Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi – Għassa — Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta’ membri tal-Pulizija li jinsabu assenjati mal-għassa ta’ Ħal Qormi u jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiżdiedu? Jekk iva, b’kemm u meta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fit-18 ta’ Ottubru 2016 fl-għassa ta’ Ħal-Qormi kien hemm stazzjonati tnejn u tletin (32) membru tal-Korp. Dawn huma kif jidher fit-tabella aktar l-isfel. Żieda f’dan in-numru jiġi kkonsidrat jekk l-esiġenzi tas-servizz jirrikjedu hekk. Rank Ammont Supretendent 1 Spettur 1 Surġent Maggur 1 Surġenti 4 Kuntistabbli rġiel 13 Kuntistabbli nisa 6 Pulizija ta’ riserva 6 Total 32

Fire Engines – bdil ta’ flotta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar tibdil fil-flotta tal-fire engines? Kemm hemm fire engines ġodda? Kemm se jaslu din is-sena? X'hemm maħsub għall-ġejjieni? X'tip ta' fire engines ġejjin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li d-dettalji mitluba huma kif ġej: · Xiri ta’ tlett (3) Fire Engines second hand mill-Ingilterra fis-sena 2014 għal kontra n-nirien domestici · Xiri ta’ Fire Engine ġdida fis-sena 2014 għat-tifi ta’ nar rurali. · Xiri ta’ tlett Fire Engines oħra ġodda 2015 għat-tifi ta’ nar rurali. · Xiri ta’ sitt (6) Light Fire Engines bħala fast response f’nar u salvataġġ u Foam carrier għall-nirien industrijali li għandhom jaslu fl-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena (2016). · Xiri ta’ ħdax (11) il-Fire Engine għall-ġar ta’ ilma u tifi ta’ nar domestiku u industrijali kif ukoll USAR Truck li għandhom jaslu sa’ l-aħħar tas-sena d-dieħla (2017). · Xiri ta’ żewġ (2) Industrial Fire Trucks li għandhom jaslu sa’ l-aħħar tas-sena d-dieħla (2017) · Barra minnhekk hemm ftehim mad-Dipartiment tal-Finanzi li l-vetturi kollha tad-DPC li jammontaw għal madwar hamsin (50) jiġu mibdula kollha fuq pjan ta’ ħames (5) snin.

Protezzjoni Ċivili – ftehim settorali tal-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar ftehim settorali tal-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili? Hemm ħsieb li jinbidel? Kif se jsir dan? Il-Union tal-Protezzjoni Ċivili għandha sehem fih?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li ftheim Settorali tal-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili sar wieħed biss u dan kien iffirmat fis-7 ta’ Novembru 1997. Peress li issa ilu kważi għoxrin sena hemm ħsieb li jinbidel u l-Ministeru diġà ltaqa’ mal-Union tal-Protezzjoni Ċivili fuq dan il-għan.

Sejħiet ta’ emerġenza – sejħiet foloz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet għall-emerġenza din is-sena? Kemm kien hemm minnhom li kienu sejħiet foloz?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Emerġenzi mill 1 ta’ Jannar sa 31 t’Awwissu 2016 kienu jammontaw għal-3311, minnhom kien hemm 276 –il sejħa falza.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jippromovi lilu nnifsu? X'użu qed jagħmel mill-media? Kemm saru żjarat fl-iskejjel?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jagħmel bosta promozzjoniet. Mill-bidu tas-sena 2016 sal-aħħar ta’ Settembru kellna 75 preżenza fuq il-media li kienu mqassmqa kif jidher hawn taht: Gazzetti / Portals 13 TV 53 Radju 09 Total 75 Barra minn dan ikollna diversi żjarat fl-iskejjel mill-membri tad-Dipartiment jew inkella diversi studenti ta’ kull età mid-diversi skejjel kemm tal-Gvern, tal-Privat kif ukoll dawk tal-Knisja li jżuru xi wieħed mill-istazzjonijiet li għandu d-Dipartiment madwar Malta u f’Għawdex. Mill-bidu tas-sena sa Settembru 2016 kellna 59 vista u magħhom nistgħu nżidu wkoll it-taħditiet li jkollna fl-iskejjel jew entitajiet oħra li sa issa kellna li kienu 31.

Forzi Armati ta’ Malta – investiment kapitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar investiment kapitali fil-Forzi Armati ta’ Malta bejn Marzu 2013 sad-data li fiha tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fil-perijodu msemmi fil-mistoqsija, l-investiment kapitali fil-Forzi Armati ta’ Malta, kien ta’ €54,694,929 u l-Forzi Armati ta’ Malta diġa qed tieħu frott minnhom. Ġew kommessi wkoll €77,811,000 li bħalissa qed isiru arranġamenti biex il-FAM tibbenefika minnhom.

