Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm familji jibbenefikaw mill-allowance tat-tfal? Kemm huma t-tfal li għalihom qed tingħata din l-allowance? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-allowance tat-tfal li ma ġewx aċċettati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ familji li qed jibbenefikaw mill-Allowance tat-Tfal hu ta’ 35,617. In-numru ta’ tfal li ghalihom qed titħallas din l-allowance hu 58,473. Ninsab infurmat ukoll li mit-talbiet għat-tiġdid għal din l-allowance li saru għas-sena ta’ benefiċċju li bdiet f’Lulju 2003 ġew rifjutati 184.

Persuni b'diżabilita' — pensjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirċievu l-pensjoni ta' l-invalidita', il-pensjoni għal diżabilita' u l-pensjoni speċjali għal diżabilita' separatament fix-xhur ta' Ottubru, Novembru u Diċembru 2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jinnota li taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali ma teżistix pensjoni speċjali għal diżabilita’. Jekk b’pensjoni speċjali għal diżabilita’ l-Onor. Interpellant qed jifhem dik il-pensjoni mhux kontributorja li hi bbażata fuq test tal-meżżi minbarra l-kundizzjoni tas-saħħa ta’ l-applikant, l-informazzjoni mitluba hi nkluża fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sigurta' Soċjali — Benefiċċji tal-mard

Question

Peress illi huwa fatt li l-posta fix-xahar ta' Diċembru f'ħafna mill-każi waslet fid-destinazzjoni tagħha tard, jaqbel il-Ministru li mhux fair li lil dawk il-ħaddiema li kienu bis-sick leave f'Diċembru qed jgħidulhom li mhumiex intitolati għall-benefiċċji għax iċ-ċertifikati waslu d-dipartiment tard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali hu konxju mill-problema kawżata mid-dewmien fil-posta li kien hemm f’Diċembru li għadda tant li talbiet għal benefiċċju tal-mard, li oriġinalment ġew miċħuda għax waslu tard, qed jiġu riveduti kemm il-darba jkun ċar li dan id-dewmien kien riżultat tad-dewmien fit-tqassim tal-posta.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar cheque tal-pensjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ċ-cheque tal-pensjoni ta' anzjan jibda joħroġ fuq isem ir-raġel biss peress li l-mara ilha mejta ħames snin? Id-dettalji taċ-ċertifikat tal-mewt tal-mara qed jintbagħtu separatament.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment konċernat għamel ir-retifika meħtieġa.

Bordijiet u kummissjonijiet appuntati mill-gvern

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 4511, jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti breakdown ta kif wasal għal dawn il-persentaġġi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul fl-2003 kien hemm 203 bord, kummissjoni, kumitat, tribunal u awtorita’ appuntata mill-Gvern li minnhom 27 kienu preseduti minn nisa. B’kollox kien hemm 1,934 membru fuq dawn il-bordijiet, kummissjonijiet, etc., li minnhom 348 kienu nisa.

Awtorita' tad-djar — Bini ta' maisonettes

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika fejn qed jinbnew il-maisonettes mill-awtorita' tad-djar u meta hemm il-ħsieb li jitlestew u jinħarġu l-offerti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tad-Djar qed tibni maisonettes fl-Imtarfa, Mosta, Pembroke u Żurrieq. Dawn mistennija jkunu lesti bejn Marzu 2004 u April 2005. Ta’ min jgħid li dawn il-maisonettes ma jinħarġux bl-offerta iżda bil-kondizzjonijiet applikabbli skond l-avviż relattiv li jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Mobile phones

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4278 u cioe' kemm hemm mobile phones fid-dikasteru tiegħu? Minn min qed jintużaw u kemm tħallsu f'kontijiet ta' dawn il-mobile phones matul is-sena 2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Bordijiet u kummisjonijiet appuntati mill-Gvern — Avvanz tan-nisa

Question

Jista' il-Ministru li taħtu taqa l-entita' responsabbli għal-avvanz tan-nisa fis-soċjeta', jagħtina l-perċentwali ta' nisa u irġiet fuq bordijiet u kummisjonijiet appuntati mill-Gvern għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il- perċentwali ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul l-2003 il-perċentwali ta’ bordijiet, kummissjonijiet, kumitati, tribunali u awtoritajiet appuntati mill-Gvern li kienu ppreseduti minn nisa kien ta’ 13.3% filwaqt li 18% tal-membri fuq dawn il-bordijiet, kummissjonijiet, kumitati, tribunali u awtoritajiet kienu nisa.

Assistenti soċjali każwali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ġewx impjegati xi part-time social assistants bħala riżultat ta' l-intervisti għar-reklutaġġ ta' part-time social assistants biex ikunu jistgħu jiġu rimpjazzati dawk li jkunu bil-leave jew bis-sick leave, liema intervisti bdew ix-xahar li għadda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fit-23 ta’ Frar 2004 inbeda induction course għal numru ta’ part-time social assistants bi tħejjija għall-ingaġġ.

Sigurta' Soċjali — Persuna li tirrikjedi home help

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tingħata l-home help il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab fi bżonn kbir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata applikat għal servizz tal-Home Help fil-21 t’Ottubru 2003 u l-każ tagħha qed jiġi kkonsidrat.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li għandha applikazzjoni pendenti għal social housing tingħata fond alternattiv? Japprezza li din il-persuna għandha tifla ta' tlett snin u preżentement qed tħallas Lm60 fix-xahar kera biex ikollha fejn toqgħod?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirriferi lill-persuna ndikata fis-Sezzjoni tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex tingħata kull tagħrif li għandha bżonn.

