Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birzebbugia — Bar

Question

Qed jaslulna diversi lmenti minn residenti fi Triq il-Bajja s-Sabiħa, B'Bugia u tal-madwar fuq bar bl-isem "Envy Bar". Allegatament, dan il-bar qed jibqa' miftuħ sal-ħinijiet bikrin tat-tlieta ta' filgħodu fost il-ġimgħa. Barra minnhekk, nhar ta' Ħadd qed jibda minn kmieni wara nofsinhar u jibqa' sejjer sa kmieni t-Tnejn fil-għodu. Qed jiġi allegat li meta jmorru l-Pulizija, dan ibaxxi l-mużika, iżda malli jitilqu jerġa' jgħollilu. B'hekk jidher li sid dan l-istabillimenti qed jiġi jaqa' u jqum mhux biss mir-residenti tal-madwar iżda saħansitra mill-Pulizija u qed jagħmel li jrid. Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani x'passi ttieħdu s'issa u x'passi ser jittieħdu fil-futur qrib, biex sid dan il-bar jinġieb konformi mal-liġi u ma jkunx aktar ta' inkonvenjent għal dawn ir-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħanut imsemmi mill-Onor. Interpellant huwa kopert bil-liċenzji meħtieġa sabiex jibqa' miftuħ kuljum sal-4.00am. Ninsab infurmat ukoll li l-pulizija tagħmel spezzjonijiet fil-ħwienet kollha, inkluż dak imsemmi, u kull meta kien osservat xi ksur ta' liġi l-pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti.

Pembroke — Plot

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani xi ħsibijiet għandu l-gvern fuq plot mitluqa, maħmuġa u zdingata li hemm biswit plot no 160, Billion Street, Pembroke li tagħti għal fuq Mons. A Portelli Street, li hija proprjeta' tal-gvern u taqa' taħt il-Lands?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret mill-ispetturi tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, l-art li hemm biswit Plot 160, Billion Street, Pembroke kienet ġiet ikkonvertita mill-Kunsill Lokali fi ġnien pubbliku magħruf bħala 'Ġnien Jum il-Paċi' u dan skond plakka kommemmorattiva li hemm fuq il-post.

Luqa Barracks

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29546 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u jgħid min huma r-residenti li joqogħdu fl-ex married quarters ta' Luqa Barracks? Veru li hemm waħda mir-residenzi li hi okkupata minn xi squatters? X'inhi tagħmel l-Housing Authority fil-konfront ta' dawn l-isquatters?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, l-uniku 'barracks' ta' l-Ingliżi f'Ħal-Luqa li llum jikkonsistu f'residenzi, huma dawk tal-Housing Estate ta' Ħal-Farrug. L-estate kollu kien ġie ttrasferit lill-Awtorita' tad-Djar permezz ta' Avviż Legali Nru. 68 ta' l-14 ta' Lulju 1981. Għalhekk, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kawża fil-qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema data ġiet maħtura l-kawża li l-aħħar seduta tagħha saret fit-8 ta' Frar 2006, kawża Nru 8 b'ċitazzjoni Nru: 2710/97 JRM?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mit-8 ta' Frar 2006 sad-19 ta' Ġunju 2007 saru ħames seduti fejn kienet qed tistenna r-rapport ta' perit tekniku. Fl-aħħar seduta intbgħatet sine die. Wara dan, sar rikors biex il-kawża terġa titqiegħed fuq il-lista tal-kawżi u l-Qorti laqgħet dan ir-rikors u appuntat il-kawża għas-seduta tas-6 ta' Frar 2008. Din l-informazzjoni tinstab fuq il-website tal-Ministeru www.mjha.gov.mt.

Għawdex — Inkjesti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm inkjesti f'Għawdex li għadhom ma ngħalqux? Jista' jgħid kemm minn dawn f'Għawdex għad lanqas sar r-rapport ta' l-Uffiċjal Investigattiv?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mir-records tal-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) jidher li hemm 281 inkjesta pendenti. Minn dawn, hemm 19il waħda lui jonqoshom ir-rapport ta' l-Uffiċjal Investigattiv (Pulizija) u dawn huma reġistrati fis-sistema tal-LECAM. Hemm wkoll 160 rapport ta' esperti fejn m'hemmx rapport ta' l-Uffiċjal Investigattiv (Pulizija), li jirreferu għal 130 inkjesta. Peress li dawn, fil-maġġoranza tagħhom huma antiki, dawn m'humiex kompjuterizzati.

Kunsilli lokali — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħaddiema mal-kunsilli lokali li ġew appuntati/seconded ma' dipartimenti tal-gvern, ministeri jew entitatjiet oħra fis-settur pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li jekk bil-mistoqsija qed tirreferi għall-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali appuntati/seconded ma' Dipartimenti tal-Gvern, Ministeri jew entitajiet oħra, ninsab infurmat illi m'hemm l-ebda ħaddiema f'din il-kategorija. Mill-banda l-oħra hemm numru ta' ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Dipartiment għall-Gvern Lokali u ta' l-IPSL li huma appuntati/seconded mal-Kunsilli Lokali f'Malta u Għawdex. Sa l-aħħar tas-sena 2007 dawn kienu jammontaw għal madwar mitejn u għaxra (210), jiġifieri iffrankar lill-Kunsilli Lokali f'salarji għas-somma ta' €2.80 miljun (Lm1.2 miljun).