Forzi Armati ta’ Malta – Uffiċjali fil-gradi ta’ Logutenet Kurunell u Kurunell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bejn l-2008 u Marzu 2013 ġewx promossi Uffiċjali fil-gradi ta’ Logutenet Kurunell u Kurunell fil-Forzi Armati ta’ Malta mingħajr ma’ kien hemm vakanza għalihom? Jekk iva, jista’ jgħid kemm-il wieħed kien hemm f’kull rank u x’kienet ir-raġuni għalfejn kienu ġew promossi? Jista’ jgħid ukoll jekk l-imsemmija kenux ġew promossi wara xi sejħa u proċess ta’ selezzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi ma ġewx promossi Uffiċjali fil-gradi ta’ Logutenet Kurunell u Kurunell fil-Forzi Armati ta’ Malta mingħajr ma kien hemm vakanza.

Korp tal-Pulizija – ħlas ta’ allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija, f’kull branka, li preżentament jitħallsu allowance kull xahar, minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom f’xi waħda mill-branki tal-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li skond l-aħħar rapport ta’ allowances ta’ Gunju 2016, l-ammont ta’ membri fil-Korp tal-Pulizija, minn kull branka, li preżentament jitħallsu allowance kull xahar minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom, kien jammonta għal disa mija u erbgħa u erbgħin (944).

Korp tal-Pulizija – ħlas ta’ allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu f’allowances il-membri tal-Korp tal-Pulizija fis-sena 2015 u fl-ewwel 9 xhur tal-2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-sena 2015 tħallas l-ammont ta’ Euros 8,326,094.70 f’allowances lil-membri tal-Korp tal-Pulizija, filwaqt li sas-7 ta’ Settembru 2016, l-ammont kien ta’ Euros 6,144,660.86.

Korp tal-Pulizija – membri tal-korp li ma jitħallsux allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li ma jirċievu ebda ħlas ta’ allowance għax-xogħol li jagħmlu fil-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kull membru tal-Pulizija li jaħdem full time jirċievi ‘Police Duty Allowance’. Kuntistabbli tar-Riżerva huma eżenti minn din l-allowance, minħabba l-kuntratt speċifiku tagħhom.

Korp tal-Pulizija – sigħat ta’ taħriġ għall-membri tal-Korp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sigħat ta’ taħriġ għall-membri kollha fil-Korp tal-Pulizija fis-sena 2015 u fl-ewwel 9 xhur tas-sena 2016?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Korp tal-Pulizija — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sigħat ta’ overtime li nħaddmu mill-membri tal-Korp tal-Pulizja fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2016 u għas-sena 2015 kollha? Jista’ jagħti din l-informazzjoni maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid kemm tħallsu xahar b'xahar f’ overtime il-membri tal-Korp tal-Pulizija fl-ewwel 9 xhur tas-sena 2016 u fis-sena 2015 kollha?

Response (ABELA, CARMELO)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas ta’ overtime jinħadem kull erba’ gimgħat u mhux xahar x’xahar ninfurmah ukoll li s-siegħat maħduma minn membri tal-Korp, huma kif jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. It-tieni parti tat-tabella turi l-ammont ta’ sieghat kif ukoll il-ħlas relatat għal overtime li nħadem mill-membri tal-Korp tal-Pulizja fl-ewwel disa’ pagamenti tas-sena 2016.

Traffikar ta’ drogi — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27488, u jgħid kemm ġew arrestati persuni f’Għawdex b’konnessjoni ma’ traffikar ta’ droga mill-1 ta’ Jannar 2016 sat-30 ta’ Settembru 2016? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni tressqu l-Qorti fl-istess perjodu akkużati bi traffikar ta’ droga?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn Jannar u l-aħħar ta’ Settembru 2016, kien hemm sitt persuni li ġew arrestati f’Għawdex b’konessjoni ma traffikar ta’ droga. Sal-lum tnejn minn dawn il-persuni tressqu quddiem il-Qorti u ġew akkużati bi traffikar.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – żieda ta’ priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ li bih żdied in-numru globali ta’ priġunieri residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sena b’sena mill-2005 sal-2015? Għall-istess snin, kemm kienu l-persentaġġi ta’ priġunieri Maltin kif ukoll dawk barranin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – residenti żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ residenti żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena li daħlu fil-Faċilità mill-2010 sal-2015 sena b’sena? Jista’ jgħid kemm minn dawn ir-residenti reġgħu daħlu fil-Faċilità Korrettiva wara li kienu skuntaw is-sentenza? Kemm minn dawn ir-residenti kellhom każi pendenti fil-qorti qabel ma daħlu fil-Faċilità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – ingaġġ ta’ professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu ingaġġati professjonisti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul l-2015 sal-lum u jekk hemmx xi applikazzjonijiet pendenti għall-ingaġġ ta’ aktar professjonisti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2015 ma kien hemm l-ebda ingaġġ ta’ profesjonisti. Matul is-sena 2016, l-ingaġġ ta’ profesjonisti kien kif ġej: 4 Care Plans Coordinators (2 ingaġġati u 2 għadu għaddej il-proċess biex jiġu ngaġġati) 1 Psychology Assistant (għaddej ukoll il-proċess bies jiġu ngaġġati tlieta oħra)

