Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37205?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-Awtorita’ tat-Turiżmu hija responsabbli għall-ħruġ ta’ 15 il-liċenzja differenti. Ma kien hemm ebda żieda fl-2002 fuq it-tariffi tal-liċenzji tal-2001, anzi kien hemm tnaqqis f’żewġ setturi.
Kien hemm, iżda tliet tariffi ġodda – dik ta’ liċenzja ta’ postijiet għal btala wżati biss għal turiżmu domestiku, li hi tariffa nominali ta’ Lm1 fis-sena; dik tad-dritt għall-appell li hija ta’ Lm100 jew Lm50 skond il-kategorija fuqhiex qed isir l-appell; u dik ta’ liċenzja temporanja li hija ta’ Lm100 għall-lukandi / aparthotels ta’ 5 jew 4 stilel, Lm50 għall-lukandi / aparthotels ta’ 3 jew 2 stilel, Lm20 għal stabbilimenti li jservu l-ikel, u Lm15 għall-guest houses / hostels. Dawn il-liċenzji temporanji, fil-fatt, jitnaqqsu mill-liċenzja regolari meta tinħareġ ftit wara u għalhekk m’hix tariffa addizzjonali.
L-Awtorita tat-Turiżmu għandha wkoll 20 il-tariffa differenti ta’ kontribuzzjonijiet skond is-settur. Mit-tariffi tal-kontribuzzjonijiet fl-2001 (kif jidhru fl-AL Nru 14 u 344 tal-2001) għat-tariffi ta’ kontribuzzjonijiet fl-2002 (kif jidhru fl-AL Nru 125 tal-2002) ma kienx hemm żidiet, anzi hemm tnaqqis fi tlett setturi. Kien hemm tariffa ġdida dwar dritt lill-Awtorita’ għall-proċessar ta’ applikazzjonijiet għall-proġetti ġodda ta’ akkommodazzjoni. Dawn ivarjaw minn Lm100 għal Lm500 skond id-daqs tal-proġett.
L-Awtorita’ ma tagħtix servizzi oħra bi ħlas.
Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu tariffi u fees amministrattivi f'dipartimenti/awtoritajiet/organizazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fis-sena 2002? Kien hemm xi għoli fil-prezzijiet ta' xi servizzi li jagħtu dawn id-dipartimenti, awtoritajiet jew organizazzjonijiet?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru tat-Turiżmu jgħid għal kull belt fl-Ewropa fejn għandu uffiċju tal-NTOM, kemm jaqla' fis-sena (2002) id-direttur ta' kull uffiċċju f'salarju u allowances b'kollox?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li l-NTOM ġiet xolta b’effett mill-31 ta’ Awissu, 1999, nippreżumi li l-Onor. Membru qed jirreferi għall-uffiċini u d-diretturi ta’ l-MTA. Għalhekk, qed nagħti l-informazzjoni kif mogħtija lili mill-MTA.
Is-salarju u l-allowances, tad-diretturi ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta tat-Turiżmu huma dawn:
LM
Russja
36,341
Italja
26,759
Ingilterra
34,676
Olanda
28,240
Ġermanja
30,909
Franza
29,876
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-post vakanti ta' Senior Executive Human Resources fil-MTA li għalih kien hemm sejħa interna f'Ottubru li għadda, ġietx mimlija jew le? Jekk fl-affermattiv, minn min u xi kwalifiki għandu/ha l-persuna li ġiet ingaġġata? Jista' jgħid ukoll min ħa din il-kariga għandux xi parentela jew jekk huwiex qarib ta' xi mpjegat jew uffiċjal fil-Ministeru?
Response (REFALO, MICHAEL)
Il-kariga ta’ Senior Executive HR mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu mtliet fil-21 ta’ Ottubru, 2002.
Il-kariga mtliet mis-sinjura Jacqueline St. John nee’ Cremona li għandha l-kwalifiki kollha mitluba fil-Call for Applications, ċioe’, ‘A’ level standard of education u esperjenza ta’ xogħol fil-qasam ta’ Human Resources.
L-għażla biex jimtlew karigi fl-Awtorita’ ssir minn Interviewing Board kompost minn tlett uffiċċjali għolja.
