Legislature:
Category:
Reset
Active:

Boarded out

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew boarded out persuni mix-xogħol xahar b'xahar din is-sena u x'tip ta' xogħol kienu jagħmlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata ebda Dipartiment jew entita’ li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżommu statistika dwar in-numru ta’ persuni li jiġu boarded out jew dwar ix-xogħol li kienu jagħmlu qabel ma ġew boarded out. Jekk l-Onor. Interpellent qed jirreferi għan-numru ta’ persuni li, matul l-2007, bdew jirċievu pensjoni għal invalidita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, ninsab infurmata li t-tagħrif hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Karta ta' l-identita speċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li l-karta ta' l-identita' speċjali tingħata l-importanza mistennija minnha għax ħafna nies li għandhom din il-karta m'humiex jottjenu l-benefiċċji tagħha? Fost l-oħrajn per eżempju, il-karta ta' l-identita' speċjali suppost li tintitola lil min jesibiha biex jinqeda l-ewwel f'diversi postijiet bħalma huma banek, sptarijiet, ċentri tas-saħħa, qorti, postijiet tal-votazzjoni u xi uffiċini tal-gvern. Tista' tara li jitwaħħal avviż f'dawn l-imsemmijin postijiet biex jispeċifika dan id-dritt lil kulmin huwa nteressat sabiex b'hekk inkunu verament qed ngħinu lil nies b'diżabilita' ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-karta ta' l-Identita' Speċjali maħruġa lill-persuni b'diżabilita' mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' tintitola lil dak li jkun għal diversi benefiċċji, inkluż li persuna jkollha prijorita' fl-għoti ta' servizzi minn diversi dipartimenti, entitajiet u kumpanniji. Ninsab infurmata li din il-prijorita', bħal benefiċċji l-oħra li jgawdi minn għandu Karta ta' l-Identita' Speċjali, tista' ma tingħatax b'mod awtomatiku kif ukoll li tkun marbuta ma' kundizzjonijiet skond id-diskrezzjoni ta' min joffri s-servizz. Minħabba dawn id-diffikultajiet, ma naħsibx li s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant jista' jitħaddem fil-prattika. Inżid ngħid li l-benefiċċji offruti lill-persuni li għandhom il-Karta ta' l-Identita' Speċjali huma elenkati fil-ktieb Servizzi u Benefiċċji għal--Persuni b'Diżabilita, li jista jinkiseb mill-Uffiċċju, jew jiġi aċċessat fuq il-Website, tal-Kummissjoni.

Lift

Question

Tista' l-Ministru tara li jsir lift fi flat, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għax fih toqgħod persuna b'saqajha maqtugħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ipprocessat applikazzjoni għal stallar ta' lift fil-blokk indikata mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata wkoll li minn dan il-proċess, li kien jinkludi spezzjonijiet fuq il-post mill-perit u l-inġinier ta' l-Awtorita', irriżulta li t-tromba tat-taraġ hi dejqa wisq biex takkomoda lift ukoll.

L-eta' taż-żgħażagħ li jixorbu

Question

Wara diversi dikjarazzjonijiet li saru minn sidien ta' ħwienet ta' nies li jiffrekwentaw Paceville fuq il-programm Xarabank li jkun hemm wisq tfal kemm taħt is-sittax-il sena kif ukoll taħt it-tmintax-il sena li qed itellfilhom ħafna xogħol, tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed tikkonsidra li tgħolli l-eta' li fihom żgħażagħ jistgħu jidħlu f'bars u jixorbu titla' għal tmintax-il sena? Il-Ministru hija sodisfatta kif sejrin l-affarijiet f'dan il-kamp mindu ġiet in vigore din il-liġi fl-1 ta' Lulju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-liġi ġiet emendata s-sena li għaddiet. Ma neskludix li terġa tkun emendata meta jinħass li wasal iż-żmien. Kif żgur li jaf l-Onor. Interpellant għada qegħda titwettaq kampanja intensiva ta’ edukazzjoni biex kulħadd jifhem il-provedimenti tal-liġi kif ġiet emendata. Fuq dan is-suġġett, bħal f’oqsma oħra fil-kamp soċjali, diffiċli li tgħid li int sodisfatt kompletament. Iżda m’għandix dubju li l-emendi li għamilna fil-liġi huma pass il-quddiem u jipprovdu għodda ġdida biex nikkumbattu l-abbuż mill-alkoħol minn minorenni.

