Jista' il-Ministru ġentilment jgħid min huma l-persuni li qegħdin jaħdmu fil-ministeru u x'inhu r-rwol tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ma naħsibx li jkun xieraq li nxandar l-ismijiet ta` dawk il-persuni li qed jaħdmu fis-Segretarjat Privat tiegħi u ma nistax nifhem x`utilita` jista` jkollha din l-informazzjoni.
Il-pożizzjonijiet li jokkupaw dawn il-persuni huma pożizzjonijiet prattikament uniformi għall-Ministeri kollha u qegħdin spjegati f`dokument li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra matul il-Leġislatura preċedenti.
Jista' il-Ministru jagħfi dettalji dwar il-Kunsilli Lokali, kunsill, kunsill kemm daħħlu flus fl-2001, fl-2002 u fl-2003 s'issa mill-kawżi tal-Kummissarji li jsiru fil-lokal?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-informazzjoni li qiegħed jitlob l-Onor. Membru tiġi provduta mill-Kunsilli Lokali, nissuġġerixxi lill-Onor. Membru sabiex jirreferi din il-mistoqsija direttament lill-Kunsilli Lokali.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli li attwalment irreġistraw profitt mill-kawżi tat-tribunali tal-lokal u kemm irreġistraw telf u jagħti d-dettalji?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-informazzjoni li qiegħed jitlob l-Onor. Membru tiġi provduta mill-Kunsilli Lokali, nissuġġerixxi lill-Onor. Membru sabiex jirreferi din il-mistoqsija direttament lill-Kunsilli Lokali.
Jaħsibx il-Ministru, anke al finijiet ta' konvenjenza , u fejn l-akkużati jkunu jistgħu jużufrrwixxu ruħhom mis-servizz ta' avukat, u wara l-esperjenza ta' l-aħħar snin, li jkun aħjar jekk is-seduti tal-kawżi tat-Tribunal tal-Kunsilli Lokali jinżammu kollha fil-bini tal-Qorti, il-Belt?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill -Onor. Membru li l-Gvern matul l-aħħar snin beda process ta' decentralizazzjoni anke fil-qasam tal-Gustizzja. Hija l-politika tal-Gvern li jkompli bil-process ta' depenalizazzjoni u b'hekk il-Qorti fil-Belt tkun tista' tikkoncentra fuq kawzi oħra.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-ground tal-football il-kbir komplut bl-area ċirkostanti f'Ta' l-Infetti Ħaż-Żebbuġ, li bħalissa jinsab encroached f'idejn iż-Żebbuġ Rangers FC jista' jgħaddi f'idejn iż-Żebbuġ Rangers FC b'ċens taħt l-iskema taċ-ċentri sportivi? Dan ikun jista' jiġi wżat għal skop kummerċjali wkoll?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` ingħad fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 887, nikkonferma li l-ground tal-football f`Ta` l-Infetti Ħaż Żebbuġ jista` jgħaddi f`idejn iż-Żebbuġ Rangers FC b`ċens. Fil-fatt id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` bħalissa qed jaħdem fuq numru ta` proprjetajiet, fosthom dan il-każ, sabiex fil-futur mhux il-bogħod titressaq Riżoluzzjoni Parlamentari sabiex dawn jingħataw lil diversi Għaqdiet Sportivi u Għaqdiet mhux Governattivi oħra, b`ċens jew b`kera skond il-każ. Il-ħsieb huwa li l-ground tal-Infetti flimkien ma` l-area tad-dressing rooms jingħata b`ċens temporanju ta` 49 sena lil Żebbuġ Rangers FC. Il-kundizzjonijiet taċ-ċens, f`każijiet bħal dawn, jistipulaw illi l-użu tal-faċilitajiet sportivi għandu jkun esklussivament għall-isport li jista` jinkludi uffiċini għall-amministrazzjoni sportiva, gymnasiums, sport clinics, u faċilitajiet oħra għal min juża jew jiffrekwenta din il-proprjeta`, iżda mhux tali li jibdel in-natura prinċipali tal-kumpless sportiv. Dan ikun jista` jinkludi faċilitajiet ta` bar jew catering.
Jista' il-Ministru jgħid x'għamlet il-pulizija dwar ir-rapport numru 9/V/990/2003 dwar każ fil-Marfa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wara r-rapport li kien sar minn diversi bdiewa rigward ippumpjar ta` l-ilma fl-inħawi magħrufa bħala ta` Msid fil-Marfa, il-Pulizija kienet talbet il-parir ta` diversi dipartimenti u awtoritajiet oħra sabiex tara x`passi tista` tieħu fil-konfront tas-sidien ta` lukanda li hemm fil-qrib.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi talba minn xi dipartiment governattiv sabiex isir żvilupp li jinkludi proprjeta' 32, Eagle Str, Bormla?
