Legislature:
Category:
Reset
Active:

Community Technology Learning Centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ħames Community Technology Learning Centres li huma mgħammra b'teknoloġiji speċjalizati biex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużaw dawn iċ-ċentri, humiex aċċessibli għal kulħadd, inkluż għal dawk li għandhom diżabilita' severa li taffettwa l-mobilita'? Fejn huma dawn iċ-ċentri?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevelli Interpellant li l-Community Technology Learning Centers huma Ċentri li twaqqfu ma’ Organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ nies li għandhom bżonn attenzjoni speċjali biex jagħmlu użu jew jitgħallmu kif jużaw it-teknoloġija. Huma vejikolu ta’ kif il-Gvern qed jaħdem ma’ diversi stakeholders biex ikompli jkisser il-qasma diġitali. Iċ-Ċentri huma miftuħa għal firxa ta’ nies inklużi dawk neqsin mid-dawl. Xi uħud miċ-Ċentri jispeċjalizzaw fil-bżonnijiet ta’ nies b’diżabilita’. Iċ-Ċentri miftuħa s’issa huma fl-Eden Foundation, Bulebel; l-Aċċess, il-Birgu u fil-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, il-Blata l-Bajda, Ir-Richmond Foundation, St. Venera u l-UĦM, il-Furjana. Dalwaqt ser jinfetħu żewġ Ċentri oħra – wieħed mal-Physically Handicapped Rehabilitation Fund, f’Kordin u l-ieħor mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, il-Belt. Lewwel tliet ċentri imsemmija huma aċċessibli wkoll għal dawk li għandhom diżabilita severa li taffetwa l-mobilita.

Computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura u/jew s-sistema li biha familji li ma jistgħux ilaħħqu ma' l-ispiża ta' xiri ta' computer, qed jingħataw opportunita' li jakkwistaw computers f'kondizzjoni tajba bi prezz imraħħas ħafna, kif stqarr pubblikament fil-ġurnal in-Nazzjon, tat-30 ta' Mejju, 2007? Min qiegħed jissupplixxi dawn il-computers? Dawn huma computers second hand? X'inhuwa l-prezz ta' dawn il-computers?

Response (GATT, AUSTIN)

Bi pjaċir ninnota li fl-aħħar l-Oppozzizzjoni qiegħda tinteressa ruħha f’dan l-izvillup pozittiv għal dawk il-familji li ma’ jistgħux ilaħħqu ma’ l-ispiza ta’ kompjuter ġdid. Ngħid dan għaliex s’issa l-unika ħaġa li għamel il-Partit Laburista f’dan il-proċess kien li wera opportunizmu politiku bla preċedenti bil-għan li jgerrex lil min hu interessat li jikkompeti għal dan it-tender billi wasal ukoll biex hedded lil kull min hu interessat li jekk qatt il-Partit Laburista jkun fil-Gvern, kien ser jirrevedi kuntratt pubbliku li jkun ingħata skond il-Ligi. Fir-rigward tal-mistoqsijiet speċifiċi ta’ l-Onorevoli Interpellant ninsab infurmat li: Ser jinħargu linji gwida dwar min hu eliġibbli għal dawn il-kompjuters. Wara jkun hemm proċess ta’ applikazzjoni miftuħa. Dawn huma kompjuters u laptops li llum qegħdin jintuzaw fil-Gvern u l-prezz ikun stabbilit wara li taghlaq it-tender relattiva biex jigi stabbilit l-ispiza tar-refurbishment.

Dingli — Rabat Road - Estenzjoni tad-drenaġġ

Question

Issa li reġa' qed jiġi estiż id-drenaġġ f'Rabat Road, Dingli, jista' l-Ministru jara li d-djar u l-irziezet kollha f'dawn l-inħawi jiġu mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-parti l-kbira ta’ l-irziezet li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant qegħdin f’livell baxx wisq biex ikunu kkumunikati mas-sistema tad-drenaġġ mingħajr ma ssir pumping station ġdida.

