Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjonijiet — Pensjoni tal-vittmi tal-gwerra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiżdied il-pensjoni tal-vittmi tal-gwerra li minbarra li huma ftit fin-numru jieħdu ammont pjuttost żgħir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-informazzjoni mogħtija fil-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant, jidher li hu qiegħed jirreferi għal skema ta' pensjoni li ma taqax taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali u li titħallas mit-Teżor. Għaldaqstant nitlob lil Onor. Interpellant li jressaq il-Mistoqsija tiegħu lil Onor. Ministru tal-Finanzi. 25.1.99

Impjiegi — Parti time cleaners

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk impjegati li jaħdmu on a parti-time basis ma' kumpanniji ta' cleaners humiex obbligati li jidħlu jaħdmu wkoll is-sibtijiet u l-ħdud u dan mingħajr ebda ħlas żejjed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ħlas lill-ħaddiema meta jkunu morda u ħlas lill-ħaddiema b'rata ta' "overtime" meta jaħdmu aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa hu possibli permezz ta' regolamenti li joħorġu minn "Wages Councils" jew minn kundizzjonijiet miftehma f'"Collective Agreement". Id-ditti tal-"Cleaning Services" ma jaqgħux taħt "Wages Councils" u għalhekk m'humiex koperti b'benefiċċji oħrajn minbarra l-leave b'vaganza u l-paga minima li huma ġa regolati b'"National Standard Orders". Għalkemm hemm "National Standard Orders" li jipprovdu għal-leave pro rata u rata minima ta' ħlas għal "part-timers" għad m'hemmx "National Standard Order" li tipprovdi għal ħlas extra għal "part-timers" li jaħdmu s-Sibt u l-Ħadd. M'hemm xejn xi jżomm employer li jħaddem "part-timers" is-Sibt u l-Ħadd. Qiegħed nara x'jista jsir biex is-sistema ta' "National Standard Orders" tiġi estiża biex tkopri benefiċċji oħrajn minbarra dawk li huma ġa regolati b' "National Standard Orders". 25.1.99

Assistenza Soċjali — Single parents

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux jiġi kkonsidrat li ssir reviżjoni fir-rigward ta' single parents li jgħixu bl-assistenza soċjali u li malli t-tfal dipendenti jagħlqu 16-il sena titnaqqsilhom l-għajnuna u ħafna minnhom isibuha diffiċli finanzjarjament biex imbagħad iħallu lil uliedhom ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ġenituri singli li jgħixu bl-Għajnuna Soċjali ma titnaqqsilhomx din l-Għajnuna dment li t-tfal tagħhom ikun għadhom ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom. Huwa biss meta t-tfal ma jibqgħux dipendenti mill-omm peress li huma jibdew jaħdmu li l-Għajnuna Soċjali tonqos. 25.1.99

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Inċidenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rrapportati inċidenti fuq il-post tax-xogħol lid-Diparitment tas-Sigurta' Soċjali bejn il-5 ta' Settembru u l-aħħar ta' Diċembru, 1998? Kemm kienu nisa u rġiel? Kemm kien in-numru ta' inċidenti fatali li sofrew il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u x'investigazzjonijiet isiru mid-dipartimenti f'ċirkostanzi bħal dawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali rċieva, bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-31 ta' Diċembru 1998, 1446-il talba għal benefiċċju tal-korriment li 143 saru minn nisa u 1303 minn irġiel. Id-Dipartiment tax-Xogħol sar jaf, jew kien infurmat b'ħames inċidenti fuq il-post tax-xogħol li kkaġunaw fatalita'. F'ċirkustanzi bħal dawn, l-Ispetturi tat-Taqsima tas-Saħħa u s-Sigurta' tad-Dipartiment tax-Xogħol jagħmlu dawk l-investigazzjonijiet indikati biex tiġi stabbilita l-kawża tad-diżgrazzja. Dawn l-investigazzjonijiet isiru skond l-Att numru VII tal-1994, u jsiru separatament minn kwalunkwe Nkjesta Maġisterjali li tkun qed issir fl-istess ħin. 21.1.99

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li fl-aħħar ġimgħat tnaqqset l-għajnuna soċjali lill-persuna minn Tas-Sliema li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament peress li dan it-tnaqqis qed joħloqilha problemi serji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. 21.1.99