Response (BORG, TONIO)
Skond informazzjoni miġbura mid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` l-proprjeta` f`32 Eagle Street, Bormla flimkien ma` proprjeta` oħra adjaċenti, kienet ġiet iddikjarata meħtieġa għal skop pubbliku taħt l-Ordinanza dwar Akkwist ta` Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi permezz tad-Dikjarazzjoni tal-President tar-Repubblika Numru 519 tal-4 ta` Awissu 1992 fuq talba tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta` Djar. Il-proċess ta` akkwist, li għadu ma tlestiex, qed isir taħt il-proċedura ta` Pussess u Użu għal skopijiet ta` slum clearance.
Kemm inġabru vetturi mill-pulizija minn Jannar sal-15 ta' Settembru? Mil-liema lokalitajiet? X'isir minnhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-ewwel tmien xhur u nofs ta` din is-sena, it-Taqsima tal-A.L.E. tal-Pulizija u l-Pulizija Distrettwali ġabru 107 vettura mitluqa, minn dawn il-lokalitajiet f`Malta filwaqt li f`Għawdex il-vetturi mitluqa tneħħew mis-sidien tagħhom stess.
Albertown; Attard; Baħar iċ-Ċagħaq; Balzan; B`Bugia; B`Kara; Birgu; Bormla; Fgura; Floriana; Gżira; Ħamrun; Iklin; Isla; Lija; Marsa; M`Skala; Mosta; Mrieħel; Naxxar; Paola; Pieta`; Qormi; San Ġiljan; San Ġwann; Siġġiewi; Sliema; Swieqi; Tarxien; Xagħjra; Żabbar u Żejtun.
Dawk il-vetturi hekk miġbura, li jibqgħu ma jittieħdux lura mis-sid leġittimu tagħhom fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni ta` avviż ta` tneħħija mill-Kummissarju tal-Pulizija fil-Gazzetta tal-Gvern u fi tliet ġurnali lokali oħra, li bih isejjaħ lil dak is-sid sabiex jieħu lura dik il-vettura, jiġu mibjugħa, jew, fil-każ li dawn ma jkunux tajbin biex jintużaw fit-triq, jiġu meqruda, kif provdut f`regolament 8(1) ta` Avviż Legali 94 ta` l-1997.
Kemm baqgħu ma tħallsux multi tat-Tribunal Lokali għall-perjodu Jannar 2000 sat 30 ta' Ġunju minkejja l-avviż fil-gażżetti fejn ingħata sal-31 ta' Lulju biex isir il-ħlas? Jista' jelenka in-nuqqas ta' ħlas Tribunal bi Tribunal? X'passi oħra ittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u t-Tweġiba tingħata f`xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħidilna minn mindu saret ir-riforma tal-liġi, kemm tressqu nies il-qorti akkużati b'reati li għandhom x'jaqsmu mal-vandaliżmu u jagħti dettalji?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn mindu daħlet ir-riforma tal-liġi kriminali, ma tressqet l-ebda persuna akkużata b`reat li għandhom x`jaqsmu mal-vandaliżmu bi ksur ta` l-Artikoli 161, 162 jew 325(2) tal-Kodiċi Kriminali Kap. 9 tal-Liġijiet ta` Malta.
Jista' il-Ministru jgħid min hu l-avukat tal-għajnuna legali u min huma l-assistenti tiegħu? X'inhuma l-onorarji tagħhom u meta jiskadi l-kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
L-Avukat tal-Għajnuna Legali huwa Dr Joseph Mifsud li għandu salarju ta` sitt elef mitejn u ħamsa u tmenin lira (Lm6,285) l-assistenti preżenti għandhom ħames mitt lira (Lm500) kull wieħed.
Jista' il-Ministru jgħid, matul l-2001, l-2002 u l-2003 kemm kien hemm ġurijiet fejn id-difiża kienet kondotta mill-avukat ta' l-għajnuna legali u jagħti d-dettalji kollha?
