kienu minn ċittadini Ċiniżi, 18 minn ċittadini tal-Mongolja, 2 minn ċittadini tal-Kambodja u 1 minn ċittadin tal-Vjetnam. Minn dawn ma ġewx milqugħa 838 applikant.
Jista’il-Ministru jgħid mill-applikazzjonijiet għall-visas mill-ambaxxata Maltija fiċ-Ċina matul l-2004 u fl-ewwel tliet xhur ta’din is-sena kemm inħarġu wara li l-applikant talab il-visa biex jistudja l-Ingliż f’pajjiżna? F’kull każ ġie ppreżentat il-booking għal skola f’Malta?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Mill-applikazzjonijiet għall-visas mill-Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina matul l-2004 u l-ewwel tliet xhur ta 'din is-sena inħarġu 1,165 visas wara li l-applikant talab il-visa biex jistudja l-Ingliż f'pajjiżna. F'kull każ ġie ppreżentat booking għal skola f'Malta.
Jista’ il-Ministru jgħid mill-applikazzjonijiet għall-visas li saru mill-ambaxxata Maltija fiċ-Ċina għal skop li l-applikanti jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna, jista’ jelenka l-ismijiet ta’ l-iskejjel imniżżla f’kull applikazzjoni?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-ismijiet ta' l-iskejjel imniżżla fl-applikazzjonijiet huma elenkati hawn taħt:
IELS School
English Plus Language Centre
Link School
Inlingua School
Chamber College
English Language Academy
EF School
GEOS School
Sprachcaffe School
St Martin's Institute of Information Technology
Magister Academy
Club Clas
Skylark Mediterranean School of English
University of Malta
Easy School of English
International English Language Centre
EC School
NSTS
BELS School
AM Language Studio