Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bumunqar tal-Palm — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’Għawdex kienx hemm każi ta’ palm milqut mill-ħanfusa Bumunqar tal-Palm?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-ewwel każ tal-ħanfusa Bumunqar tal-Palm f’Għawdex kien irreġistrat fl-2012.

Bejgħ ta’ prodotti agrikoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħħal flus mill-bejgħ ta’ prodotti agrikoli, inkluż ħalib, mill-farm tal-Għammieri, sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Bdiewa u Raħħala – għajnuna – xiri ta’ inġenji tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna mill-Gvern lill-bdiewa u lir-raħħala biex jixtru inġenji tax-xogħol, sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mill-2013 sal-lum ingħataw €5,187,715 f’għajnuna lill-bdiewa biex jixtru inġenji tax-xogħol. Ninsab infurmat ukoll li din l-għajnuna ngħatat permezz tal-miżura 121 tal-programm ta’ ¯Żvilupp Rurali 2007-2013 taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

Ta’ Qali — Investimenti fil-pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema ser ikunu l-investimenti li ser isiru fil-pitkalija f'Ta' Qali, fil-kumplament ta' din is-sena?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-investimenti pproġġettati għal din is-sena u li s’issa diġà ħarġu t-tenders għalihom huma għat-tiswija estensiva fuq il-magna tal-ħasil tal-kaxxi u għat-tiswija estensiva tas-soqfa tax-sheds tal-pitkala.

Prodotti Agrikoli esportati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-valur tal-prodotti agrikoli esportati minn Malta sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Agrikoltura ma jiġborx din l-informazzjoni għax ħadd mhu obbligat jirrapporta meta jkun qiegħed jesporta u/jew jbiegħ fuq is-suq intern fil-pajjiżi tal-UE. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Prodotti agrikoli importati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-valur tal-prodotti agrikoli importati mill-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi terzi, sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24263.

Produzzjoni ta’ felu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il felu ġie prodott (mgħalef tal-annimali) mill-farm tal-Għammieri sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li ma ġie mkabbar l-ebda felu mill-2013 ‘il quddiem ġewwa l-farm tal-Għammieri.

Mard taż-Żebbuġ — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jieħu l-Gvern biex il-marda tas-siġar taż-żebbuġ (il-mikrobu Xylella) li hemm fl-Italja ma jidħolx f’Malta wkoll?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed jimxi mal-miżuri maħruġa taħt il-legiżlazzjoni tal-UE “Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2015/789 UE tat-18 ta’ Mejju,2015 rigward miżuri biex jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella Fastidiosa (Well u Raju), u l-ammendi tagħha. L-Abbozz ta’ Avviż Legali “Kontroll tal-Xylella Fastidiosa (Wells et al.) Regolamenti, 2016” ġie ppreparat u bħalissa qiegħed fi stadju ta’ konsultazzjoni pubblika li waslet biex tintemm. Ninsab infurmat ukoll li l- Unit tas-Sorvelljanza u l-Infurzar fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed jagħmel spezzjonijiet regolari fuq konsenji ta’ pjanti li ġejjin minn pajjiżi tal-UE fejn jinstab il-batterju tal- Xylella fastidiosa . Qegħdin jittieħdu kampjuni każwali għall-pjanti li jidħlu Malta sabiex jiġu ttestjati għal dan l-organiżmu. Aparti minn hekk, infurmat ukoll li qegħdin isiru spezzjonijiet fil-portijiet fejn jidħlu l-Catamaran u l-Grimaldi Ferries, tant li flimkien ma’ dan, id-Direttorat vara kampanja ta’ informazzjoni għall-pubbliku ġenerali u entitajiet kummerċjali fosthom filmati, fuljetti, kif ukoll xi preżentazzjonijiet waqt laqgħat.

Awtorità — Regolatur tal-barrieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-awtorità uffiċjali responsabbli mir-regolamentazzjoni tal-barrieri u ċjoè liema hi dik l-awtorità li tiddikjara barriera bħala exhausted?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-Awtorità responsabbli hija l-Malta Resources Authority flimkien mal-Environment and Resources Authority u dan sakemm tal-ewwel tkun amalgamata fi ħdan tal-aħħar.

MEPA — Management Board tad-Dwejra

Question

In vista tar-risposta tal-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 24108, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Management Board tad-Dwejra f'Għawdex fi ħdan dik li kienet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għadux jiffunzjona? Jekk għadu jiffunzjona, min huma l-membri ta' dan il-Bord u meta l-aħħar li ltaqa'?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-Management Board tad-Dwejra f’Għawdex mwaqqaf mill-MEPA iltaqa’ l-aħħar fl-2012. Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorità ta’ l-Ambjent u r-Rizorsi, għadha ma ħatritx Bord ġdid.

