Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-finanzi — Kiri ta' affarijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kirjiet ta' vannijiet, karozzi, trakkijiet, gafef, għamara, mobile phones, photocopiers, computers, pjanti, eċċ. li għandu l-ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekastru tal-ministeru? Kemm hi r-rata tal-kirja kull ġurnata f'kull każ separatament? Fil-preżent, kemm hi ċ-ċifra taż flus tal-kontijiet pendenti li l-ministeru u l-entitajiet għandhom iħallsu għal dawn il-kirjiet? Kemm kienet in-nefqa globali ta' dawn il-kirjiet matul is-sena li għaddiet? Jista' jinformani kemm kienet in-nefqa globali għal karozzi u għamara ġdida li nxtrat matul is-sena 2003?

Response (DALLI, JOHN)

Peress li jidher li l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru fil-Mistoqsija tiegħu mhux se twassal għal xi titjib fl-amministrazzjoni pubblika ta' pajjiżna jew għal xi benefiċċju relevanti ieħor, ma naħsibx li l-ħin estensiv li jinħtieġ f'kull Ministeru u Dipartiment sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba ikun ġustifikat u ċertament huwa ħin li jista' jintuża aħjar. L-Onorevoli Membru għandu jikkunsidra jagħmel Mistoqsija aktar iffokata u ristretta.

Reġistrazzjoni ta' jottijiet — Ħlas ta' VAT

Question

Peress illi l-gvern naqqas ir-rata tal-VAT għal 5% fuq yachts, eċċ., bejn Novembru u Marzu 2004, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati yachts taħt din l-iskema? Peress li l-gvern stqarr li din il-miżura tgħin in-negozju tar-reġistrazzjoni ta' jottijiet, jista' jgħid kemm żdied id-dħul tal-gvern b'din il-miżura? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' jottijiet reġistrati sal-lum?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jistenna sa l-aħħar ta' Marzu meta tagħlaq l-iskema. F'kull każ ma naħsibx li nista' nagħti dettalji fuq min qed iħallas it-taxxa.

Debt servicing

Question

Mill-estimi jirriżulta li d-debt servicing għall-2003 kien ta' Lm85.7 miljun u li minnu Lm75.2 miljun hu ħlas ta' imgħaxijiet għal dejn lokali. B'hekk jirriżulta li l-gvern iħallas iktar minn Lm10 miljun fuq dejr barrani. Skond l-estimi d-dejn lokali llum huwa ta' Lm1,001 miljun. Madanakollu minn eżami ta' l-istess estimi ma jirriżultax kemm huwa d-dejn barrani globali. Jista' jindika kemm hu dan id-dejn?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dejn globali barrani tal-Gvern ta' Malta huwa ta' Lm72,628,327 (tnejn u sebghin miljun sitt mija u tmienja u ghoxrin elf, tlett mija u sebgħa u ghoxrin liri Maltin), mifrux fuq ħmistax-il ftehim ta' self.

Istituzzjonijiet finanzjarji Maltin

Question

B'referenza għal dak li qal kif l-istituzzjonijiet finanzjarji Maltin qdew demirhom sew fl-investigazzjonijiet li saru dwar il-Parmalat, x'żamm lill-istess istituzzjonijiet jaqdu dmirhom sewwa bl-istess mod fil-każ tad-Daewoo?

Response (DALLI, JOHN)

L-Onorevoli Interpellant jaf sew, jew imissu jaf sew, li il-każ tal-grupp multinazzjonali Parmalat u il-każ tad-Daewoo ma għandhom xejn x'jaqsmu ma' xulxin, u l-attentat sabiex jipprova jikkonsidrahom bħala simili huwa eserċizzju pwerili.

Deficit tal-pajjiż

Question

B'liema mod jista' jiftaħar li l-Gvern laħaq il-miri tiegħu meta żamm id-deficit għal Lm105 miljun fis-sena 2003 meta kien qed jippjana li dan kellu jkun ta' Lm75 miljun, jiġifieri Lm30 miljun inqas milli fil-fatt laħaq?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din mhix kwistjoni ta' ftaħir imma fatti, u t-tweġiba diġa ngħatat fid-Diskors tal-Budget għas-sena 2004. Il-Lm75 miljun deficit għas-sena 2003 kien ibbażat fuq ċertu livelli ta' dħul li kien mistenni kemm għas-sena 2002 u għas-sena 2003. Minħabba varjazzjoni f'dawn l-istimi, li r-raġunijiet għalihom issa ħerġin minn widnejna, kieku l-Gvern ma ħax passi immedjati fl-2003, id-deficit għall-2003 kien ser ikun bejn Lm126 miljun u Lm135 miljun. Bl-għaqal tal-Gvern, permezz ta' trażżin fl-infiq, li xorta permezz tiegħu ma tnaqqsitx l-effiċċjenza fl-operat ta' l-Amministrazzjoni, u permezz ta' aktar effiċċjenza fil-ġbir ta' flejjes dovuti lid-Dipartimenti, il-Gvern irnexxilu jnaqqas dan il-livell għoli ta' deficit.