Djar — Lifts

Question

B'riferenza għall-policy ġdida li l-Gvern qed ifassal sabiex jiġu stallati lifts ġodda fil-Housing Estate, jista' l-Ministru jinformani kemm saru laqgħat mill-5 ta' Settembru, 'il hawn dwar din il-policy? Ma' min saru dawn il-laqgħat, x'ġie diskuss u meta huwa pproġettat li l-gvern jwettaq din il-policy? Huwa f'pożizzjoni l-Ministru li jgħid meta se jiġu stallati l-lifts fil-Housing Estates tal-Mellieħa, Mġarr, San Pawl il-Baħar u tar-Rabat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fit-3 ta' Novembru 1998, saret l-ewwel laqgħa tiegħi mal-Bord il-ġdid ta' l-Awtorita' tad-Djar. L-iskop ta' dik il-laqgħa kien biex l-Awtorita' tibda proċess ta' revizjoni ta' skemi u inizjattivi ġodda fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali f'pajjizna, nkluz skema għall-istallazzjoni ta' lifts fi Blocks tal-Gvern. Minn dak in-nhar, il-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar żamm diversi laqgħat u ddiskuta skema gdida li hi maħsuba li tiġi implimentata f'fażijiet differenti. Għalkemm id-deċiżjoni finali għada ma tteħditx, x'aktarx li l-ewwel fażi tkun miftuħa għal bini li jinsab fi bliet u rħula fejn teżisti l-akbar problema ta' akkomodazzjoni soċjali. Dettalji oħra jitħabbru fiż-żmien opportun. 21.1.99

Djar — Reviżjoni ta' kera

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 366 f'isem il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament fejn kien ġie spjegat li l-kera tal-fond in kwestjoni tinħadem skond l-Avviż Numru 523 tas-7 ta' Lulju 1998, jaf il-Ministru li dan għadu ma sarx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi s-sussidju tal-kera tal-persuna indikata nħadem skond l-Avviż 523. Hu jiġi nfurmat bil-kera sussidjata ġdida aktar il-quddiem flimkien mall-Kummissarju tal-Art. 21.1.99

Persuni b'Diżabilita' — Reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jindika l-isem tat-triq u l-lokal fejn ingħataw reserve parking għal nies bi bżonnijiet speċjali, mis-6 ta'Settembru, 1998 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq niċċara li l-allokazzjoni ta' "reserved parking spaces" lil persuni b'diżabilita' issir mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku (li jaqa' taħt Ministeru ieħor) fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Minħabba n-natura personali ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru, ma naħsibx li jkun prudenti li din l-informazzjoni tingħata. Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għal xi każ jew każijiet partikolari, l-informazzjoni nkun nista' nagħtihielu b'mod kunfidenzjali. 21.1.99

Djar rekwiżizzjonati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il post hemm li huwa jew kien requistioned? Jista' jgħid kemm-il requisition order ħarġu sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi matul is-snin kemm dam fis-seħħ il-poter tar-rekwiżissjoni, inħarġu 54,197 ordni, jew aħjar infetaħ 'file' fuq 54,197 propjeta'. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba sena b'sena. Minn dawn baqa 13,098 tal-privat li għadhom fis-seħħ. 21.1.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk min iħaddem skrivan li għandu kuntratt fuq day shift ta' 40 siegħa, mqassma bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, jistax ibiddel dan il-kuntratt u jaqleb lill-impjegat fuq bażi ta' shift mifrux fuq sebat ijiem, b'jumejn leave matul il-ġimgħa (mhux is-Sibt u l-Ħadd) mingħajr avviż minn qabel? Jekk dan jista' jseħħ:- (a) x'shift allowance għandu dritt jitlob l-impjegat; (b) ix-shift allowance kif għandu jiġi mħallas fuq bażi, per eżempju, ta' ħmistax; (ċ) veru li r-rata tax-shift allowance hija għad-diskrezzjoni ta' min iħaddem; u (d) jekk shift bħal dan ikun attwat, jista' l-impjegat jaħdem għal tliet iħdud konsekuttivi mingħajr waqfien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kuntratt tax-xogħol ta' impjegat jista' jinbidel b'avviż minn qabel skond kemm l-impjegat ikun ilu fl-impieg. Tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u dritt għal 'shift allowance' jiddependu f'liema settur tax-xogħol ikun jaħdem. Id-Dipartiment tax-Xogħol għandu sezzjoni fejn jilqa' lmenti fuq il-kuntratt/kundizzjonijiet tax-xogħol. Kull fejn ikun hemm irregolarita' din tiġi investigata mill-ispetturi tad-Dipartiment bl-iskop li l-irregolarita' tiġi retifikata. 21.1.99

