Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #38201 Sitting 864 2003-02-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Bdiewa — Ċensiment

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa li fuqhom sar iċ-ċensiment imsemmi fil-budget ? Kemm minnhom kienu part-time u full-time u kemm Maltin u Għawdxin?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi fiċ-Ċensiment ta' l-Agrikoltura li sar f'Ottubru 2001, f'Malta ġew irreġistrati 1,269 bidwi u rahhal full time u 10,368 bidwi u rahhal part time. F'Ghawdex gew irreġistrati 202 u 2,837 bidwi u raħħal full-time u part-time rispettivament.
Leg 9 PQ #38202 Sitting 864 2003-02-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Għaqdiet — Kooperattivi tal-bdiewa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37388 u cioe' jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-għaqdiet/ kooperattivi tal-bdiewa li qablu jew ma qablux mad-dħul ta' 80% mill-produzzjoni tagħhom, jista' l-Ministru jinformani liema kienu l-għaqdiet/kooperattivi tal-bdiewa li qablu u dawk li ma qablux mal-kalkoli ta' Lm80 qliegħ mill-bejgħ tal-prodotti li jipproduċu l-bdiewa?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif spjegajt fid-Diskors tal-Budget, il-medja ta' 80 fil-mija kienet ibbażata fuq ir-riżultat taċ-ċensiment li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika.
Leg 9 PQ #38418 Sitting 864 2003-02-04 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati jaħdmu fil-Ministeru tiegħu? Xi grad għandhom u x'funzjoni jaqdu? Kemm hemm on loan minn xi dipartiment ieħor? Kemm hemm bil-kuntratt? X'inhu s-salarju tagħhom?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ta' l-Prim Ministru għall-mistoqsija Nru. 38415.
Leg 9 PQ #38434 Sitting 864 2003-02-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Bank of Valletta — Privatizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kien hemm xi żviluppi dwar il-privatizzazzjoni parzjali tal-Bank of Valletta? Il-Banco di Sicilia ikkristalizzaw il-pożizzjoni tagħhom dwar is-sehem futur tagħhom fil-Bank?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għaż-żewġ domandi hija fin-negattiv.
Leg 9 PQ #38349 Sitting 863 2003-02-03 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Eżezzjoni mill-lezzjonijiet tal-ballu

Question

Meta ssemmiet il-kelma ballet f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-eżenzjoni tal-VAT dan kien jirreferi għall-ballet klassiku biss jew għall-żfin kollu, eżempju: jazz dancing jew latin american?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #38350 Sitting 863 2003-02-03 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru tal-Finanzi

Joint account/Safe deposit

Question

Tista' issir emenda fil-liġi biex meta jkun hemm joint account jew safe deposit f'isem tnejn min-nies, dan ma jinżammx f'każ ta'mewt ta' xi ħadd minnhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta kif ukoll l-Att dwar il-kummerċ Bankarju ma' fihomx disposizzjonijiet li jirregolaw "joint accounts" jew "safe deposits" f'isem tnejn min-nies. Fil-fatt bħal f'ħafna każi fil-liġi tal-kummerċ tagħna, "joint accounts" u "safe deposits" huma rregolati bil-prinċipji ġenerali tal-liġi ċivili kif ukoll mill-prattika bankarja. Fil-Kodiċi ċivili nsibu regoli dwar l-komunjoni tal-beni u l-jeddijiet tal-komproprjetarji matul il-Komunjoni kif ukoll dwar is-suċċessjoni. Il-liġi tippreżumi li kull komproprjetarju għandu sehem indaqs u għandu il-jedd li jittrasferixxi, iżiedi, jew jipoteka dan is-sehem kif irid, u jista' wkoll iqiegħed floku lill ħaddieħor fit-tqawdija ta' dak is-sehem. F'każ ta' mewt ta' komproprjetarju ta' "joint account" few "safe deposit", dan jinżamm sakemm tiġi prodotta d-dokumentazzjoni li tipprova s-sehem eżatt tal-komproprjetarju li jkun miet. Għalhekk, iridu iseħħu emendi fil-Kodiċi ċivili sabiex fil-każ ta' mewt ta' komproprjetarju ta' "joint account" jew "safe deposit", dan ma' jinżammx.
Leg 9 PQ #38382 Sitting 863 2003-02-03 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Income Tax