ST Microelectronics

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija s-sitwazzjoni fl-ST Microelectronics minħabba d-diċeriji li hawn dwar it-tnaqqis ta' kundizzjonijiet tax-xogħol għal ħaddiema u anke l-possibilitajiet ta' sensji?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ST Microelectronics hija kumpanija privata u ma taqgħax taħt il-kompetenza tal-Ministeru tiegħi.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat mill-ministeru u enti li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Għal liema xogħol/servizzi nħareġ kull wieħed minnhom? X'kien il-valur ta' kull wieħed u min ġie awarded dawn id-direct orders?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Il-Mument — Rapport

Question

Billi l-Ministru ġie rrapportat mill-ġurnal "Il-Mument" li qal li s-sistema ta' l-e-procurement tpoġġi lill-gvern fi żvantaġġ meta jkun qed jixtri l-I.T., jista' jelabora dwar dan billi jgħid il-gvern jew il-MITTS kemm kellhom rapporti dwar każi ta' nuqqasijiet fil-provvisti ta' computer supplies mixtrija permezz ta' din is-sistema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-MITTS Ltd, tħaddem l-e-procurement system għad-dipartimenti u l-Ministeri tal-Gvern. Kemm il-darba kien hemm ilmenti mill-uffiċjali għoljin tal-Gvern li fix-xiri tal-computers ikun hemm ħsarat u li ma kienux jilħqu l-specs mitluba. Bejn Ottubru 2006 u Frar 2007 għamlet 'sample quality assurance test ' ta' 38 computers li nxtraw mill-e-procurement, li minn dawn 25 computer, jew 66% ma kienux 'compliant' għal ħaġa jew oħra.

Sussidji lit-tarzna

Question

Fl-eventwalita' li wara li jispiċċaw is-sussidji lit-tarzna din ma jirnexxilhiex tkampa fis-suq kompetittiv, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux, jew hux qed ifassal, pjan għall-futur ta' dawn il-ħaddiema? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jgħidli x'inhuma?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant hija waħda ipotetika. L-uniku pjan tal-Gvern hu dak maqbul mall-Management, il-Union u l-Unjoni Ewropeja li t-tarzna tnaqqas it-telf u ma jkolliex bżonn ta’ aktar sussidji wara l-aħħar tal-2008. L-enerġija ta’ kull min huwa nvolut għandha tkun iffukata fuq dak il-pjan u dak il-pjan biss. Wara li jispiċċaw is-sussidji, u f’eventwalita’ li t-tarzna ma jirnexxilhiex tkampa fis-suq kompetittiv, il-Gvern ma jkunx jista’ jkompli jissusidja lit-tarzna.

Tarzna — Ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25877 u jgħid: Kemm ħaddiema barranin ħadmu fit-Tarzna fl-2005 u 2006? Kemm kienu bħala esperti u kemm bħala ħaddiema? X'kien l-ammont li tħallas lil dawn il-ħaddiema? Kemm hemm ħaddiema fit-Tarzna li għandhom bejn 17-19-il sena, bejn 20-30 sena, bejn 41-50 sena u 'l fuq minn 50 sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kontijeit tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintabgħtu separatament, qed tirċievi kontijiet tad-dawl u ilma fuq l-indirizz imsemmi meta dan ilu li waqa' f'idejn il-gvern għal diversi snin u ilu mbarrat għal ħafna snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma ma tibqax tibgħat il-kontijiet, trid tintela formola tal-bidla tal-konsumatur. Skond ir-records tal-Korporazzjoni din il-formola qatt ma kienet sottomessa u r-responsabilita’ ta’ dan il-kont qatt ma għaddiet għand xi persuna jew entita’ oħra. Għaldaqstant qatt ma sar bdil fl-isem tal-Account Holder. Madankollu il-Korporazzjoni sejra tinvestiga iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dan il-każ kif indikati mill-Onor Interpellant.

Ħaddiem tat-Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk xi ħaddiem li jaħdem it-Tarzna li jieqaf u jieħu s-somma hux possibbli li jidħol jaħdem x'imkien ieħor jew jiftaħ xi negozju?