Lottu pubbliku — Revenue

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-revenue ġenerat mil-lottery and gaming authority matul is-snin 2001, 2002 u 2003? Jista' jgħid x'kien ir-revenue ġenerat mill-casinos matul is-snin 2001, 2002 u 2003? Jista' jgħid x'kien ir-revenue ġenerat mil-lottu pubbliku matul is-snin 2001, 2002 u 2003? X'kien, jekk kien hemm, il-kontribut ta' l-entitajiet imsemmija lill-fond konsolidat?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-revenue ġenerat mill-casinos u mill-Lottu Pubbliku matul is-snin 2001, 2002 u 2003 u li għadda fil-fond konsolidat kien kif hu indikat hawn taħt: 2001 2002 2003 LM LM LM Casinos 2,620,876 3,354,818 3,658,938 Lottu Pubbliku 7,065,704 6,495,986 7,159,272

Bank Ċentrali — Forecast

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-forecast tas-sena d-dieħla mill-Bank Ċentrali huwa biss ta' Lm17 miljun, mentri s-sena l-oħra kien ta' Lm20 miljun?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tnaqqis fil-profitti tal-Bank Ċentrali matul l-2003 jirriżulta primarjament miż-żieda qawwija li kien hemm fil-likwidita’ fis-suq tal-flus lokali matul din is-sena li ħtieġet illi l-Bank jassorbixxi ammont ferm akbar ta’ depożiti minn għand il-banek lokali permezz ta’ l-operazzjonijiet monetarji tiegħu ta’ kull ġimgħa. Dan irriżultalu f’żieda sostanzjali ta’ l-ispiża fuq imgħaxijiet li tħallsu lill-banek lokali u li kellha effett dirett fuq il-profitti finali. Min-naħa tad-dħul kien hemm nuqqas sostanzjali fir-rati ta’ l-imgħaxijiet fis-swieq internazzjonali illi nnewtralizza l-effett pożittiv taż-żieda fir-riservi barranin.

Lottu pubbliku — Forecast

Question

B'riferenza għall-estimi finanzjarji għas-sena 2004, paġna 120, minn fejn jirriżulta li l-forecast għal din is-sena konċernanti dħul mil-lotteriji huwa ta' Lm24,700,000. Jista' il-Ministru jagħti breakdown dettaljat ta' din il-figura?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minbarra l-fatt li mistenni jiġi ripetut l-istess livell ta' dħul ta' l-2003, ta' 'l fuq minn Lm12-il miljun, mistennija: Lm8 miljuni mil-liċenzja li ngħatat din il-gimgħa lill-operatur il-ġdid tal-lotteriji; Lm1.5 miljuni dħul aktar minn sorsi eżistenti, inklużi l-Betting Offices Operations u Casino Charges (paragunat ma' l-istess livell ta' żieda fid-dħul bejn l-2002 u l-2003); u Lm3 miljuni minn attivitajiet ġodda li sa issa ma kienux qed jiġu indirizzati.

VAT — Forecast

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-forecast mill-VAT għas-sena 2004 huwa biss ta' Lm140.53 miljun, ossia żieda ta' Lm9.5 miljun fuq il-forecast tas-sena l-oħra? Japprezza l-Ministru li jekk l-ekonomija tibqa' kif inhi u nżidu l-introjtu bi 3% (żieda fil-VAT għal 18%) l-introjtu għandu jkun ta' Lm156 miljun? Għaliex il-forecast huwa ta' Lm16 miljun inqas?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żieda ta' 3% fil-VAT tibda tiġi riflessa fid-dħul tad-Dipartiment bejn wieħed u ieħor mid-denunzja li l-perjodu tagħha jagħlaq fil-31 ta' Jannar u li allura għandha tintbagħat sal-15 ta' Marzu 2004. Barra minn hekk, bħalma għidt bosta drabi, u spjegajt fid-diskors tal-Budget, mill-1 ta' Mejju 2004, il-VAT fuq oġġetti mixtrija minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropeja mhux se tibqa titħallas fid-Dwana iżda meta jinbiegħu l-oġġetti lill-konsumatur f'Malta. Għalhekk ser ikun hemm ittardjar ta' ħlas bil-Vat fis-sena 2004, li parti minnha tinġabar u tgħaddi lid-Dipartiment fis-sena ta' wara.

Pensjonanti — Ħlas ta' taxxa fuq il-pensjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus li ħallsu l-pensjonanti f'taxxa fuq il-pensjoni matul is-sena 2003?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont totali ta’ taxxa mnaqqsa mill-pensjonijiet imħallsa mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali matul l-2003 kien ta’ Lm1,301,303. Din iċ-ċifra hija l-ammont ta’ taxxa li nżammet minn ras il-għajn (withholding tax) u li għalhekk mhux neċessarjament t-taxxa li attwalment se tkun dovuta mill-pensjonanti meta jibagħtu l-formola tat-taxxa relattiva.