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna li qed insemmi separatament qed tintalab tħallas Lm27 f'income tax meta din qatt ma ħadmet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti nformazzjoni konfidenzjali. Il-persuna kkonċernata tista tmur fit-Taxpayer Service tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni biex tingħata l-informazzjoni kollha li tixtieq.
Leg 9 PQ #38432 Sitting 863 2003-02-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Lottu Pubbliku — Privatizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-aħħar żviluppi dwar il-privatizzazzjoni tal-Lottu Pubbliku?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qegħdin isiru diskusjonijiet bejn il-Maltco Concortium u il-Lotto Receivers Union.
Leg 9 PQ #38433 Sitting 863 2003-02-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

MOBC — Privatizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpanniji barranin li wrew interess fil-privatizzazzjoni tal-MOBC? Liema kienu? Kemm kien hemm kumpanniji Maltin li wrew l-istess interess? Liema kienu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm ħmistax il-kumpanija li wrew interess fil-privatizzazzjoni ta' l-MOBC. Minħabba li marbutin b'Confidentiality Agreement minix liberu li nsemmi l-kumpanija.
Leg 9 PQ #38156 Sitting 859 2003-01-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Non EU countries — Dazju fuq corned beef u ton taż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex minn din is-sena żdied id-dazju fuq il-corned beef u t-tonn taż-żejt impurtat minn Non EU countries? Għaliex dan id-dazju fuq firxa ta' prodotti se jiżdied għal 28.8% mill-għada tas-sħubija?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif għidt fid-diskorsi tal-budget fit-tlett snin li għaddew qiegħed isir eżerċizzju biex id-dazzji tagħna joqorbu lejn l-iskeda ta' dazji stabbilita fl-Unjoni Ewropeja. Dan hu meħtieġ wara li l-Gvern Laburista kien imġiegħel mill-Unjoni Ewropeja jgħolli d-dazju fuq ħafna prodotti meta għamel il-bidla bl-addoċċ mill-VAT għas-SISA fl-1997. Ħafna dazji qed jitnaqqsu u oħrajn żdiedu. L-Onorevoli Membru għażel li jsemmi biss dak li żdied.
Leg 9 PQ #38199 Sitting 855 2003-01-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Vat — Vat Inspectors

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 38071 u ċioe' dawk li għandhom I.D. Card ta' VAT inspectors kollha għandhom l-istess benefiċċji u kondizzjonijiet tax-xogħol? X'kienet ir-raġuni li fi stadju partikolari ngħata x-xogħol ta' VAT inspectors lis-suldati?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-VAQT Inspectors kollha għandhom l-istess benefiċċji u kundizzjonijiet tax-xogħol, li minn żmien għal żmien, jingħataw doveri diversi skond l-eżiġenzi u l-ħtiġijiet tad-Dipartiment. Għall-bidu tas-sena 2001, numru ta' Revenue Security Personnel ġew assenjati mad-Dipartiment tal-VAT fejn ġew allokati dmirijiet partikolari relatati mal-kariga tagħhom bħala membri tar-Revenue Security Corps.
Leg 9 PQ #37953 Sitting 852 2003-01-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Bdiewa — Refunds tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex numru kbir ta' bdiewa ilhom aktar minn tlett snin ma jirċievu r-refunds tal-VAT bħal każ li qed nibgħat separatament (VAT No. 12711535)? Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hi ċ-ċifra ta' flus li trid titħallas lill-bdiewa f'Malta u Għawdex separatament bħala ħlas tar-refunds tal-VAT? Jista' l-Ministru jara li dawn ir-refunds jitħallsu mingħajr aktar telf ta' żmien?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' bdiewa li jidher li għandhom jieħdu refunds tal-VAT 1999 huwa ta' 7 f'Malta u wieħed f'Għawdex li jammontaw għal total ta' Lm13,540 u Lm1,113 rispettivament. Dawn it-talbiet qegħdin jiġu verifikati u l-ħlas, jekk jinstab li hu dovut, mistenni isir dalwaqt.
Leg 9 PQ #37931 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Private securities

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kuntratti għal securities privati li għandu l-Ministeru, dipartimenti, kumpanniji, eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' sigħat u ta' flus li tħallsu għal dawn il-kuntratti matul is-snin 2002, 2001 u 2000, separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #38071 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — VAT inspectors

