Legislature:
Category:
Reset
Active:

Board/Press Room

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol li sar sabiex board room fis-sular t'isfel tal-ministeru tiġi konvertita f'press room?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-nefqa fuq il-Press Room tammonta għal Lm18,504.78 Din is-somma ma tinkludix pagi tal-ħaddiema tal-Gvern (Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi u Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni).

PA

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tal-permess u tal-pjanti approvati mill-awtorita' tal-ippjanar tax-xogħol li qiegħed isir fl-inħawi tal-Gillieru, f'Islet Promenade, Buġibba?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Drainage Disposal

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħsarat li seħħew riċentament fis-sistema ta' ppumpjar fil-proċess tad-drainage disposal li waslet għal dewmien biex bdiewa ta' Lambordi u fin-naħa t'isfel ta' Malta ingħataw ilma għat-tisqija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ħsara żviluppat f'main li hemm fil-Fgura u li minnu jitwassal id-drenaġġ fl-impjant ta' Sant'Antnin. Din il-ħsara żviluppat wara li 'clamp' li kien twaħħal hemm madwar sena ilu ċeda u kellu jinbidel. Saru diversi tentattivi biex dan il-'clamp' jinbidel u saħansitra nġabu xi parts minn barra bl-ajru biex jitħaffef ix-xogħol, iżda l-ħsara xorta baqgħet ma ssewwitx għal kollox. Bħalissa qed jittieħdu pariri biex dan il-'pipe' jinqala' u tinbidel il-parti difettuża. Ta' min jgħid li dan il-main ser jinbidel kompletament fix-xhur li ġejjin bħala parti mix-xogħol tas-Sewerage Master Plan. Dan il-bdil mistenni jelimina ċerti difetti li fih il-main eżistenti u li jwasslu għall-ħsarat spissi fl-istess main.

Public Works

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30870, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ngħatawx safety shoes l-impjegati tar-road section tal-public works li jinsabu stazzjonati l-Bombi, l-Furjana?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli Interpellant tidher li qed tirreferi għall-Unit għas-Servizzi ta' Tisbiħ. Ninsab infurmat li s-safety boots ma ngħatawx lill-ħaddiema kollha għaliex l-Aġent kien qiegħed jistenna l-kunsinna minn barra. F'dawn il-ġranet il-kunsinna li għaliha kienet saret it-talba waslet u l-ħaddiema qegħdin jibdlu s-safety boots kif jesiġi l-istess Unit.

Ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ser isir mill-ground li hemm quddiem il-ground tal-iskola Primarja ta' Bormla? X'inhi l-possibilita li l-parti li tkissret minnu terġa tinġieb għall-istat oriġinali peress li dan kien post frekwentat ħafna miż-żagħżagħ u b'dak li sar ma jistgħux jagħmlu użu minnu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-area ta' taħt il-ground li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija ntiża biex isir multi-storey car park biex iservi l-ħtiġijiet tal-Kottonera minħabba l-iżvilupp li qed isir fuq il-Waterfront. Hija l-idea wkoll illi l-ground tal-football jibqa' u jiġi nkorporat fis-sular ta' fuq tal-car park. Rigward it-tiswijiet imsemmija, tlabt lit-Taqsima tax-Xogħlijiet jekk jistgħux isiru dawk it-tiswijiet meħtieġa, iżda peress li hu maħsub illi x-xogħol fuq il-car park jibda kemm jista' jkun malajr, jista' ma jkunx għaqli li wieħed jonfoq xi somma sostanzjali fuq dawn it-tiswijiet.

Floriana — Embellishment

Question

Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tal-embellishment li sewa mal-Lm 150,000 f'Ġnien Re Ġorġ V fil-Floriana li ġie inawgurat minnek il-bieraħ, jista' d-dipartiment jittraferixxi persuna biex jieħu ħsieb li dan ix-xogħol ma jisfax il-mira ta' vandali matul il-ġimgħa kollha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31692 (Seduta 702).