Student Card

Question

Wara d-dikjarazzjoni tas-Superintendent Sharon Tanti fil-programm Xarabank li l-pulizija qed issib ħafna żgħażagħ li qed jiffalsifikaw l-istudent card biex juru li għandhom aktar eta', jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu dwar dan? Min joħroġ dawn il-cards? Meta jinħarġu dawn il-cards jintalbu ċertifikat tat-twelid jew joqogħdu fuq dak li jgħidilhom l-istudent?

Response (BORG, TONIO)

L-ewwel nett ninsab infurmat illi fl-intervent tagħha s-Supretendent Sharon Tanti aċċennat li l-pulizija sabet "xi" student cards u mhux "ħafna" student cards b'informazzjoni falza fuqhom. Infurmat ukoll illi minn dak li ġie stabbilit s'issa jidher li sabiex student/a jingħata dan id-dokument kull ma jrid jipproduċi prova li huwa student/a. Ta' min iżid illi dawn id-dokumenti jindikaw biss illi l-persuna indikata hija student u m'humiex dokumenti ta' identita' uffiċjali.

Breathalyser

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2007 fuq kemm-il persuna ntuża l-breathalyser? Kemm inqabdu li kienu 'l fuq mil-limiti permessi mil-liġi? Kien hemm min inqabad aktar minn darba?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29388 f'din l-istess Seduta.

Stazzjonijiet barranin

Question

Billi fuq xi stazzjonijiet tat-televiżjoni barranin isiru avviżi pornografiċi, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawn jistgħu jiġu murija minn local service provider skond il-liġi u jekk le, x'passi ħadu l-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-trażmissjonijiet televiżivi huma rregolati b'liġi ad hoc, u ċioe' l-Att tax-Xandir (Kap. 350). Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Droga fil-ħabs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm instabet droga l-ħabs din is-sena u kemm inqabdu ħabsin taħt l-effett tagħha din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2007 kien hemm 38 okkażjoni meta nstab xi materjal suspettuż ġewwa l-Ħabs. Il-każi kollha jiġu mistħarrġa mill-Pulizija u f'kull każ issir inkjesta Maġisterjali. Infurmat ukoll li n-numru ta' ħabsin li nqabdu taħt l-effett tad-droga matul l-istess sena kien ta' 112.

Tfal jittellgħu l-qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal l-Qorti din is-sena u għaliex? X'eta' kellhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar 2007 sat-31 ta' Diċembru 2007, tressqu b'kollox 61 persuna quddiem il-Qorti tal-Minorenni f'Malta, u ċioe': Pussess ta' droga 1 Ksur buon ordni, inġurji, ġlied, theddid u kliem oxxen 41 Tlajjar għal Prostituzzjoni 2 Ħsara f'vetturi, ġrieħi ta' natura gravi u sewqan mingħajr liċenzja 5 Dettalji foloz 1 Serq 6 Użu ta' telecom ħażin 2 Depożiti ta' urina f'post pubbliku 2 Żamm ta' arma irregolari 1. L-informazzjoni dwar il-Qorti f'Għawdex hija s-segwenti:- Sewqan ta' karozza mingħajr liċenzja u kaġunar ta' ħsara fuq vetturi ta' terzi 1 Ġlied 10 Ħsara fuq proprjeta' 7 Danni fuq persuna 2 L-eta' tagħhom tvarja bejn it-12 u s-16 il-sena.

Apelli

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ma jiġux aktar intavolati, quddiem l-Qorti ta' l-Appelli Kriminali f'Għawdex, appelli mill-Avukat Ġenerali li jkunu nulli għaliex saru fuori termini? Jaf li fis-seduta 4.1.2008 quddiem il-Qorti ta' l-Appelli Kriminali f'Għawdex, ippreseduta mill-Prim Imħallef Dr Vincent Degaetano, mhux anqas minn tlett appelli ġew dikjarati nulli minħabba li n-nota ta' l-appell tal-Kummissarju tal-Pulizija ġiet ippreżentata tardivament. Dan kollu qed jaħli l-ħin prezzjuż tal-Qorti u inkonvenjent lill-applikant li jitla' l-Qorti inutilment.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Avukat Ġenerali jaf bil-każijiet imsemmija u ħa l-miżuri li seta jieħu biex jiġi evitat dak li ġara. Iżda jiena ma għandi ebda setgħa li ninterferixxi fl-operat ta' l-Avukat Ġenerali f'din il-materja, peress li dan ikun imur kontra l-artikolu 91(3) tal-Kostituzzjoni li jipprovdi li f'materja bħal din "l-Avukat Ġenerali ma jkunx suġġett għad-direzzjoni jew kontroll ta' ebda persuna jew awtorita' oħra".

Gwardjani lokali — Numru ta' ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid u jivverifika jekk hux minnu li meta gwardjan lokali ma jagħmilx biżżejjed ċitazzjonijiet għas-sodisfazzjon ta' l-A/O jew il-kunsill lokali, dan jitneħħa u xogħolu jibda jkun għassa ma' xi sit ta' kostruzzjoni, crane jew għeluq ta' triq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-assenjar ta' Gwardjani Lokali fuq xogħol speċifiku isir mill-aġenziji rispettivi peress li din hija materja purament amministrattiva.