Question

Dawk li għandhom I.D. Card ta' VAT inspectors, jista' l-Minsitru jgħid jekk hux kollha għandhom l-istess benefiċċji u kondizzjonijiet tax-xogħol? X'kienet ir-raġuni li fi stadju partikolari ngħata x-xogħol ta' VAT inspectors lis-suldati?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #37971 Sitting 846 2003-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kontijiet tat-taxxa fuq id-dħul li kienu statute barred fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment mhux konxju minn xi kontijiet tat-taxxa fuq id-dħul statute barred fis-snin imsemmija fl-Interpellanza. Kull sena id-diversi sezzjonijiet tad-Dipartiment iduru u jipproċessaw dawk il-formoli li jkunu se jiġu preskritti sa l-aħħar tas-sena rispettiva.
Leg 9 PQ #37701 Sitting 845 2003-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Ikel u mediċini

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37422, jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt sarux laqgħat interministerjali u mal-MCSCD sabiex jiġi diskuss l-impatt fuq il-familji Maltin u Għawdxin li tikkawża l-introduzzjoni tat-taxxa tal-VAT fuq l-ikel? Meta saru u x'kienu l-pożizzjonijiet u ċirkostanzi li tqajmu dwar din it-taxxa fuq l-ikel u l-mediċini tal-Maltin u l-Għawdxin?

Response (DALLI, JOHN)

L-Onorevoli Interpellant jaf li l-pożizzjoni li ħa l-Gvern Malti dwar il-VAT fuq l-ikel u mediċinali fin-negozjati tiegħu ma' l-Unjoni Ewropea jgħati ċans sa' seba snin oħra biex isir xi tibdil. Studji bħal dawn isiru meta u min jiddeċiedi li jgħamel din il-bidla. Żgur mhux il-każ li dan isir issa.
Leg 9 PQ #37702 Sitting 845 2003-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Printed matter

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37424, jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt sarux laqgħat interministerjali u mal-MCSCD sabiex jiġi diskuss l-impatt fuq il-familji Maltin u Għawdxin li tikkawża l-introduzzjoni tat-taxxa tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet? Meta saru u x'kienu l-pożizzjonijiet u ċirkostanzi li tqajmu dwar din it-taxxa tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li diskussjonijiet u studji jsiru meta jiġi deċiż li tiġi mplementati xi tibdil.
Leg 9 PQ #37760 Sitting 845 2003-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Budget 2003 — Stampar tad-diskors

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37364 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tgħid x'irriżulta li d-diskors tal-Budget 2003 ma ġiex stampat fl-istamperija tal-Gvern? Jekk iva, għaliex?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-parti tad-diskors li l-istamperija tal-gvern ma kienx attrezzat li jipproduċi sar barra. Dak li seta jsir fl-istamperija, sar fl-istamperija tal-Gvern.
Leg 9 PQ #37957 Sitting 845 2003-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Importazzjoni ta' aluminium profiles

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni dwar il-każ li kont qajjimt bosta xhur ilu dwar allegata evażjoni mill-VAT f'każ li jikkonċerna l-importazzjoni ta' aluminium profiles?

Response (DALLI, JOHN)

L-Onorevoli Interpellant jifhem li dan it-tip ta' investigazzjonijiet jieħdu fit-tul u malli jkun possibbli jkompli l-proċeduri skond ma jirriżulta bil-parteċipazzjoni tal-pulizija jekk dan ikun indikat fiċ-ċirkustanzi.
Leg 9 PQ #37958 Sitting 845 2003-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

UE — Liġi tal-ITCs

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma dak li implika l-kap tal-MIC f'workshop dwar l-UE u s-servizzi finanzjarji waqt seminar tal-Kamra ta' l-Avukati li l-liġi tal-ITCs (International Trading Companies) trid tiġi emendata biex tiġi konformi mar-regoli tal-UE?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jiena nfurmat li wara li saru l-verifikazzjonijiet meħtieġa, jirriżulta illi l-interpellant għandu nformazzjoni skorretta. Infatti l-kap tal-MIC innifsu ikkonferma li ma kienx minnu dak li hemm implikat fil-PQ, u li qatt ma ngħad dak id-diskors. Nikkonferma li ma hemmx ħtieġa ta' emendi fil-liġi attwali sabiex l-ITC's jiġu konformi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma qlajjiet intiżi biex jissabuttaġjaw lill-pajjiż li ma jagħmlu xejn ħlief ifixxklu l-imħuħ u jgerrxu l-investement. Għajb għal min jivvinthom u għal min jipperpettwahom.