Ħal Qormi — Triq id-Deheb Fin

Question

Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni fir-rigward ta' ħsarat serji fis-sistema ta' drenaġġ f'kumpless ta' garages li hemm fil-parti t'isfel ta' Triq id-Deheb Fin f'Ħal Qormi, u li ilha issa s-snin, għad-detriment ta' saħħet ir-residenti ta' l-area, u dan minkejja d-diversi attentati li saru ma' awtoritajiet differenti biex sid il-propjeta' jieħu l-azzjonijiet meħtieġa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-main tad-drenaġġ li hemm fi Triq id-Deheb Fin, Qormi ma fihx ħsarat. Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħda tirreferi għal xi ħsara nterna ta' xi kumpless ta' garaxxijiet, din għandha tiġi ndirizzata lill-Ministru konċernat.

Kumpens

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi il-mistoqsija parlamentari nru. 32487 u cioe jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna - li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - ser tiġi kkompensata peress illi hija rebħet kawża fil-Qrati Maltin li kienet tirrigwardja inġustizzja li twettqet fil-konfronti tagħha mid-Dipartiment tax-Xogħolijiet Pubbliċi u Konstruzzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi dan il-każ qed jiġi pproċessat skond il-proċeduri stabbiliti.

Marsa — Triq Serkin/Triq Tiġrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li hemm il-ħsieb li l-bini ta' inkwilini tat-toroq Serkin u Tiġrija fil-Marsa, jitwaqqa' sabiex minfloku jsir xi proġett partikolari?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq, kuntrarju għal dak allegat fid-domanda u f'inħawi oħra, ma għandu l-ebda proġett ta' twaqqiegħ ta' bini fil-lokalita'. Madankollu peress li l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp iridu jkunu mibgħuta għand l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-approvazzjoni, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Awtorita'.

Kappella ta' Saria

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistgħux il-pitturi ta' Mattia Preti li kienu fil-kappella ta' Saria fil-Floriana jerġgħu jitpoġġew fl-istess post la jitlesta x-xogħol ta' restawr? Meta hu maħsub li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u l-Floriana kien responsabbli għal restawr ta' waħda mill-pitturi ta' Mattia Preti fil-Knisja ta' Sarria. Dan ix-xogħol kien sar fiż-żmien stipulat, jiġifieri sitt xhur, u l-pittura reġgħet tqiegħdet f'postha. Il-pittura l-oħra ta' Mattia Preti kienet ittieħdet mid-Dipartiment tal-Mużew għal restawr, għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Xiri ta' Apparat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'apparat għas-safety ta' saħħet il-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol, inxtara għall-ħaddiema li jaqgħu taħt id-dekasteri tal-Ministeri matul is-sena li għaddiet? U x'mistenni li jinxtara matul din is-sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: Apparat li nxtara fl-2001 Apparat li mistenni jinxtara din is-sena safety shoes gas monitors safety gloves apparat ta' "breathing apparatus" safety boots hard hats gloves - chemical resistant gloves - chemical resistant industrial leather gloves organic vapour respirators mask filters ear plugs industrial gloves ear muffs fire extinguishers safety shoes ear muffs protective industrial gloves protective clear goggles wetsuits dust masks safety ankle boots welding screen safety goggles wet suits (PVC) safety spectacles safety helmets safety helmets disposable overalls boilersuits respirator masks first aid boxes rubber boots hi-vis vests lycron gloves disposable gloves aprons boilersuits waistcoats welding gloves water jackets

Baħrija — Triq Tumas Xerri

Question

Peress li n-numru ta' residenti mill-Baħrija jilmentaw li l-pressa ta' l-ilma hija baxxa ħafna fosthom dawk ta' Triq Tumas Xerri, jista' l-Ministru jara li titranġa s-sitwazzjoni mmedjatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Baħrija — Fosos

Question

Fid-dawl tas-sitwazzjoni tat-tħammil tal-fosos tal-Baħrija, jista' l-Ministru jara li jiġi investigat jekk dawn il-fosos humiex mimlija ħama tad-drenaġġ u għaldaqstant qed ikun kawżat il-fawran tagħhom matul il-jum għad-detriment ta' saħħiet ir-residenti u tal-Ambjent rurali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-fossa tal-Baħrija ma jirriżultax illi hemm ħama. Id-Dipartiment m'għandux rapporti illi qiegħed isir fawran peress illi l-bowsers qegħdin jintbagħtu regolarment inkluż fil-weekends.