Peress li l-parentela hi rrelevanti għall-għażla ma jidhirlix li għandi nwieġeb għal din il-parti tal-mistoqsija.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra liema xogħol u kemm spejjeż huwa previst li jsir bl-għajnuna ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur, il-Birgu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra xi żviluppi kien hemm fir-relazzjonijiet ta' pajjiżna maċ-Ċina f'dak li għandu x'jaqsam mat-turiżmu u jista' jinforma lill-Kamra wkoll kemm hemm gwidi liċenzjati fid-djaletti u lingwi Ċiniżi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għal mistoqisja parlamentari numru 37000, jista' il-Ministru jikkonsidra li fil-ħruġ ta'permessi għal-discos ikun hemm il-kundizzjoni dwar kemm għandu jkun għoli l-volum tal-mużika biex ma tagħmilx ħsara awdita lil dawk preżenti u ma tkunx ta' l-istess ħsara u ta' inkonvenjenza għal min ikun fil-viċinanza?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li l-kriterji stabbiliti mill-Awtorita’ tat-Turiżmu jitfasslu wara konsultazzjoni ma’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u jieħdu in kunsiderazzjoni l-volum tal-mużika biex ma tagħmilx ħsara jew tikkaġuna nkonvenjent għall-ġirien.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-aħħar sena u nofs? Jista' jgħid minn min qed jintużaw dawn il-karozzi? Jista' jgħid x'marka huma dawn il-karozzi u kemm ġew jiswew?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar sena u nofs ma nxtrawx karozzi ġodda mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Possibli titnaddaf l-slipway fir-ramla ta' San Tumas, l/o M'Scala li tinsab quddiem il-fishermen's rest restaurant għaliex din imtliet kollha alka u s-sajjieda qed isibuha diffiċli jtellgħu u jniżżlu d-dgħajjes tagħhom.
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-post indikat mill-Onorevoli Interpellant ġie mnaddaf mit-taqsima tal-Beach Cleaners nhar it-Tlieta 12 ta’ Novembru 2002.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu l-affarijiet u l-oġġetti kollha li l-Ministeru ħa ħsieb li jneħħi mill-White Rocks Holiday Complex qabel dan tħalla jiġi vvandalizzat? Jista' il-Ministru jgħid jekk inżamx inventarju ta' dawn l-affarijiet u oġġetti? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja ta' dan l-inventarju fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' il-Ministru jgħid ukoll liema affarijiet u oġġetti minn dawn li neħħa l-Ministeru ġew mgħotija lill-għaqdiet, organizzazzjonijiet u ndividwi? Jista' f'kull każ jgħid min huma dawn l-għaqdiet, organizzazzjonijiet u ndividwi? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-affarijiet u l-oġġetti li għandhom maħżuna u miżmuma fir-responsabilita' tal-Ministeru u fejn jisabu maħżuna u miżmuma?
Response (REFALO, MICHAEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Infurmat li dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija l-items kollha ta’ Office Equipment u tagħmir tal-kċina ttieħdu mid-Dipartiment u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS).
Jista' il-Ministru jgħid it-take-away li ser ikun hemm fin-naħa t'isfel ta' Bellavista Street, San Ġwann għandux trading licence? Jekk iva, ir-residenti ġew ikkonsultanti mill-awtoritajiet kompetenti?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li liċenzi tal-catering mill-Awtorita’ tat-Turiżmu jinħarġu wara li l-post ikollu l-permessi meħtieġa mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u d-Dipartiment tax-Xogħolijiet (Drainage).
Peress li l-applikant kiseb il-permessi kollha kien għalhekk li l-Awtorita’, wara spezzjoni tal-post, ħarġet il-permess biex dan jiġi operat bħala take away.
Kif żgur jaf l-Onor. Interpellant ir-residenti kellhom kull opportunita’ li jressqu l-ilmenti matul il-proċess tal-applikazzjoni mill-Awtorita’ tal-Ippjanar. Hu propju għalhekk li, qabel jingħata permess ta’ żvilupp jitwaħħal avviż f’post fejn il-ġirien jistgħu jarawh.
Turiżmu — Kuntratti lill-Kumpanniji u Periti Privati
Question
Jista' il-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum jekk ingħatawx kuntratti jew xi xogħlijiet oħra lill-periti jew kumpannija ta' periti privati fid-dekasteru tiegħu? X'kienu dawn ix-xogħlijiet jew kuntratti u kemm jiswew kull wieħed? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa għall-offerti jew le?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ma narax il-ħtieġa li tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba. Iżda jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi każ partikolari, nitolbu jagħmel mistoqsija speċifika.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35269 u nżid dan il-kliem mill-final draft tal-NPAA f'paġna 143 fejn jingħad ''the adoption of internal prices of several commodities could have a direct bearing on domestic costs and may affect negatively Malta's international competiteveness, particularly in the industrial and tourism sectors''?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-NPAA ma jagħmel ebda referenza għall-bidliet fil-prezzijiet għall-konsumatur fejn jidħlu ħwejjeġ ta’ l-ikel.
Fil-kapitlu dwar it-Tassazzjoni (p.111), fir-rigward tal-liġi dwar il-VAT, l-NPAA jgħid li bidliet f’din il-liġi “are deemed to have important social implications and a number of special arrangements have been requested”. Fil-fatt fil-Position Paper dwar it-Tassazzjoni, Malta qed titlob sabiex prodotti ta’ l-ikel jibqgħu fl-istat preżenti fejn huma eżenti mit-taxxa, fil-finijiet tas-Sitt Direttiva tal-Komunita’ Ewropeja 77/388/EEC. Il-kapitlu dwar it-Tassazzjoni għadu ma ġiex magħluq, għaldaqstant l-impatt ta’ xi bidla li jista’ jkun hemm fuq prezzijiet ta’ l-ikel fuq l-industrija tat-turiżmu għadu ma jistax jiġi kkalkulat.