Benefiċċji soċjali — Single parents

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' konsiderazzjoni umana qed jagħti l-gvern biex jgħin f'każijiet fejn single parent li tgħix u tgħajjex bl-assistenza soċjali u teħel il-ħabs u allura b'konsegwenza tieqaf tieħu l-assistenza? F'dawn il-każijiet ikun hemm il-probabbilta' li l-familja titlef anke l-akkomodazzjoni mikrija li jkollha u jkollha problemi oħra vis-a-vis ħlas ta' kontijiet eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Artiklu 91 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jiskwalifika persuna milli tirċievi pensjoni, benefiċċju, Allowance jew Għajnuna li titħallas taħt dan l-Att għal xi perjodu li matulu tkun qed tinżamm fi stat ta' priġunerija jew detenzjoni b'konsegwenza ta' sentenza mogħtija talli tkun instabet ħatja ta' reat. Membri oħra ta' l-istess familja li jkunu qegħdin igħixu bl-Għajnuna Soċjali jibqgħu intitolati għal din l-għajnuna minkejja l-fatt li l-kap tal-familja jkun qiegħed il-ħabs. Fil-każ ta' minorenni, l-Għajnuna Soċjali titħallas lil dak il-Kap ta' familja li f'dak il-mument ikollu il-kustodja tagħhom. 21.1.99

Sigurta' Soċjali — Children allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' familji f'Malta u Għawdex li bbenefikaw miċ-children allowance matul l-1998? Kemm kien in-numru ta' tfal eliġibbli f'Malta u Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' familji f'Malta u Għawdex li bbenefikaw mill-Allowance tat-Tfal matul is-sena 1998 kien ta' 42,581. L-Allowance ġiet imħallsa għan-nom ta' 73,726 tifel u tifla. 20.1.99

Djar — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'numru ta'talbiet pendenti hemm għad-dħul fi djar residenzjali għall-anzjani, dar b'dar, u komporat man-numru ta' postijiet f'kull dar? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għad-dħul fi djar ta'l-anzjani, minn persuni ġejjien mill-lokalitajiet fit-tieni distrett elettorali, lokal b'lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Numru ta' talbiet pendenti għad-dħul fi djar residenzjali għall-anzjani, dar b'dar. Komparat man-numru ta' postijiet eżistenti f'kull dar: Talbiet Pendenti: Kemm Tesa': Floriana 58 47 Gżira 29 32 Mosta 60 67 Msida 161 50 Mtarfa 136 105 Żejtun 128 60 Talbiet pendenti mit-tieni distrett: Birgu 6 Bormla 13 Fgura 11 Isla 6 Kalkara 1 Xgħajra 0 Żabbar 16 20.1.99

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Postijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet li jaqgħu taħt id-Dipartment għall-Akkomodazzjoni Soċjali available, u kemm minn dawn huma fil-Kottonera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi bħalissa id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 17 il-post madwar Malta. Minn dawn 7 huma fil-Kottonera. 20.1.99

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa l-bliet ta' Bormla, Birgu, Senglea u l-irħula tax-Xgħajra u l-Kalkara li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, waħda dwar Pensjonijiet Kontributorji u oħra dwar Pensjonijiet mhux Kontributorji bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant. Ninforma lil Onor. Interpellant li sabiex tinżamm il-kunfidenzjalita' ta' benefiċċjarji li qed jirċievu pensjoni mhux kontributorja bħala persuni b'diżabilita', l-istatistika għal dawn il-ħames lokalitajiet qed tingħata f'daqqa fl-aħħar kolonna tat-tieni tabella. 20.1.99