Air Monitoring Equipment

Question

B'riferenza għal offerta CT 238/2001 mħabbra fil-gazzetta tal-Gvern ta' l-24/8/1 dwar provvista ta' air monitoring equipment (auto analytical equipment), jista' jgħid dan l-equipment inxtarax u jekk bediex jintuża ? Fejn?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

B'Buġia — Triq ir-Rizza

Question

B'referenza għal Triq ir-Rizza, B'Buġia fejn id-drains qegħdin ifuru fil-basements tad-djar kull meta tagħmel ix-xita, jista' l-Ministru jintervjeni u jara li dan l-istat ta' fatt ma jibqax jippersisti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment m'għandu l-ebda rapporti ta' xi ħsarat fil-main tal-Gvern. F'ħafna każi, peress illi diversi djar għandhom l-ilma tax-xita imqabbad illegalment mas-sistema tad-drenaġġ, dawn ifuru meta tagħmel ix-xita għaliex is-sistema tad-drenaġġ mhix maħsuba biex tlaħħaq ma' l-ilma tax-xita wkoll.

Industrija tal-Barrieri — Operaturi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi t-tieni parti ta' mistoqsija nru. 32408, jiġifieri bħala l-ministeru responsabbli mill-industrija tal-barrieri x'qiegħed isir sabiex l-operaturi jiġu informati dwar ir-riformi meħtieġa fis-settur minħabba l-applikazzjoni tar-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropeja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Napprezza jekk l-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku u jgħid għal liema regolamenti ta' l-Unjoni Ewropeja qiegħed jirreferi.

Rescue Interventions — Xogħolijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' xogħlijiet li jridu jsiru skond il-programmi rescue interventions fuq il-fortifikazzjonijiet matul din is-sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li huma proġettati li jsiru mit-Taqsima tar-Restawr skond programm ta' "Rescue Interventions" huma dawn: Restawr fuq St. James Bastion u partijiet oħra mill-foss tal-Belt. Restawr fuq St. Barbara Curtain, Valletta. Restawr fuq il-faċċata u l-ponta ta' St. Christopher Bastion, Valletta. Restawr fuq partijiet mis-swar tac-Cittadella, Għawdex. Restawr fuq partijiet mill-ħitan ta' Fort Ricasoli. Restawr fuq Polverista Curtain, Bormla.

Diviżjoni tax-Xogħlijiet — Attivitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet se jiġu organizzati sabiex ifakkru t-twaqqif tad-Diviżjoni tax-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li twaqqaf kumitat sabiex jorganizza programm ta' attivitajiet konnessi ma' l-10 anniversarju tat-twaqqif tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Għalkemm il-programm għadu mhux finalizzat, jien infurmat li qed jiġu ppreparati, fost oħrajn, dawn l-attivitajiet: Inħareġ logo ġdid tad-Dipartiment. Ser isir seminar ta' ġurnata fi Project House dwar id-Diviżjoni. 5-a-side football tournament. Donazzjonijiet tad-demm. Tiġi nawgurata librerija teknika fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Esibizzjoni pubblika fuq ix-xogħlijiet li saru mid-Diviżjoni u fuq passatempi tal-ħaddiema. Quddiesa ta' ringrazzjament u kunċert varjat mill-istess ħaddiema. Tiġi kkummissjonata biċċa xogħol ta' arti għall-okkażjoni. Xogħol ta' restawr ta' Portes des Bombes.