Bl-istess mod, il-kapitlu li jitratta l-Agrikoltura fl-NPAA jirreferi biss għall-levies u tariffi applikabbli skond id-direttivi li jikkonċernaw il-prodotti lokali u / jew importati. Filwaqt li l-NPAA jispeċifika (p.143) illi “[t]he adopton of the internal prices of several commodities could have a direct bearing on domestic costs and may affect negatively Malta’s international competitiveness particularly in the industrial and tourism sectors”, id-dokument ikompli biex jiċċara’ illi “Malta is seeking specific supply arrangements to source products at international market prices through the exemption from customs duties on products imported from third countries and / or specific support for specific Community products” (NPAA 2002, 143-144). L-istess bħall-kapitlu dwar it-Tassazzjoni, il-kapitlu dwar l-Agrikoltura għadu qiegħed jiġi nnegozjat, u għad ma hemm xejn definit fejn jidħlu impatti fuq l-industrija tat-turiżmu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw studenti biex jidħlu f'xi kors jew ieħor ta' l-istitut għall-istudji turistiċi? Kemm minnhom ġew aċċettati għal din is-sena akkademika li qed tibda?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li kien hemm 446 li applikaw biex isegwu kors ta’ studji u taħriġ fl-ITS għal din is-sena akkademika.
Minn dawn 409 resqu għall-interview u test. Instab li 38 ma kellhomx il-kwalifiki neċessarji, 22 irtiraw l-applikazzjoni, waqt li 100 ma għaddewx mill-interview u l-aptitude tests. Għalhekk 281 daħlu l-ITS. Minn dawn qed jattendu 256, kif ġej:-
Hospitality Management 20
Hotel Operations 24
Accommodation Operations 32
Travel Agency Operations 15
Tour Guiding 21
Food Preparation & Service 69
Hotel Services 11
ESTS – Food Preparation & Service 60
ESTS – Hotel Services 4
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35524, cioe' jgħid mill-1998 sal-lum kemm ġew impjegati ħaddiema mal-MTA jew mad-dipartiment tat-turiżmu u mil-liema lokalita' kienu?
Response (REFALO, MICHAEL)
M’għandix x’inżid ma’ l-informazzjoni li diġa’ poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu n-negozjati dwar l-iżvilupp tal-White Rocks Complex mill-privat? Jista' jikkonferma jekk il-consortium li miegħu qegħdin isiru negozjati għamilx talba sabiex minflok proġett turistiku dan il-proġett jispiċċa wieħed spekulattiv ta' djar u appartamenti?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati dwar l-iżvilupp tal-White Rocks Complex ilhom li ntemmu. Bħalissa l-Consortium qiegħed isegwi l-proċess mitlub mill-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-Ambjent li jwassal għall-ħruġ ta’ permess ta’ żvilupp.
Jien ukoll smajt ix-xniegħa li waslet għand l-Onor. Interpellant u nixtieq ninfurmah li m’hemm ebda verita’ fil-qlajja li minn wieħed turistiku l-Consortium qaleb il-proġett għal wieħed edilizju u spekulattiv.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu karrozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?
Response (REFALO, MICHAEL)
Hemm żewġ karozzi li huma għad-dispożizzjoni tiegħi u t-tnejn li huma jaħdmu bil-petrol li jittieħed mill-pompa ta’ MISS Ltd f’Manoel Island. Iż-żewġ karozzi jittieħdu d-dar wara l-ħin tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34771 u ċioe jista' l-Ministru jgħid għalkemm ninsabu eżentati bħalissa, il-gvern studja l-impatt li sħubija sħiħa fl-UE iġġib magħha minħabba l-fatt li malli nissieħbu it-tour operators jkollhom jibdew japplikaw it-tour operators margin scheme, xi 15-17% VAT fuq il-margin tal-btajjel tagħhom għall-Malta? Ma taħsibx li dan ser jolqot f'mod negattiv il-kompetittivita' tagħna?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li għal dak li għandu x’jaqsam mat-Tour Operators Margin Scheme, din se tidħol fis-seħħ hekk kif Malta tidħol membru fl-Unjoni Ewropea. Din hija taxxa fuq il-marġni tal-qliegħ ta’ packages mibjugħin minn tour operators, bir-rata tkun ta’ 17.5%. Din l-iskema tapplika għal kull tour operator Ewropew li jbiegħ package li jkun se jiġi kkunsmat f’destinazzjoni li hija fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Waqt li din l-iskema se tidħol fis-seħħ mad-dħul eventwali ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, se jkun hemm tnaqqis fit-taxxa magħrufa bħala Air Passenger Duty b’effett mill-1 ta’ Novembru 2002. It-taxxa ta’ l-Air Passenger Duty fuq bejgħ ta’ economy seats ser tonqos b’75%, waqt li dik fuq premium seats se tonqos b’50%. B’hekk ir-rata ta’ din it-taxxa fuq bejgħ ta’ seats se tiġi konformi ma’ dik ta’ pajjiżi membri fl-Unjoni.