Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18174 u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16921, jista' il-Ministru jgħid min kienu l-konsulenti konċernati u xi ħlas rispettiv ħadu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 18141 u 17984, jista' il-Ministru jgħid li f'każ li l-helicopter ma jkunx jiffunzjona minħabba manutenzjoni, bħalma diġa' ġara riċentement, hemmx xi obbligu impost fuq is-service provider sabiex jipprovdu helicopter ieħor minflok?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn x'inżid ma' dak li għidt fir-risposti ta' qabel.
Peress li meta bdew ix-xogħlijiet fuq it-terminal ta' l-Imġarr, Għawdex ġew żgumbrati xi sidien tal-ħwienet għaliex fejn kien hemm dawn il-ħwienet se jiġi l-istess terminal, jista' il-Ministru jgħid meta dawn is-sidien se jingħataw post alternattiv u fejn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li meta jitlesta t-terminal ta' l-Imġarr Għawdex, il-faċilitajiet kollha marbuta ma' dan l-istess terminal se jingħataw b'kera (lease) lill-Gozo Channel Co. Ltd, bħala operatur tas-servizz bejn żewġ gżejjer. Dan il-lease agreement (Harbour Agreement) bejn l-Awtorita' Marittima u l-Gozo Channel se jkun finaliżżat dalwaqt.
Għaldaqstant, matul il-perjodu tal-kera kull talba għal post ġewwa t-terminal, għandha ssir lill-Gozo Channel Co. Ltd. wara li jkun ġie ffinaliżżat il-Harbour Agreement.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm passiġġieri ġew Malta bi cruise liners s-sena l-oħra u din is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' passiġġieri li ġew Malta bi Cruise Liners matul is-sena 2004 kien ta' 291,225, filwaqt li matul is-sena 2005 ġew 320,263 passiġġier.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17984, jista' il-Ministru jgħid meta se jerġa' jibda jopera l-helicopter? In oltre għal liema raġuni ma ġiex helicopter ieħor sabiex isir is-servizz waqt li tkun qed issir il-manutenzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex ġie lura għan-normal fil-31 ta' Marzu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Malta International Airport reġgħetx għolliet il-ħlasijiet fuq il-passiġġieri li jgħaddu mill-ajruport ta' Malta? B'kemm għolew il-ħlasijiet? Għaliex għolew? Xi studju sar fuq l-impatt ta' din il-miżura fuq it-turiżmu dwar il-kompetittivita' internazzjonali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Airport Charges li jinkludu ħlasijiet fuq passiġieri li jgħaddu mill-ajruport ta' Malta ser jinbidlu mill-ewwel ta' April 2006. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif huma u kif ser jiġu il-passenger Service Charge u s-Security Fee.
Ta' min jgħid illi l-Airport Charges jiġu ffissati skond ir-regolamenti msejħa Regolamenti Ekonomiċi ta' l-Ajruport ta' 2001 pubblikati b'Avviż Legali 299/2001.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' burdnara fl-aħħar għaxar snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-liċenzji għall-burdnara jiġu maħruġa mid-Dipartiment tad-Dwana. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm każi pendenti quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur u kemm ilu jistenna l-itwal każ li hemm quddiemu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-każijiet pendenti quddiem it-tribunal huma kif ġej:
71 każ huma reġistrati ġodda sa l-14 ta' Marzu, 2006 quddiem it-Tribunal.
18-il-każ għandhom appuntament u ser jibdew jinstemgħu quddiem it-Tribunal fil-ġimgħat li ġejjin.
19-il-każ diġa' dehru quddiem it-Tribunal u għadhom qed jinstemgħu.
L-itwal każ li hemm quddiem it-Tribunal huwa CCT 89/05 li kellu l-ewwel appuntament fid-29 ta' Awissu 2005, saru diversi seduti oħra, issa l-aħħar seduta hija diferita għall-21 ta' Marzu, 2006.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17551 u jgħid xi pjani hemm biex jitjiebu l-aċċess u l-faċilitajiet fil-Port il-Kbir biex inkunu nistgħu nilqgħu fostna vapuri ikbar tal-passiġġieri fis-snin li ġejjien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-kuntest ta' bastimenti tal-passiġġieri fil-Port il-Kbir huwa fatt magħruf li dawn il-bastimenti qed kull ma jmur jikbru. Il-Port il-Kbir, bħal kull port ieħor, jista jkollu l-limitazzjonijiet tiegħu sew fid-daqs ta' bastimenti kif ukoll fis-sigurta' ta' navigazzjoni f'ċertu kundizzjonijiet tat-temp.
L-Awtorita' Marittima ta' Malta għadha kif għamlet studju dwar x'kundizzjonijiet jeżistu. Dan jinkludi evalwazzjoni ta'' riskju fin-navigazzjoni kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar kif ċerti diffikultajiet jistgħu jiġu megħluba waqt li jiġu rispettati salvagwardji ta' navigazzjoni. L-Awtorita' Marittima qed ukoll tagħmel studji ġeotekniċi dwar il-faċilitajiet infrastrutturali fil-port. Qegħda wkoll fil-proċess li tiżviluppa għodod ġodda li jgħinu fid-dħul u ħruġ ta' bastimenti skond ċirkostanzi tat-temp partikulari.
Waqt li mhux iikunsidrat tibdil fil-konfigurazzjoni tal-aċċess għal Port il-Kbir, b'riżultat ta' studji li saru qed jiġu mistħarrġa miżuri li jgħinu sabiex diffikultajiet eżistenti jiġu megħluba skond parametri ta' sigurta' adegwata. Dawn il-miżuri jinkludu l-provediment ta' strumenti li jidentifikaw il-kundizzjonijiet tat-temp f'ħin reali, titjib infrastrutturali u żieda fil-fond tal-ilma mal-mollijiet kif ukoll taħriġ neċessarju għal min jipprovdi servizzi nawtiċi.