Riabilitazzjoni tal-Kottonera — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jelenka x-xogħol li sar mill-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Kottonera fis-sena 2000 u 2001 u kemm intefqu flus f'dawn is-sentejn partikolari?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar mill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera fis-sena 2000 u 2001 u kemm intefqu flus f'dawn is-sentejn huwa kif ġej: Sena 2000 Pavimentar quddiem id-Dar ta' l-Anzjani, Bormla; xogħlijiet fi Pjazza Santa Margherita, Bormla; xogħlijiet fi Triq il-Pellegrinaġġ, Triq Daħlet it-Tliet Ibliet u Pjazza Paolino Vassallo, Bormla; restawr ta' gallerija ta' l-Azzjoni Kattolika, Bormla; xogħol ta' restawr f'St. Helen's Gate, Bormla; bini ta' ċint f'Għajn Dwieli; restawr u titjib tal-pont u xogħlijiet oħra fi Triq Boffa, Birgu; tindif fil-Foss, Birgu; restawr u titjib fix-shelters tal-Gwerra fi Ġnien il-Kunsill, Birgu; xogħol ta' titjib f'Couvre Porte, Birgu; pavimentar tal-qawwi fi Triq il-Kunsill Popolari Birgu; xogħlijiet ta' restawr f'St. John's Tower, Birgu; xogħol fi Triq San Mikiel, Isla; railing fil-bajja tar-Rinella, Kalkara; bini ta' ċint fi Triq Santu Rokku, Kalkara; għajnuna għall-Attivitajiet Kulturali fil-Kottonera; manutenzjoni ta' l-uffiċini ġodda tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera. Nefqa - Lm165,668. Sena 2001 Xogħol ta' restawr f'St. Helen's Gate, Bormla; xogħol strutturali u ta' restawr fil-Knisja ta' San Pawl, Bormla; xogħlijiet u pavimentar fi Pjazza Santa Margherita, Bormla; xogħol fi Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla; xogħol strutturali fil-Verdala, Bormla; xogħol fil-Kappella tal-Kurċifiss fil-Knisja Parrokkjali ta' Bormla; restawr ta' niċċa fil-kantuniera tal-Knisja ta' Bormla; (railing) xogħol strutturali u ta' tisbiħ f'Couvre Porte, Birgu; restawr tal-faċċata ta' Vittoriosa F.C., Birgu; bini ta' ċint, pavimentar u xogħol ta' tisbiħ fi Pjazza San Filippu, Birgu; xogħol fid-daħla tal-Birgu; restawr fil-bini ta' l-Armerija, Birgu; xogħol ta' tisbiħ f'Belvedere, Birgu; pavimentar u xogħol ta' tisbiħ fi Triq Boffa, Birgu; xogħlijiet fi Pjazza Juan Azzopardi, l-Isla; restawr ta' l-istatwa ta' San Mikiel, Isla; xogħol fil-Knisja tas-Salvatur, Kalkara; tkomplija ta' l-iron railing u tindif fil-Bajja tar-Rinella, Kalkara; għajnuna għall-Attivitajiet Kulturali fil-Kottonera; manutenzjoni ta' l-uffiċini tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera. Nefqa - Lm144,729.

Xogħlijiet ta' Tisbiħ — Nefqa

Question

Jista l-Ministru jispjega liema huma dawk ix-xogħlijiet ta' tisbiħ li saru dan l-aħħar jew li huma ppjanati fix-Xgħajra, San Ġiljan, B'Buġia, M'Scala u fil-Bajja ta' San Tumas? X'inhi l-istima ta' l-ispejjeż?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: Xgħajra - Saru pjanti li jipproponu xogħol ta' tisbiħ fin-naħa tax-Xatt tax-Xgħajra. Bħalissa għaddejjin taħditiet bejn il-Kunsill Lokali, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u d-Dipartiment tal-Gvern biex jiġu ffinalizzati dawn il-pjanijiet. San Ġiljan - Is-sena l-oħra kienet tlestiet l-ewwel fażi ta' tisbiħ tal-promenade fi Triq G Borg Olivier. Minn Ottubru 2001 tkompla x-xogħol fuq: Tkomplija ta' xogħol ta' tisbiħ fuq il-promenade. Xogħol fuq il-bini tal-Klabb tal-waterpolo ta' San Ġiljan b'mod li l-promenade tkun tista' titwessa' fl-inħawi. Bħalissa għaddej xogħol fil-baħar biex isir it-twessiegħ tal-parti dejqa ta' Triq G Borg Olivier. Għadu kif inbeda xogħol b'kuntratt fuq il-bankini, n-naħa tar-residenti ta' Triq G Borg Olivier, li ser ikompli bix-xogħol ta' wiċċ ġdid bit-tarmac fl-istess triq. Meta jitlesta x-xogħol imsemmi, hu stmat li tkun intefqet is-somma ta' madwar Lm750,000. B'Bugia - Qed isiru pjanti biex jiġi msebbaħ ix-xatt fl-inħawi tal-Qajjenza. M'Scala - Bajja ta' San Tumas - Ser titkompla l-promenade fi Triq iż-Żonqor. Ġiet ippubblikata tender għat-tkomplija tar-restawr tat-torri ta' San Tumas. Beda x-xogħol ta' tisbiħ fil-bajja ta' San Tumas fuq bankini ġodda, pavimentar ġdid u re-surfacing ta' żewġ car parks. Stima ta' dan ix-xogħol - Lm140,000.