Żgħażagħ kriminali — Istituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu mfassla u jittieħdu inizjattivi mal-ministeri l-oħra biex niffaċjaw il-problemi ta' adoloxxenti u żgħażagħ li qabdu minn kmieni ħafna t-triq tal-kriminalita'? Hemm xi ħsieb li jkollna xi istituzzjoni li taħseb speċifikament għall-bżonnijiet ta' dawn l-adoloxxenti u żgħażagħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm diġa' ttieħdu xi inizjattivi tat-tip proposti mill-Onor. Membru, naqbel perfettament mas-suġġeriment li dan huwa qasam li jinħtieġlu aktar ħsieb u aktar attenzjoni. B'mod aktar speċifiku, l-Aġenzija Sedqa ilha tħoss il-ħtieġa ta' programm għal żgħażagħ li jinqabdu f'rejati kriminali relatati mad-droga w l-alkoħol. Tant hu hekk, li fl-20 ta' Jannar, 1997, kienet bdiet programm jismu SPARK, li l-għan tiegħu kien li jgħin liż-żgħażagħ li jkunu qabdu din it-triq, jirriformaw ruħhom u jiżviluppaw bħala persuni sani u soċjalment sodi. Il-programm kien jipprovdilhom attivitajiet rikrejattivi, sportivi u edukattivi, sabiex jittrawmu u jittħejjew għall-ħajja xierqa, l-bogħod mill-kriminalita'. Iżda, minħabba n-numru żgħir ta' żgħażagħ li kienu jiġu riferuti għal dan il-programm, ma' baqax ekonomikament vijabbli li jitkompla, u kellu jitwaqqaf. Issa, minn din is-sena hemm il-ħsieb li jitwettaq servizz ta' 'Prevenzjoni Sekondarja' li fin-natura tiegħu hu intenzjonat li jindirizza l-ħtiġijiet ta' żgħażagħ li jkunu f'riskju w aktar vulnerabbli għal problema tad-droga w alkoħol. Dan is-servizz għandu wkoll jibni fuq relazzjonijiet inter-dipartimentali. Fl-istess waqt, l-Aġenzija Sedqa għaddejja b'diskussjonijiet mall-Puluzija, bil-ħsieb li 'First Offenders' jiġu offruti servizz speċifikament għalihom. Barra minn hekk, fuq suġġeriment tal-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ, li jittratta ma' każijiet ta' Ordni tal-Ħarsien taż-żgħażagħ, tħejjiet proposta dettaljata dwar il-possibilita' li jiġi mwaqqaf 'Secure Therapeutic Establishment' għas-subien adolexxenti, issa li għall-bniet adoloxxenti diġa' nbeda l-Programm Fejda. Il-bżonn ta' post bħal dan inħass ukoll mill-Qorti tal-Minorenni li esprimiet kemm-il darba d-diffikulta' tagħha x'tista' tagħmel b'ċerti żgħażagħ li jidru quddiemha u li ma tkunx tixtieq li tibgħathom il-ħabs minħabba l-eta' tagħhom. Hemm bżonn ukoll li tiġi kkunsidrata il-possibilita' li l-Qorti tal-Minorenni tingħata kompetenza usa kif ukoll aktar poteri biex il-ħarsien u l-protezzjoni ta' minuri jkunu aktar salvagwardjati. 19.1.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dawk jirreġistraw għax-xogħol għax-xhur ta' Ottubru u Novembru? Kemm minn dawn għandhom anqas minn 30 sena? Kemm minn dan it-total ta' nies bla xogħol, joqogħdu f'Bormla, il-Birgu, l-Isla, l-Kalkara, il-Fgura u x-Xgħajra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li kienu qed jirregistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Novembru 1998 kien ta' 7,371. Minn dawn kien hemm 2,916 persuna li kellha anqas minn 30 sena. Mit-total ta' 2,916 persuna, wħud minnhom kienu joqogħdu f'dawn il-lokalitajiet:- Bormla 94 Birgu 32 Isla 42 Kalkara 18 Fgura 80 Xgħajra 6 L-aħħar figuri ppubblikati huma ta' Ottubru 1998. 19.1.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Bordijiet governattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Ministru għandu l-ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħażagħ f'bordijiet governattivi? Jista' l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru trid tinġabar u għalhekk tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra. 19.1.99

Djar — Distrett Nru. 12 - Qasam tad-Djar

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir programm ta' manutenzjoni bħal tibjid, eċċ fil-Housing Estate tat-12-il Distrett, ċioe' l-Housing Estate tar-Rabat, l-Imġarr, Mellieħa u San Pawl il-Baħar? Jekk iva, meta se jsiru dawn ix-xogħlijiet u kemm se jkunu jinvolvu dawn il-manutenzjonijiet għall-benefiċċju tar-residenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li għalkemm diversi xogħolijiet ta' tikħil ġew approvati mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar, l-uniku "estate" li fihom ser isir xogħol fl-1999 huwa dak tal-Mellieħa. Ta' min isemmi madankollu li xogħol simili kien ġa sar fl-"estates" tar-Rabat u San Pawl il-Baħar bejn l-1993 u l-1998. 18.1.99

Djar — Talbiet mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet mill-kunsilli lokali lid-Dipartiment tad-Djar sabiex isiru lifts fil-housing estate tal-lokal tagħhom? Liema huma dawk il-kunsilli u fiex waslet il-policy li qed ifassal id-dipartiment/awtorita' sabiex testendi dan is-servizz liċ-ċittadini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jirriżultax li hemm xi talbiet pendenti magħmula minn Kunsilli Lokali, kif imsemmi mill-Onor. Interpellant, apparti s-suġġeriment li sar mill-Kunsill Lokali tal-Floriana fl-laqgħa li nżammet f'Diċembru 1998. L-Awtorita' tad-Djar qed tiffinalizza Skema għall-installar ta' "lifts" fi blokki tal-Gvern. Meta din l-iskema tkun finalizzata tiġi ppubblikata u minn hu nteressat ser jiġi mitlub japplika. 18.1.99