Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Enemalta fl-aħħar issewwi żewġ bozoz li hemm fi Triq Ħas-Sajjied, Żabbar ħdejn ir-residenza li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu under separate cover li ilhom maqtugħa ħafna u li minkejja diversi rapporti baqgħu ma issewwewx? Billi f'dawn l-inħawi joqogħdu għadd ta' anzjani, uħud minnhom li jgħixu waħedhom, possibbli li l-ministru jaċċerta li dawn il-bozoz jisewwew fl-iqsar żmien possibli?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtiega u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il IT software programmers ġew impjegati mal-kumpannija Air Malta f'din l-aħħar sena?
Jista' jgħid meta dawn ġew impjegati, jekk huwa l-każ?
Jista' jgħid jekk inħarġux call for applications u meta nħarġu?
Jista' jgħid min huma dawk li ġew impjegati, jekk huwa l-każ, u x'salarju ġew mgħotija?
Jista' il-Ministru jgħid min kien jagħmel ix-xogħol ta' l-IT software programmers qabel ġew impjegati dawn il-ħaddiema?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li dan l-aħħar l-Air Malta varat web site ġdida. Barra minn dan, introduċiet sistema ġdida ta' financial accounting u management. Għal dan il-għan, inħasset il-ħtieġa li jiġu mpjegati nies kwalifikati biex iħaddmu dawn is-sistemi.
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tat l-approvazzjoni tagħha sabiex isir l-ingaġġ relattiv permezz tal-permess numru 191 ta' l-2002. Avviżi biex jimtlew dawn il-postijiet kienu dehru fil-ġurnali kollha pubblikati kuljum. Il-kandidati magħżula preferibbilment kellu jkollhom degree B.Sc (Hons) fix-Xjenza tal-Kompjuter jew fit-Teknoloġija ta' l-Informatika mogħti mill-Universita' ta' Malta.
Erbatax-il persuna kienu applikaw, pero' sebgħa minnhom ma kellhomx il-kwalifiki meħtieġa. Aktar tard applikant waqqa' l-applikazzjoni tiegħu u sitta oħra ġew offruti l-impjieg. Minn dawn is-sitta, erbgħa minnhom aċċettaw l-impjieg. Is-salarju marbut ma' dan il-post huwa ta' Lm6,175.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop proprju u ewlieni li ġie mpjegat chief executive fl-Air Malta?
Jista' jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li dan ikun ta' nazzjonalita' barranija u mhux Maltija?
Jista' jgħid x'salarju qiegħed jirċievi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tax-xogħol jew ħatra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant jifhem li hija prattika normali f'ħafna ażjendi minbarra l-kariga ta' Chairman ikun hemm ukoll dik ta' Chief Executive.
Il-persuna li qed tokkupa l-kariga intgħażlet fuq kriterji ta' abbilta' u esperjenza u mhux fuq kriterju ta' nazzjonalita'.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 35205.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-water services corporation tieħu ħsieb leakage ta' l-ilma li ilu nieżel ġranet sħaħ fi Triq Wied il-Għajn, Żejtun?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli l-Enemalta tara x'wassal biex imur id-dawl ta' barra fi Triq San Remig, Kirkop? Għalfejn baqa' ma ġiex irranġat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kawża tas-sospensjoni tal-provvista ta' l-elettriku fit-triq imsemmija kien dovut għal ħsara f'cable taħt l-art. Din il-ħsara issewwiet.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li postal operators mal-Maltapost li xogħolhom kien jiġġedded sena b'sena issa qed jiġġedded għal żmien ferm inqas kull darba? Kemm hemm ħaddiema mal-kumpannija li qegħdin b'dawn it-tip ta' kuntratti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fid-dawl ta' l-eżerċizzju ta' l-istrutturar, il-kumpanija Maltapost kellha l-ħtieġa li timpjega Postal Operators fuq bażi ta' kuntratt ta' xogħol għal żmien definit. Peress li dan l-eżerċizzju wasal fl-aħħar biex ikun implimentat, dawn il-kuntratti ġew imġedda għal żmien qasir.
Bħalissa in-numru ta' Postal Operators fuq dan it-tip ta' kuntratt huwa ta' wieħed u tletin.
B'riferenza għall-domandi preċedenti dwar l-istess suġġett, jista' il-Ministru jinvestiga l-fluctuations fil-kurrent tad-dawl li jinsab għaddej għar-residenti li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament billi minkejja li r-residenti bidlulhom l-arloġġ u l-wiring tad-dawl għadhom bl-istess problema li kellhom fi snin imgħoddija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab ifurmat li l-manutenzjoni meħtieġa għandha ssir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' il-Ministru jgħid hux possibbli li l-Enemalta tieħu ħsieb tirranġa bozza maqtugħa li hemm ħdejn ir-residenzi nru. 22 u Fidele House, fi Triq tal-Barrani, Żejtun għax din il-bozza ilha bil-ħsara xahrejn u minkejja diversi rapporti baqgħet ma ġietx irranġata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-bozza li qed issir riferenza għaliha saret fil-15 ta' dan ix-xahar.
B'referenza għall-file no 325/10/2000 u file no 130/4413/86, jista' il-Ministru jinforma meta l-bozoz li kien hemm ħdejn il-monument fi Vjal il-21 ta' Settembru Naxxar se jerġgħu jitwaħħlu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-talba magħmula mill-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex huwa daqshekk diffiċli biex il-lampi f'Ħaż-Żebbuġ, indikati hawn taħt jiġu replaced jew ikunu funzjonabbli?
37, Triq il-Parroċċa;
Il-fanali fid-dħul taċ-ċimiterju fi Triq l-Infetti.