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu rigward priġunieri żgħażagħ li bħalissa qed jinżammu fit-Taqsima ‘YOURS’ tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ġewwa l-Imtaħleb?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa l-Gvern jinsab fil-proċess tat-twettieq ta’ proġett ta’ estensjoni għat-taqsima YOURS. Il-proġett, li qed isir permezz ta’ għajnuna finanzjara min-Norwegian Fund, jinkludi titjib fil-faċilitajiet, ċ-ċelel u spazji aktar addattati għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Din l-estensjoni tinkuldi ukoll sezzjoni għal priġunieri femminili żgħażagħ. Xi ħaġa li sa issa qatt ma’ kien hemm. Fl-istess waqt qed issir ħidma sabiex jiġi imfassal program għas-sistema ta’ operat ibba¿ata fuq l-inċentivi u l-privileġġi imsejħa ‘Incentives and Earned Privileges System’, fejn kull individwu jiġi mgħejjun jaħdem fuqu innifsu u jtejjeb l-imġieba tiegħu u dan wara li kull priġunier isirlu pjan ta’ kura sabiex jirċievi l-għajnuna meħtieġa waqt li jkun qiegħed fit-Taqsima YOURS. L-edukazzjoni, sport u s-servizzi riabilitattivi jiffurmaw parti minn dan il-pjan ta’ kura.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – station officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar ingaġġ ta' station officers fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (DPĊ)? Kemm ilu ma jkun hemm sejħa għal station officer? Kemm għandu station officers id-DPĊ? Kif qed jaħdmu? X'żied id-DPĊ b'dan l-aħħar ingaġġ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-aħħar ingaġġ ta’ Station Officers sar fit-22 ta’ Ġunju 2016 u ġew ingaġġati 8 station officers. Is-sejħa ta’ qabel għall-iStation Officers kienet saret fl-4 ta’ Novembru 2002 u dakinhar ġew ingaġġati 6 station officers. Id-Dipartiment issa għandu 13-il station officer (wieħed minnhom fil-preżent jinsab sospiż u qabel is-sospensjoni kien qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu f’Dipartiment ieħor). Dawn l-istation officers qed jaħdmu b’xift ta’ Day, Day, Rest, Off, (13 hrs, 13 hrs, rest, off) u qed jiggwadanja li f’kull stazzjon maġġur ikun hemm żewġ station officers jieħdu ħsieb u mhux wieħed. Minbarra dan l-istation officers issa qed idumu fuq il-post tax-xogħol sat-20.00 u mhux kif kienu sa ftit taż-żmien ilu sal-15.00 b’hekk apparti li hemm station officer f’kull stazzjon dan qed ikun preżenti fl-istazzjon għall-5 sigħat iktar. Ukoll issa minflok duty officer wieħed li jrid ilaħħaq ma’ Malta kollha bil-lejl, issa ser ikun hemm bejn 5/6 uffiċjali li jaħdmu ta’ Duty officers u dawn ser jitqassmu fuq l-area tagħhom. Dan seriservi biex ikun hemm iktar effiċjenza fl-operat ta’ emerġenzi maġġuri fejn il-preżenza ta’ station officer tkun meħtieġa.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – full complement

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hemmx full complement? Jekk le, xi kemm jonqos personnel biex dan jintlaħaq?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-complement attwali huwa ta mija disa u sittin. Fil-preżent qed isir eżerċizzju ta’ ‘capacity building’ tar-riżorsi umani li dan id-dipartiment għandu bżonn.

Parole – ħruġ ta’ priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri li ħarġu fuq parole minn meta għaddiet il-liġi, sal-ġurnata li tkun qed tinqara din id-domanda, sena b’sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-sena 2013 ingħataw erba’, fis-sena 2014 ingħataw tnejn u għoxrin, fis-sena 2015 ingħataw erba’ u għoxrin u fis-sena 2016 (sa Awwissu) ngħataw dsatax il-liċenzja tal-Parole.