Jista' il-Ministru jgħid meta nħarġet l-offerta għal landscaping tal-moll tal-Cottonera Waterfront? Minn min intefgħu l-offerti u x'kienu l-valuri rispettivi ta' l-offerti? Min rebaħ dan ix-xogħol u meta mistenni jitlesta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li għal din il-ġimgħa mhux se jkun hemm titjiriet bil-helicopter bejn Għawdex u Malta u lura? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex twaqqaf minħabba xogħol ta' manutenzjoni fuqu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-inġenji li hemm fil-portijiet tal-Belt Valletta (Laboratory Wharf) humiex ċertifikati għall-użu mill-health and safety department?
Jekk m'humiex, l-ente li eventwalment tieħu t-tmexxija ta' portijiet se tkun tista' tibqa' tuża l-istess inġenji?
Jekk m'hemmx ċertifikati, x'qed jagħmel il-gvern biex jassigura li l-ħaddiema tal-port ma jkunux jaħdmu f'periklu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-inġenji użati għall-ħatt u tagħbija tal-merkanzija minn fuq il-vapuri f'Xatt il-Laboratorju huma ċertifikati skond kif mitlub mill-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tas-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-xogħol. Din iċ-ċertifikazzjoni ssir kull sena.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se tonfoq l-Awtorita' ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni biex tmur f'uffiċini ġodda, kemm f'dik li hi kera kif ukoll l-ispiża totali li ser tintnefaq biex il-post fil-Valletta Waterfront jista' jiġi wżat mill-awtorita' (jiġifieri l-ispiża kapitali)? Jista' jikkonferma wkoll jekk il-VISET kenux issottomettew offerta meta din kienet inħarġet mill-MCA? Approvaha l-Ministru din l-ispiża? X'kienu l-fatturi li wasslu biex l-awtorita' għażlet il-Valletta Waterfront u mhux l-offerti l-oħra li kienu sottomessi? Jista' jgħid ukoll kemm nefaq il-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament f'safar u spejjeż relati, bħal lukandi, subsistence allowances, eċċ. bejn Jannar u Diċembru 2005? X'kienu d-destinazzjonijiet u l-iskop ta' kull vjaġġ? Kemm dam barra mill-uffiċċju tul dan is-safar?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq rigali li ngħataw minnu jew mill-istaff privat tiegħu, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, matul l-2003, 2004, 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid lil min ingħataw, fiex kien jikkonsisti r-rigal li ngħataw, kemm qam flus, minfejn inxtara u min approva x-xiri tiegħu? Jista' jgħid x'rigal ingħata hu bħala Ministru b'reċiproċita'?
B'riferenza għall-opri tal-baħar li qabel ma saret il-marina fl-Imġarr, Għawdex kellhom irmiġġijiet fil-port u li mbagħad meta saret il-marina is-sajjieda ġew mogħtija pontoos bi prezz sussidjat, jista' il-Ministru jgħid jekk f'każ li l-istess marina tgħaddi f'idejn il-privat jew isir xi arranġament ieħor, x'garanzija se jkollhom dawn is-sajjieda u sidien oħra li l-prezzijiet li qed iħallsu bħalissa se jibqgħu l-istess?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għadu kmieni sabiex wieħed jgħid x'kundizzjonijiet hemm ta' kif ser tiġi privatiżżata l-marina ta' Għawdex jew xi marina oħra. Madanakollu, kif ġara s'issa fi proġetti simili dejjem ittieħdu l-kunsiderazzjonijiet kollha taċ-ċirkostanzi tas-sajjieda u dilettanti tal-lokal, li kellhom drittijiet ta' rmiġġi.
Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Kiri ta' Karozzi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet matul l-2005?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' karozzi mikrija mill-Ministeru, Dipartimenti u Enti oħra hu tnax. L-ispiża totali għal dawn il-kirjiet matul is-sena 2005 kienet dik ta' Lm22,847.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jinstema l-każ bin-numru tar-referenza 2005/12/61 dwar Defective DVD ta' ditta partikolari li isimha qed jintbagħat separatament, quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-każ b'riferenza 2005/12/61, waslet fl-uffiċju tat-Tribunal għall-Konsumatur fit- 22 ta' Frar 2006.
Dan il-kaz qigħed in-numru 59, fil-lista tal-każi pendenti u li x'aktarx imissu li jinstema lejn l-aħħar nofs tax-xahar ta' April 2006.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw, inkrew jew ġew leased karozzi fil-ministeru u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament bejn Ottubru sa Diċembru 2005 u mill-1 ta' Jannar sal-lum separatament? X'inhi ċ-ċilindrata ta' dawn il-karozzi u x'tip ta' fuel jużaw?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bejn Ottubru u Diċembru 2005 ma nxtrat jew inkriet ebda karozza ġdida mill-Ministeru jew l-Enti li jaqgħu taħt id-Dekasteru tiegħi.
Mill-ewwel ta' Jannar sal-lum inxtrat karozza waħda diesel ta' 2,000ccc.
Tribunal tal-Konsumatur — Ħlas ta' kumpens għal danni materjali
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kienu l-każi li fihom negozjanti jew ditti ġew ordnati jħallsu kumpens għal danni materjali l-konsumaturi mit-Tribunal tal-Konsumatur fl-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-każi li fihom negozjanti jew ditti ġew ordnati jħallsu kumpens għal danni materjali l-konsumaturi mit-Tribunal tal-Konsumatur fl-aħħar ħames snin, sena b'sena kienu hekk:
2000 120 każ
2001 138 każ
2002 137 każ
2003 150 każ
2004 141 każ
2005 302 każ