Dipartiment tat-taxxi interni — Kumpanniji mħarrka minħabba ħlas ta' PAYE

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm huma l-kumpanniji li qed jiġu mħarrka mid-dipartiment tat-taxxi interni għaliex ma ħallsux il-PAYE tal-ħaddiema? Kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali li jridu jħallsu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dawk il-kumpaniji jew employers (min iħaddem) li d-dipartiment qed jieħu passi legali kemm fuq FSS (Final Settlement System: PAYE) jew SSC (Social Security Contributions: NI) għas-snin 1998 sal-2003 huma kif jidher fit-tabella mehmuża.

Dipartiment tat-taxxa tal-VAT — Kumpannija mħarrka fuq ħlas ta' taxxa tal-VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kumpanniji u persuni li qed jiġu mħarrka mid-dipartiment tat-taxxa tal-VAT għaliex ma ħallsux it-taxxa tal-VAT dovuta?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul Jannar sa’ Dicembru 2003, kien hemm 232 kumpanija u 192 individwu li ġew mħarrka mid-Dipartiment tal-VAT permezz ta’ passi civili.

Kumpannija Ġermaniża ta' l-elettronika

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk matul Jannar 2004 bdietx topera f'pajjiżna kumpannija Ġermaniża ta' l-elettronika?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi fil-perjodu imsemmi, ġiet reġistrata kumpannija waħda b'shareholding Ġermaniż li fost attiviatjiet oħra twettaq xogħol ta' elettronika.

Triq tal-barrani — Sejħa biex isiru traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tal-kuntratti ħariġx is-sejħa sabiex isiru t-traffic lights fi Triq tal-Barrani hekk kif toħroġ miż-Żejtun?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Kuntratti fis-27 ta' Jannar 2004 ħareġ sejħa għall-offerti għal provista u tqegħid ta' traffic lights fit-Triq tal-Barrani, Zejtun taħt l-Avviż Numru CT 13/04. L-offerta tagħlaq fit-9 ta' Marzu 2004.

Ministeru għal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi — Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-Dikasteru tiegħu? Minn min qed jintużaw u kemm tħallsu f'kontijiet ta' dawn il-mobile phones matul is-sena 2003?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mat-tagħrif diġa mogħti fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4077, Seduta 100 ser inżid dan li ġej: Fl-entitajiet tad-dekasteru tiegħi hemm 40 mobile phone. Dawn jintużaw minn uffiċċjali għoljin f’dawn l-entitajiet u minn xi uffiċċjali oħrajn skond il-bżonn. L-ispiża totali għas-sena 2003 kienet ta’ Lm14,532.

Taxxi Interni — Ħlas ta' arretrati/taxxa tal-VAT

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm hu n-numru ta' persuni u kumpanniji li fil-preżent għandhom xi forma ta' arranġamenti speċjali sabiex iħallsu l-arretrati tal-pagamenti dovuti minnhom tat-taxxa u kif ukoll tat-taxxa tal-VAT f'Malta u Għawdex, separatament? Kemm hu l-valur taċ-ċifra globali tal-flus in kwestjoni li trid tinġabar permezz ta' dawn l-agreements?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT, f’każijiet speċjali biss jasal f’arranġament ma’ persuni u kumpaniji biex l-ammont dovut jitħallas fuq medda ta’ żmien raġonevoli. L-interessi u t-taxxa addizzjonali dovuti jibqgħu għaddejjin sakemm l-ammont jitħallas kollu. Hemm 27 persuni/kumpanji li għandhom dan it-tip ta’ arranġament għal somma globali ta’ Lm2,227,371. L-informazzjoni mitluba dwar it-taxxa fuq id-dħul tinsab fit-tabella mehmuża.

Negozji — Permessi

Question

Jista il-Ministru jgħid x'tip ta' permessi u kunsens jinħtieġu dawn it-tipi ta' negozju: Take Away, Restaurant, Bar, Puncture Repair?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta ta' x'tip ta' permessi jeħtieġu take aways, restaurants u bars għandha tingħata mill-Ministru responsabbli ta' l-MTA, filwaqt li għan-negozji ta' puncture repair jeħtieġu biss il-permess tal-MEPA li jippermetti dan il-ġeneru ta' negozju.

Importazzjoni ta' vetturi — Taxxa tad-dazju u VAT

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown tad-dħul mit-taxxa tad-dazju u l-VAT fuq vetturi importati matul is-sena 2003, skond il-pajjiżi ta' oriġini tal-vettura?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif gej: Import Duty VAT Ewropa LM 130,517 LM 3,305,487 Barra mill-Ewropa LM 1,752,367 LM 2,471,893 Ma’ dan l-ammont wieħed irid iżid il-VAT li tinġabar meta titħallas t-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq il-vetturi li għas-sena 2003 kienet ta’ Lm3,454,553.

Uffiċċju tat-taxxi — Ġbir ta' flus

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus miġbura mill-uffiċċju tal-value added tax xahar b'xahar, matul is-snin 2001, 2002 u 2003?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ flus migbura xahar b’xahar mid-Dipartiment tal-VAT huwa kif qed jidher fit-tabella mehmuża.