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-fatt il-manutenzjoni meħtieġa saret.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 36066, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fejn se jinbnew dawn it-tliet substations? Min huma l-iżviluppaturi f'kull każ? Fiex jikkonsisti l-proġett f'kull każ?
Jista' il-Ministru jindika għalfejn ma teżistix level playingfield fil-qasam tar-recording studios b'tali mod li min m'għandux il-liċenzja jista' jikkompeti ma' min għandu, anke f'festivals nazzjonali Maltin?
Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex fil-Baħrija matul dawn l-aħħar ħmistax kien hemm qtugħ fil-provista tad-dawl regolari matul is-2.00 a.m. sa l-għada fil-għodu? Jista' jikkunsidra li jingħata skont fil-kontijiet tad-dawl tar-residenti tal-Baħrija minħabba li dan il-qtugħ ikkawża spejjes lill-familji kollha li saħansitra kellhom jarmu prodotti tal-ħalib, laħam u oġġetti oħra li jiġu kkunsmati kuljum inkluż mediċini?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul iż-żmien imsemmi kien hemm erba' interuzzjonijiet fis-sistema ta' l-elettriku fil-post indikat. Fi tlitt okkażżjonijiet, is-sospensjoni kienet dovuta għal ħsarat fuq is-sistema ta' vultaġġ għoli waqt li fl-okkażjoni l-oħra kienet minħabba xogħol li kien ippjanat li jsir.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija it-tweġiba hija fin-negattiv peress li l-Att dwar l-Enemalta ma jipprovdix għal kumpens f'każ ta' interruzzjoni fil-provvista ta' l-elettriku ikkaġunata minn ħsarat ta' natura bħal dawk imsemmija fuq.
Peress illi fl-inħawi tal-Mosta magħrufa bħala Triq il-Ġdida fi Triq il-Foss qed ikun hemm ħsarat fil-provvista tad-dawl regolarment u cioe, kuljum għall-matul dawn il-15-il ġurnata għad-detriment ta' l-industriji ż-żgħar ta' l-inħawi li qed jitilfu produzzjoni tagħhom, jista' il-Ministru jinvestiga u jara li jiġu rranġati l-ħsarat immedjatament ħalli ma jkomplux jitilfu x-xogħol u flus dawn l-industrijalisti żgħar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-interruzzjonijiet li kien hemm fl-inħawi msemmija kienu fil-parti l-kbira tagħhom kaġun ta' intermittent fault. Wara li saret investigazzjoni, sar xogħol ta' prevenzjoni minħabba n-natura tal-ħsara.
Jista' il-Ministru jgħid meta twaqqfet il-Malta freeport corporation? Kemm kienet timpjega nies maqsuma skond il-grad? Jista' jgħid kemm hemm nies impjegati llum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Malta Freeport Corporation twaqqfet fil-25 ta' Jannar 1988. F'dik is-sena il-kumpanija kellha ħames impjegati li kienu accountant, konsulent barrani, assistent personali taċ-Chairman, segretarja u xufier. Illum timpjega 92 persuna.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi li ttellgħu mill-Maltacom il-qorti wara li l-ħlas dovut fuq kontijiet ma sarx, din is-sena u sena b'sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li mill-informazzjoni miżmuma fl-Uffiċċju Legali tal-Maltacom dwar in-numru ta' kawżi li l-Korporazzjoni Telemalta u sussegwentement il-Korporazzjoni Maltacom fetħet fil-Qorti bejn l-1992 u t-30 ta' Settembru 2002 kontra persuni li ma ħallsux il-kontijiet kien ta' 2,549. Dawn kienu mqassmin kif ġej:
SENA NUMRU TA' KAŻI
1992 6
1993 11
1994 15
1995 16
1996 143
1997 591
1998 736
1999 521
2000 316
2001 152
2002 42
Jista' il-Ministru jgħid kemm fetħu fabbriki ġodda minn Settembru 1998 sal-lum? Jista' jekk hu possibli jagħti l-ismijiet tagħhom u kemm jimpjegaw nies?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-istatistika dwar is-settur tal-manufattura ma tinġabarx fil-format mitlub mill-Onorevoli Interpellant, jiġifieri b'riferenza għal fabbriki li għalqu jew fetħu, iżda tinżamm b'mod aktar wiesgħa fejn għandek fabbriki li qed iżidu l-impjiegi u oħrajn li qed inaqqsuhom. Minn dawn iż-żewġ totali tinħadem iċ-ċifra globali tal-ħaddiema fis-settur privat tal-manifattura.
Dawn iċ-ċifri huma hekk kif ġej: (Iċ-ċifri għas-sena 2002 għandhom ma ġewx ippubblikati).
Settembru 1996 - Settembru 1998 Settembru 1998 - Settembru 2001
impiegi ġodda +937 +2020
impiegi li spiċċaw -1166 -2075
(irtirar, riżenji u sensji)
bidla totali -229 -55
Jista' il-Ministru jgħid liema fabbriki temmew l-operazzjoni tagħhom f'Malta bejn Settembru 1998 u llum? Kemm kienu ilhom joperaw f'Malta u kemm kienu jimpjegaw nies?
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu ma jintuża l-Baċir Nu 1 ta' Bormla? Jista' jgħid jekk sarx xi progress dwar x'ser isir minn dan il-baċir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-aħħar vapur li daħal fil-baċir numru wieħed kien f'April tas-sena l-oħra.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dan l-istadju ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 35300 dwar l-istess materja waqt is-Seduta numru 787.
Jista' il-Ministru jara li jissewwa l-fanal, li ilu mkisser, mal-bozza li hemm f'nofs Triq St Albert, Gżira (in-naħa t'isfel) quddiem block B, Pinto buildings)
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.