Għajnuna għal single mothers

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' għajnuna finanzjarja huma ntitolati s-single mother? Kemm hemm single mothers fuq din l-għajnuna llum? Kif jikkwalifikaw għall-għajnuna u kemm jammonta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Barra mill-Għajnuna Soċjali, single parents jistgħu jikkwalifikaw wkoll għall-Allowance tat-Tfal kif ukoll għall-Benefiċċju ta’ l-Enerġija. Dawn jikkwalifikaw għal din l-Għajnuna kemm il-darba jkollom il-kustodja tat-tfal, u l-ammont ta’ kapital (flus il-bank, proprjeta’ mhux użata bħala r-residenza tagħhom, eċċ.) ma’ jeċċedix €14,000 (Lm6,000). Id-dħul (eżempju; interessi, manteniment, dħul minn xogħol bi qliegħ, eċċ.), fil-każ ta’ġenituri b’wild wieħed li jabitaw għal rashom, ma’ jridx jeċċedi €93.11 (Lm39.97) fil-ġimgħa. F’każ ta’ single parents li jabitaw mal-ġenituri tagħhom jew ma’ familja oħra, id-dħul ma jridx jeċċedi €69.83 (Lm29.98) fil-ġimgħa. L-ammonti ta’ dħul imsemmija jiżdiedu b’€8.16 (Lm3.50) fil-ġimgħa għal kull wild ieħor minbarra l-ewwel wieħed. Ir-rata fil-ġimgħa li titħallas bħala Għajnuna Soċjali hija d-differenza bejn dawn l-ammonti, skond il-każ, u d-dħul attwali tal-ġenitur. Ninsab infurmata li n-numru ta’ single parents li qed jirċievu din l-Għajnuna hu 2,160. Ir-rata ta’ l- Allowance tat-Tfal tvarja skond id-dħul u n-numru ta’ tfal fil-familja, iżda minn din is-sena, f’ebda każ din l- Allowance ma tkun anqas minn €250 (Lm107) fis-sena għal kull wild. L-ammont tal-Benefiċċju ta’ l-Enerġija’ jvarja peress li dan hu bażat fuq il-konsum tipiku ta’ familja bl-istess numru ta’ persuni.

Għajnuna għal persuna b'diżabilita'

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna b'diżabilita' rreġistrata mal-KNPD NR 10334 ma tieħu l-ebda għajnuna mill-Gvern? Tista' tgħid jekk għajnuna taħt sigurta' soċjali hiex marbuta mad-dħul tal-kap tal-familja u tingħatax indipendentement mid-dħul tal-ġenituri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija l-Onor. Interpellant għandu jagħti parir lill-persuna konċernata jew persuna awtorizzata minnha biex tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali tal-lokalita' tagħha jew iċċempel SPIC fuq numru tat-telephone 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajuna meħtieġa. Ninsab infurmata li fil-każ ta' pensjoni għal persuna b'diżabilita', mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, jiġu kalkulati biss l-assi u d-dħul tal-persuna b'diżabilita. L-assi u d-dħul tal-ġenituri jew ta' l-aħwa li jgħixu flimkien mal-persuna b'diżabilita' ma jiġux ikkalkulati.

Co Owner ta' Fond Privat

Question

Filwaqt li napprezza li persuna separata li kienet xi darba co owner ta' fond privat ma tistax tapplika għal sussidju fuq il-kera ta' flat privat, tista' l-Ministru tgħid jekk persuna simili tkunx eliġibbli għal xiri ta' fond tal-Gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li skond l-avviż ippublikat mill-Awtorita' tad-Djar fid-9 ta' Novembru 2007, dwar bejgħ ta' postijiet taħt l-iskema ta' Shared Ownership, huma skwalifikati dawk il-persuni li minn 3 snin 'l hawn kellhom proprjeta' jew sehem minn proprjeta'. Ninsab infurmata wkoll li, madanakollu, l-Awtorita' xorta tista' tikkunsidra applikazzjonijiet minn persuni li kellhom jew għandhom proprjeta' kemm-il darba, fid-diskrezzjoni assoluta tagħha, l-Awtorita' tqis li l-proprjeta' mhix adekwata għall-akkomodazzjoni residenzjali ta' l-applikanti u l-familja tagħha jew li l-proprjeta' ma tistax, minħabba raġunijiet legali, tekniċi jew loġistiċi, tiġi użata għal abitazzjoni jew likwidata fi żmien relattivament qasir.

Applikazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-applikazzjoni, li r-referenza tagħha qed tintbagħat separatament, sal-lum għadha ma ġietx ipproċessata tant li r-riċerki ħadu aktar minn 7 xhur? Tista' tara li din l-applikazzjoni tiġi deċiża minħabba li titratta persuna b'diżabilita'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li r-riċerki mitluba mill-Awtorita' tad-Djar, dwar il-każ indikat mill-Onor. Interpellant, issa waslu u qed jiġu verifikati. Ninsab infurmata wkoll li, hekk kif isiru dawn il-verifiki, il-persuna konċernata tiġi nfurmata bl-ammont ta' l-għotja u biex tersaq għall-kuntratt.

Tfal taħt Care Order

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn tfal taħt care order illum u għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ tfal koperti b’Ordni għall-Ħarsien hu 212. Dawn l-Ordnijiet inħarġu għal diversi raġunijiet, fosthom għax it-tfal kienu taskurati, jew abbużati fiżikament, jew sesswalment jew emozzjonalment, jew kienu immigranti rregolari minuri mhux akkumpanjati.