Siġar u arbuxxelli — tisqija

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul x-xhur ta' Marzu u April kemm-il darba ssaqqew l-eluf ta' siġar u arbuxxelli li tħawlu fl-aħħar snin fis-sit fejn kien hemm il-Miżbla tal-Qorti fix-Xagħra? Jista' jgħid għaliex ħafna minn dawn is-siġar jidhru li mietu minħabba nuqqas ta' ilma?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-kwantitajiet ta’ ilma li ntużaw s’issa din is-sena biex jissaqqew is-siġar li hemm il-Qortin huma kif ġej:- Jannar 2016 - 90,000lts Frar 2016 - 90,000lts Marzu 2016 - 240,000lts April 2016 - 240,000lts Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tliet ritratti li ttieħdu nhar il-Ħamis 28 ta’ April, waqt inspezzjoni li saret, li juru l-kundizzjoni preżenti tas-siġar u arbuxxelli fil-Qortin. Ninsab infurmat ukoll li ġie kkonfermat li dawn qegħdin f’kundizzjoni tajba. Jekk hemm xi siġar li preżentament jidhru mejtin, ir-raġuni ta’ dan hija li hemm speċi, magħrufa bħala Medicago arborea , li hija “Summer deciduous”, jiġifieri li tkun “dormant” u allura ma tħaddarx f’perjodi li waqthom tkun esposta għal temperaturi għoljin bħal ma qed nesperjenzaw bħalissa. Din mhijiex konsegwenza ta’ nuqqas ta’ ilma u dawn is-siġar m’għandhomx jiġu meqjusa bħala mejtin. Dan huwa proċess naturali u ladarba jerġa’ jibda jiksaħ it-temp, din terġa’ tibda tħaddar. Ninsab infurmat ukoll li għalkemm is-siġar u arbuxxelli li hemm il-Qortin jiġu esposti kuljum għall-klima ħarxa ħafna, it-telf ta’ siġar dejjem kien minimu ħafna u nikkonfermaw li r-rata ta’ suċċess tas-siġar fil-Qortin hija waħda ta’ 95%.

Farm fl-Għammieri – infiq fi ġwież għall-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-gvern jonfoq fi ġwież għall-annimali li qed jitrabbew fil-farm tal-Għammieri xahar b' xahar minn Jannar 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Pjan ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati – infrazzjoni ta’ regolamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm infrazzjonijiet tar-regolamenti tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Irziezet tal-annimali trasformati f’residenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm irziezet tal-annimali li ġew trasformati f’residenzi sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Żieda fir-raba’ saqwi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu previst li jiżdied ir-raba’ saqwi fis-snin li ġejjin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-Dipartiment ma’ jagħmilx assunzjonijiet u/jew previżżjonijiet li qed jistaqsi fuqhom l-Onor. Interpellant u li jiddependu minn bosta fatturi u kundizzjonijiet li m’għandux kontroll fuqhom. Madankollu, ninsab infurmat ukoll li l-Gvern, permezz tas-SEWCU għaddej bi proġetti tat-tisfija tal-ilma tad-drenaġġ għall-produzzjoni ta’ ilma għat-tisqija li permezz tiegħu għandu jiżdied ir-raba’ saqwi.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati u l-grad tagħhom fid-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu (inklużi dawk li jaqgħu taħt is-Segretarju Parlamentari li hu responsabbli minnu) sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li b’żieda mar-risposta għal-Mistoqsija Parlamentari 22913 li n-numru ta’ impjegati u l-grad tagħhom fid-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi (inklużi dawk li jaqgħu taħt is-Segretarju Parlamentari) sena b’sena mill-2013 sa 2015 huma kif jidhru f’Appendiċi H (paġna 390 u 391) tal-Estimi Finanzjarji għall-2014 u f’Appendiċi K (paġna 349 u 350) tal-Estimi Finanzjarji għall-2015 kif ippubblikati mill-Ministeru tal-Finanzi u li kopja tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Farms tal-Baqar — rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm farms tal-baqar li qed jistennew li jiġu rilokati sena b’sena mill-2012 sal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor Interpellent li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Farm Advisory Services – pjanijiet ta’ fertilazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru pjanijiet ta’ fertilazzjoni mill-Farm Advisory Services (FAS) kemm ilha li ġiet imwaqqfa din l-organizzazzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi n-numru ta’ pjani ta’ fertilazzjoni mill-2014 sal-lum kien ta’ 3,505.

Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali – Annimali miġbura mill-ambulanzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru annimali mill-ambulanzi tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.