Pensjonijiet — Increments

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħadmu l-increments naxxenti minn collective agreements għas-snin 2002, 2003 u 2004 li għandhom effett dirett fuq il-pensjoni ta' diversi ċittadini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proċess tar-reviżjoni tal-pensjonijiet kontributorji tas-Sigurta’ Soċjali, skond kif jitlob l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, hu proċess kontinwu. Ta min jgħid li dan il-proċess jinvolvi l-eżaminar ta’ ‘l-fuq minn 59,000 każ. Ninsab infurmat li fil-preżent it-taqsima konċernata qed taħdem bis-sahra fuq dawn ir-reviżjonijiet biex dawn jiġu finaliżżati mill-aktar fis possibbli.

Anzjani — Servizz ta' home help

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu mill-home help f'Malta u Għawdex separatament? Kemm ġew impjegati CSA's jew part-time social assistants tul dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Anzjani — Servizz ta' home help

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu mill-home help f'Malta u Għawdex separatament? Kemm ġew impjegati CSA's jew part-time social assistants tul dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ households li qed jibbenefikaw mis-servizz tal-Home Help f’Malta hu 3,739. Għal dak li jirrigwarda l-istess informazzjoni dwar Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.

Sigurta' Soċjali — Żieda ta' 50c fil-ġimgħa

Question

B'riferenza għall-għoli tal-prezzijiet tal-mediċini u tal-prodotti ta' l-ikel u x-xorb inkluż l-ilma, li rriżultaw fix-xahar ta' Jannar 2004, ma jħossx il-Viċi Prim Ministru li ż-żieda ta' 50c fil-ġimgħa lill-pensjonanti u l-familji li jiddependu mill-benefiċċji soċjali, mhux biżżejjed quddiem din l-ispiża ġdida li qed isofru dawn il-familji Maltin u Għawdxin? Kif jispjega l-fatt il-Viċi Prim Ministru li nħoloq dan il-piż finanzjarju fuq dawn il-familji meta l-gvern wiegħed u għadu jwiegħed li l-prezzijiet ta' l-ikel u x-xorb fost oħrajn kellhom jorħsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja fir-rata tal-benefiċċji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali hi regolata bl-artikoli 90A u 90B ta’ l-istess Att. Irrid infakkar lill-Onor. Interpellant li minbarra ż-żieda li rrefera għaliha, din is-sena ser jitħallas ukoll bonus speċjali ta’ Lm39 lil dawk li qed jirċievu pensjoni jew Għajnuna Soċjali taħt l-imsemmi Att. Din is-sena ser jitħallas wkoll bonus speċjali ieħor ta’ Lm13 lil dawk li qed jirċievu l-Għajnuna Supplimentari. Għalhekk mhux korrett li jingħad li l-pensjonanti u dawk li jiddependu mill-benefiċċji soċjali ser jieħdu biss żieda ta’ 50ċ fil-ġimgħa.

Ministeru għall-politika soċjali — Kiri ta' affarijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kirjiet ta' vannijiet, karozzi, trakkijiet, gafef, għamara, mobile phones, photocopiers, computers, xtieli/pjanti, eċċ. li għandu l-ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru? Kemm hi r-rata tal-kirja kull ġurnata f'kull każ separatament? Fil-preżent, kemm hi ċ-ċifra ta' flus tal-kontijiet pendenti li l-ministeru u l-entitajiet għandhom iħallsu għal dawn il-kirjiet? Kemm kienet in-nefqa globali ta' dawn il-kirjiet matul is-sena li għaddiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li jidher li l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onor. Membru fil-Mistoqsija tieghu mhux ser twassal għal xi titjib fl-amministrazzjoni pubblika ta’ pajjiżna jew għal xi benefiċċju relevanti ieħor, ma naħsibx li l-ħin estensiv li jinħtieġ f’kull Ministeru u Dipartiment sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba ikun ġustifikat u ċertament huwa ħin li jista jintuża aħjar. L-Onor. Membru għandu jikkunsidra jagħmel Mistoqsija aktar iffokata u ristretta.

Awtorita' tad-Djar — Tiswija ta' garaxx

Question

Tista' il-persuna diżabbli d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament isirulha t-tiswijiet meħtieġa fil-garaxx fejn iżżomm il-karozza tant essenzjali għaliha peress li ilha x-xhur tistenna li jsirilha x-xogħol meħtieġ min-nies tal-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar ma tidher ebda talba għal tiswijiet fil-proprjeta’ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.

Talba għall-home help

Question

Tista' il-persuna marida li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tingħata l-home help li talbet u li tant għandha bżonn? Fiex waslet l-applikazzjoni tagħha għal din l-għajnuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ilha tibbenefika mis-servizz tal-Home Help ta’ sagħtejn fil-ġimgħa minn Awissu 1999, liema servizz ġie estiż għal erba’ siegħat fil-ġimgħa f’Marzu 2001. Ninsab infurmat ukoll li fl-1 ta’ Diċembru 2003, din il-persuna reġgħet tablet li jiġu estiżi aktar is-sigħat tas-servizzi li qed tirċievi, liema talba qiegħda quddiem il-Bord ta’ l-Allokazzjonijiet.

Każi quddiem it-tribunal industrijali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4097 u cioe' jista' jgħid kemm hemm każi li qed jiġu ttrattati quddiem it-tribunal industrijali? Kemm hemm minnhom li huma sospiżi? X'inhuma r-raġunijiet għal din is-sospensjoni? Meta hemm il-ħsieb li dawn il-każi jkomplu jiġu mismugħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Jannar 2004 kien hemm 468 każ pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali. Ninsab infurmat ukoll li m’hemm ebda każ sospiż, iżda hemm 21 każ minnhom li huma diferiti sine die għal diversi raġunijiet.