Instituti tat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn instituti tat-tfal illum? Kemm hemm tfal fihom u x'eta' għandhom? Kemm minn dawn tpoġġew minn xi ġenitur u kemm mill-aġenzija Appoġġ u kemm minn xi sentenza tal-qorti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li hawn 18-l istitut jew istituzzjoni li jżommu tfal. Ebda entita’jew dipartiment li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm l-istatistika kif mitluba fit-Tieni u t-Tielet Parti tal-Mistoqsija. Iżda ninsab infurmata li n-numru ta’ tfal li qed jirċievu servizz mit-taqsima tal- Looked After Services ta’ l-Aġenzija Appoġġ, u li bejn Jannar u Ġunju 2007 kienu qegħdin f’xi wieħed minn dawn l-istituti jew istituzzjonijiet, kien ta’ 260.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandha punti l-applikanta, li isimha qed jintbagħat separatament, li ilha li applikat 12-il sena għal akkomodazzjoni soċjali u li bħalissa toqgħod f'post ta' periklu għal saħħitha (mard tal-qalb) għax umdu u b'ħafna taraġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-persuna ndikata lit-Taqsima tal-Customer Care ta' l-Awtorita' tad-Djar, il-Furjana, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna possibli.

Early retirement

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk persuna li spiċċat mix-xogħol bl-early retirement, tistax tibqa' taħdem u tibbenefika mill-miżura li tħabbret fil-budget, cioe' li pensjonanti jistgħu jibqgħu jaħdmu, jaqilgħu kemm iridu u jirċievu l-pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-miżura li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, li persuna issa tista' taħdem u taqla' kemm trid mingħajr ma titlef xejn mill-pensjoni, tapplika għall-pensjoni kontributorja ta' l-irtirar imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. Pensjonijiet imħallsa taħt skemi ta’ early retirement ma jaqgħux taħt l-imsemmi Att.

Luqa Barracks

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma r-residenti li joqogħdu fl-ex married quarters ta' Luqa Barracks? Veru li hemm waħda mir-residenzi li hi okkupata minn xi squatters? X'inhi tagħmel l-Housing Authority fil-konfront ta' dawn l-isquatters?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-sit indikat mill-Onor. Interpellant mhux amministrat minn xi Dipartiment jew entita' li taqa' taħt id-dekasteru tiegħi.

Appartamenti tal-Gvern — Lifts

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' talbiet li saru lill-Awtorita' tad-Djar għall-installazzjoni ta' lift fi blokki ta' appartamenti tal-gvern u li sal-lum i) ġew installati ii) ġew rifjutati iii) għad iridu jiġu approvati mill-Awtorita' iv) għad iridu jiġu approvati mill-MEPA v) ġew approvati mill-MEPA iżda ma sarx ix-xogħol fuqhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Appoġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li użaw is-servizzi offruti mill-Appoġġ din is-sena u x'tip ta' għajnuna ngħatat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, li jkopri l-ewwel sitt xhur tas-sena 2007, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmata wkoll li t-tagħrif għat-tieni sitt xhur tas-sena għadu qed jinġabar.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jinfurmani jekk il-miżura mħabbra fil-budget tal-pensjonijiet, cioe' dwar dawk li jirċievu żewġ pensjonijiet u allura kien ikollhom xi tnaqqis, tinkludix l-pensjoni lokali tal-pulizija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-miżura mħabbra fil-Budget għal din is-sena, fejn ser jiġu njorati €465.87 mill-pensjoni tas-servizz fil-kalkolu tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali, tapplika wkoll għall-pensjonijiet tas-servizz mħallsa lill-ex pulizija.

Anzjana — Xogħlijiet fid-dar

Question

Tista' l-Ministru tikkunsidra l-applikazzjoni ta' l-anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba raġunijiet soċjali u ta' saħħa li għandha din il-persuna li jkomplu jżidu l-bżonn ta' l-għajnuna mill-Awtorita' tad-Djar għal xogħlijiet fid-dar ta' din l-anzjana?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ma tistax tiġi aċċettata peress li l-persuna konċernata ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti ta’ l-iskema relevanti.

Liġi tal-health and safety

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tagħha skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti indikati fl-istess Tabelli.

Prezz tad-dar

Question

Tista' l-Ministru tivverfika jekk il-prezz tax-xiri tad-dar tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hijiex koretta għax jidher li f'dan il-każ il-persuna minkejja li hi pensjonanta ma ngħatat l-ebda sussidju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma kkwalifikatx għal sussidju fuq il-prezz tal-bejgħ tar-residenza tagħha għax ma kienetx tissodisfa l-kundizzjoni dwar l-assi tagħha kif stabbilita f’iskema relevanti.