Response (BORG, TONIO)
Billi sabiex tingħata din l-informazzjoni wieħed irid idur il-proċessi kollha wieħed wieħed tweġiba tingħata f`xi seduta oħra appena din tinġabar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-klandestini li ġew mibgħuta lura mill-Italja nhar it-22 ta' Settembru 2003? Jista' jikkonferma li dawn kienu kollha l-istess klandestini li kienu fuq id-dgħajsa li ngħatat l-assistenza mill-Forzi Armati fl-ibħra territorjali Maltin ftit ġranet qabel? Kemm minn dawn il-klandestini se jintbagħtu lura l-Eġittu? Fejn qegħdin alloġjati u meta se jintbagħtu lura l-Eġittru? Kien hemm minnhom li applikaw għall-istatus ta' refuġjati, jekk hemm?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-klandestini li ntbagħtu lura mill-Italja nhar it-Tnejn, 22 ta` Settembru 2003, kienu mija tmienja u erbgħin (148). Minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija Maltija, ġie ikkonfermat li dawn kienu fuq id-dagħjsa li kienet ingħatat l-assistenza mill-Forzi Armati ta` Malta ftit tal-ġranet qabel. Mija sitta u tletin (136) minnhom, li irriżulta li kienu Eġizzjani ġew ripatrijati dalgħodu. Ħdax oħra se jiġu ripatrijati dil-ġimgħa. Infurmat ukoll li ħadd minn dawn ma applika għal status ta` refuġjat.
Ripatriazzjoni ta' klandestini — Trattat bejn il-Libja u t-Tuneżija
Question
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu n-negozjati tal-Gvern biex jiġi konkluż trattat mal-Libja u mat-Tuneżija dwar ir-ripatriazzjoni ta' klandestini li jkunu waslu Malta minn dawn il-pajjiżi?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-negozjati mal-Libja huma fi stadju avanzat tant li sar skambju tat-test tal-ftehim. Fir-rigward tat-Tuneżija Malta għamlet proposta iżda sa issa għad ma hemm xejn konkret.
Tajjeb pero` infakkar lill-Onor. Interpellant illi din it-tema ġiet diskussa fil-laqgħa tal-Ministri ta` l-Intern tal-Mediterran tal-Punent (CIMO) li saret f`Malta fil-25 ta` Settembru 2003 u hemm qbil li hu fl-interess tal-pajjiżi kollha involuti f`dal-proċess, Tuneżija u Libja inklużi, illi tinstab soluzzjoni għall-problema ta` l-Immigrazzjoni Illegali. Malta ser tuża l-Presidenza sabiex tintensifika l-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi membri f`dal-Forum.
Jista' il-Ministru jgħid liema hu s-sit li ġie identifikat f'Ħal Far biex jintuża bħala ċentru ta' detenzjoni tal-klandestini? Meta se jibda x-xogħol fuq dan is-sit u meta hu maħsub li jibda jintuża? Jista' jgħid jekk għandux stima ta' kemm se jiġi jiswa? Jista' juża l-influwenza tiegħu biex l-għassa ma ssirx mill-membri tal-korp tal-pulizija li għandhom jiġu wżati għal xogħol aktar utili, iżda mill-forzi armati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi żewġ blokki fis-sit magħruf bħala ta` B`Xejn ġewwa Ħal Far ġew identifikati sabiex jintużaw bħala open centres għar-refuġjati. Ix-xogħol diġa` inbeda u huwa mistenni li jkun lest fil-futur qarib. Dan ix-xogħol qiegħed isir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, għaldaqstant ma saritx stima ta` kemm huwa stmat li ser tkun l-ispiża. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-forzi tas-sigurta` jikkordinaw bejniethom ix-xogħol li jinvolvi l-immigranti illegali, skond ma jkun meħtieġ.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fost il-klandestini detenuti fiċ-ċentri ta' detenzjoni hemmx speċjalizzazzjoni f'xi materja partikolari jew xi professjoni? Jista' jgħid jekk għandux xi pjanijiet biex dawn it-talin jingħataw opportunita', b'mod ikkontrollat, li jikkontribwixxu l-linja ta' speċjalizzazzjoni tagħhom għall-pajjiż f'xi xogħol waqt il-perjodu ta' detenzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fost l-immigranti llegali li fil-preżent jinsabu fiċ-ċentri ta` detenzjoni m`hemm ħadd li ddikjara ma` l-awtoritajiet li huwa xi professjonista jew li għandu xi speċjalizzazzjoni f`xi materja partikolari.
Pero` tajjeb infakkar li meta applikant jingħata xi status, huwa qiegħed ukoll jingħata d-dritt tax-xogħol.