Response (GATT, AUSTIN)

B’ riferenza għal din il-Mistoqsija Parlamentari ninsab infurmat li m’ hemm l-ebda ndikazzjoni li sa toħroġ xi skema ohra ta’ rtirar kmieni u għalhekk ma nistgħux inwieġbu għad-domanda tal-interpellant.

Air Malta — Inġiniera

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25970 u 25016 u jgħid fuq liema kriterji l-Air Malta għażlet li tingaġġa inġinier barrani fl-istess taqsima fejn telqu inġiniera Maltin bi skemi ta' early retirement? Tagħmel sens li l-ewwel tinkoraġixxi lin-nies jitilqu biex imbagħad tpoġġi ħaddiem barrani minflokhom?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Air Malta ma' ngaġġat l-ebda inġinier barrani. Jiena nfurmat li minn żmien għal żmien l-Air Malta ikollha bżonn is-servizzi ta' inġiniera temporanji li minħabba n-nuqqas tagħhom fis-suq lokali, dawn ikollhom jinġiebu minn kumpaniji barranin.

Bypasses — Bozoz

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26265 jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba fir-rigward tal-bozoz fid-diversi bypasses?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bozoz tat-tip 210 W SON, minn barra li meta jinbidlu jkunu waslu fl-aħħar ta' ħajjithom, huma anqas effiċjenti, juru inqas minħabba iż-żmien li għandhom, mhumiex standard u għalhekk jiswew aktar. Dawn qegħdin jinbidlu bit-tip 150 W jew 250 W SON li huma standard.

Ta' Xbiex — Blokk flats

Question

Jista' l-Ministru jara li s-sistema tad-drenaġġ tal-Blokk F2 Housing Estate Ta' Xbiex jiġi rranġat u jew mibdul billi r-residenti qed ikollhom problemi kbar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li rriżulta li l-problema hija fil-house connection tal-blokk ta' appartamenti u mhux fil-mejn tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Gambling

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk minħabba l-fatt li gambling fil-forom varji tiegħu qed jikber f'pajjiżna, hux il-ħsieb tal-gvern li jirregolah b'mod aktar komprensiv? Jidhirlu l-Gvern li għandha ssir distinzjoni ċara legali bejn slot machines u amusements machines u l-użu tagħhom, u dan l-aktar fid-dawl tal-fatt li l-vizju tal-logħob qed jikber fost il-minorenni?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li das-settur huwa regolat mill-Gaming Authority nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Kuntratt tal-computers

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-kuntratt ta' l-Integrated Health System (tal-computers) li kien tħassar minħabba allegat abbuż, hux se jkun ngħata mingħajr ħruġ ta' offerti? Jekk iva, kif ser tiġi assigurata t-trasparenza u l-kontabilita'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ir-responsabilta' għall-ħruġ u l-għoti tal-kuntratt imsemmi mhix ir-responsabilta' ta' dan il-Ministeru u għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ħaddiema li għalqu l-61 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fid-dipartiment u enti li jaqgħu taħtu, li għalqu l-61 sena u ġġeddidilhom iż-żmien? Jista' jgħid minn liema ente ġejjin u r-raġuni wara dan it-tiġdid fiż-żmien?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Swieqi — Qtugħ ta' ilma

Question

X'inhi r-raġuni li kemm fi Triq Gogi u Triq Gabilott, Swieqi illum, 15/5/07, kien hemm qtugħ ta' ilma l-jum kollu? Jista' l-Ministru jinvestiga wkoll l-ilment tar-residenti fi Triq Gogi, Swieqi li spiss jkollhom qtugħ simili?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din is-sena kien hemm 6 darbiet li l-ilma fit-triq imsemmija ġie sospiż. F’erba’ darbiet minnhom, ir-raġuni tal-egħluq kienet manutenzjoni fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma u dan l-egħluq dam bejn siegħa u sagħtejn. Fid-darbtejn l-oħra, ir-raġuni kienet li marret il-provvista tal-eletriku fl-Impjant tar-RO ta’ Pembroke. Id-dewmien f’dawn id-drabi kien itwal.