Jista’ il-Ministru jinfurmani wara sħubija ta' Malta fl-UE x'se tkun il-pozzizjoni eżatta ta' l-art Agrikola u ta'l-Irzizet li llum jokkupaw l-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin fil-gżejjer tagħna ? Il-kirjiet tar-raba, ċnus tar-raba, qbila tar-raba se jogħlew wara Mejju li ġej ? Wara Mejju li ġej, pajjizna se jaġġorna ma' forom ġodda ta' applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' l-artijiet u l-irzizet tal-biedja ?
Response (BORG, TONIO)
It-titolu fuq raba, u awmenti ta` qbiela huma regolati bil-liġi dwar il-Kontroll tal-Kiri tar-Raba li se tibqa` fis-seħħ anki wara l-1 ta` Mejju, 2004.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal biex jispiċċa l-psikologu mill-faċilita' korrettiva ta' Kordin u jekk għandux il-ħsieb li jiġi appuntat psikologu ieħor fil-futur qarib?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-psikologa li taħdem ġewwa l-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin għadha taħdem fil-ħabs u ma spiċċatx kif qed jallega l-Onor. Interpellant.
CCF — Priġunieri li qed isegwu kors ta' riabilitazzjoni
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin li qed isegwu kors ta' riabilitazzjoni?
X'inhi l-proċedura biex wieħed isegwi dan il-kors?
Kemm hemm applikanti li qed jistennew biex jagħmlu kors ta' riabilitazzjoni? X'inhi l-eta' ta' dawn ir-residenti li qegħdin isegwu l-kors ta' riabilitazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm tmienja u għoxrin (28) priġunier li qegħdin jattendu kors ta` riabilitazzjoni f`diversi ċentri inkluż is-SATU.
Biex priġunier jikkwalifika biex japplika għal kors ta` riabilitazzjoni dan irid ikun wasal fl-aħħar sentejn tas-sentenza u ma jridx ikollu każijiet oħra pendenti. L-applikazzjonijiet jiġu kkunsidrati mill-Prisons Substance Abuse Assessment Board u wara dawn jagħtu parir lid-Direttur.
Il-Prisons Substance Abuse Assessment Board jiltaqa` kull xahar, u għalhekk dawk l-applikazzjonijiet li jkun hemm jiġu ipproċessati u rari jkun hemm xi każ pendenti.
L-eta` ta` dawk li qegħdin għal programm preżentament tvarja minn tmintax-il sena għal ħamsa u erbgħin sena.
Jikkonferma l-Ministru li Maltin Awstraljani li jakkwistaw passaport Malti mill-uffiċċju tal-Kummissjoni Għolja fl-Awstralja wara li jibagħtu għadd ta' dokumenti mitluba, qegħdin isibu li fil-fatt l-applikazzjoni tagħhom għall-passaport u ċittadinanza doppja ma jfissru xejn meta dawn imorru Malta? Jekk dan huwa minnu, dan ma jfissirx li l-gvern Malti mhuwiex jirrispetta d-deċiżjonijiet ta' l-istess nies li jibgħat huwa stess f'Canberra f'ambaxxata li tqum lill-poplu Malti eluf kbar ta' liri kull sena? Jaf ukoll li meta dawn il-Maltin mill-Awstralja jiġu Malta b'passaport li jkun maħruġ minn idejn uffiċjali governattivi Maltin f'Canberra, xorta waħda qegħdin jintbagħtu Kastilja meta jmorru biex japplikaw għal xi liċenzja tas-sewqan jew ID card sabiex jakkwistaw ċertifikat li juri li fil-fatt għandhom tassew ċittadinanza doppja?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-unika Awtorita` li tista` tikkonferma bil-miktub li persuna tgawdi d-dritt ta` ċittadinanza doppja huwa d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates.
Li jiġri f`pajjiżi barra minn Malta (u mhux fl-Awstralja biss), l-Ambaxxati jew il-Kummissjonijiet ta` Malta joħorġu passaport Malti lil dawk il-persuni li jidhru li jikkwalifikaw biex iżommu żewġ ċittadinanzi.
F`Malta, meta dawn il-persuni japplikaw għal xi servizz minn xi Dipartiment tal-Gvern jew Entita` oħra jiġu mitluba biex jipprovdu ittra mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza li tikkonferma li huma għandhom dritt iżommu żewġ ċittadinanzi. Ir-rwol tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza huwa li joħroġ tali konferma. Dan iżda ma jfissirx li l-passaport Malti mhux validu jew ma jiswa xejn kif qed jipprova jagħti l-impressjoni l-Onor. Interpellant.