Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29083, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Profs Kenneth Wain m’għadux chairperson tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi? Minn meta seħħ dan u x’kienet ir-raġuni li ma baqax chairperson tal-FES?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Foundation for International Studies

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28993 u jgħid kif ġiet magħżula l-persuna li qed tmexxi l-Foundation for International Studies li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan l-aħħar inħatar il-Group CEO tal-kumpaniji kollha ta' l-Universita' wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet u r-Rettur preżenti ħass li biex tinħoloq sinerġija iżjed bejn attivitajiet tal-FIS u l-kumpaniji li ħafna minnhom kienu relatati ma' xulxin hu ta' vantaġġ li l-FIS tibda titmexxa mis-Sur Josef Grech fil-kariga ta' Acting CEO. Informat ukoll li dan kellu l-approvazzjoni tal-Kunsill ta' l-Universita' u għalhekk mill-2007, is-Sur Josef Grech beda jmexxi l-FIS bl-għan li jinstab l-aħjar mod kif ir-riżorsi ta' l-FIS u l-Universita' jitħaddmu aħjar.

Foundation for International Studies

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28991 u jgħid il-Foundation for International Studies minn fejn iġġib il-finanzi tagħha? Kemm jirnexxielha tiġġenera fondi addizzjonali minbarra l-għotja li tingħata jekk inhu l-każ li tingħata fondi? Jista’ jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-accounts ta’ l-istess Fondazzjoni ta’ dawn l-aħħar tlett snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-FOundation for International Studies ġġib il-finanzi tagħha minn sorsi mniżżlin hawn taħt : -Fondi mill-Gvern ta' Malta -Proġetti u attivitajiet oħra iffinanzjati mill-Unjoni Ewropeja u istituzzjonijiet oħra barranin -Programmi Internazzjonali -Konferenzi -Fondi mill-Universita' ta' Malta -Fondi ġġenerati minn sorsi oħra apparti minn dawn imniżżla hawn fuq -Korsijiet u attivitajiet oħra. Għas-snin 2004-2006: -Fondi mill-Gvern ta' Malta ammontaw għal Lm225,000. Minnbarra din l-għotja tal-Gvern ta' Malta, dħul ieħor iġġenerat tul is-snin 2004-2006 kien jammonta għal total ta' Lm2,545,702 li huwa maqsum fil-kategorija imniżżla hawn taħt : -Proġetti u attivitajiet oħra iffinanzjati mill-Unjoni Ewropeja u istituzzjonijiet oħra barranin - Lm1,240,513 -Programm Internazzjonali - Lm541,658 -Konferenzi - Lm281,257 -Fondi mill-Universita' ta' Malta - Lm213,200 -Fondi ġġenerati minn sorsi oħra apparti minn dawn imniżżla hawn fuq - Lm160,752 -Korsijiet u attivitajiet oħra - Lm108,322. Ser ngħaddi kopji tar-rapporti finanzjarji għas-snin 2004 u 2005 lill-Onor. Membru . Ir-rapporti tas-sena 2006 qed jiġi iffinalizzat mill-awdituri u l-persuni konċernati.

Universita' — Promozzjonijiet u appointments

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 28991, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-promozzjonijiet u l-appointments li huma meqjusa ta’ interess pubbliku u dan meta huwa fatt magħruf li l-Universita` hija finanzjata mill-budget tal-gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar mill-Universita' ta' Malta tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Mosta — Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29124 u jara li tiżdied is-sigurta' madwar l-iskola tal-kindergarten tal-gvern fil-Mosta peress li mhux l-ewwel darba li kien hemm xi inċident ikkaġunat mill-vetturi li jgħaddu minn dawn l-inħawi waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sitwazzjoni qed tiġi sorveljata.

Stipends Office

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28959 li għadha ma ġietx imwieġba, peress li ħafna studenti universitarji qed jilmentaw dwar it-tmexxija ta' l-Stipends Office ta' l-Universita' billi għad hemm ħafna studenti li sal-lum għadhom ma rċevewx il-formula ta' l-istipendju, bil-konsegwenza li jekk ma jibgħatux din il-formula jispiċċaw mingħajr stipendju u kif ukoll għad hemm studenti mingħajr aċċess għall-Smart Card għax ma nfetħitx, jista' l-Ministru jindirizza din is-sitwazzjoni minnufih?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Uffiċċju ta’ l-Istependji fl-Universita’ kien hemm xi ftit tad-diffikulta billi waħda mill-impjegati irtirat bl-eta’ u skrivana oħra iżżewġet u kienet fuq leave fit-tul. Madankollu saret ħidma biex is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal. Sakemm irkuprajna x-xogħol li kien hemm lura, xi avviżi ta’ ħlasijiet waslu għand it-Teżor tard u ma laħqux inħadmu. Dan seħħ ukoll billi din is-sena, minħabba l-bidla għall-Ewro, iż-żmien li setgħu jaslu dawn l-avviżi għand it-Teżor kien ftit anqas mis-soltu. Il-Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-istudenti jirrakkomanda lil dawk l-istudenti li għal xi raġuni ma rċivewx l-għotja ta’ manteniment biex jirrappurtaw minnufih fl-uffiċċju ta’ l-istipendji fl-Universita’ biex il-każ tagħhom ikun segwit u jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-ħlasijiet isiru regolarment. Il-Bord mhux infurmat li hemm ħafna studenti li ma rċivewx l-istipendju, anzi l-każi li hu infurmat bihom huma ftit.

Xogħol strutturali

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29098, minħabba li jidher li xi effett kien hemm, jista’ l-Ministru jgħid x’kien dan l-effett? Jikkonsidra li jitlob li xi perit jagħmel spezzjoni fuq il-post ħalli jirrapporta lura lill-Parlament dwar effett strutturali li kien hemm fil-bini tal-kumpless Robert Sammut Hall?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma nafx li jirrizulta xi effett partikolari, talbt li niġi informat minn min għandu l-kompetenza biex jagħtini t-tagħrif meħtieġ biex inkun nista' nagħti tweġiba f'xi Seduta.

Karozzi impressed

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29099, minħabba li fit-tweġiba qed jingħad li verifika ssir b’mod regolari, u peress li fit-tweġiba oriġinali kont staqsejt dwar x’irriżulta, jista’ l-Ministru ġentilment jagħti din l-informazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kapijiet tas-Sezzjonijiet u Uffiċjali tad-Direttorati ta' l-Edukazzjoni jirrapurtaw mill-ewwel jekk jinnotaw xi irregolaritajiet fis-sistema ta' l-impressed vehicles u l-passi neċessarji li jkun hemm bżonn jittieħdu mill-ewwel.

Luqa — Playing field

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29100, jista’ l-Ministru jgħid fejn il-KMS qed jippjana u jaħseb li se jagħmel proġetti simili għal dak ta’ Ħal Luqa fil-futur qarib? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa stmat li se jqum dan ix-xogħol li qed isir Ħal-Luqa? Kif ġie deċiż li din il-playing field issir Ħal-Luqa? Xi kriterji ntużaw għal din l-għażla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proġett tal-Luqa Outdoor Sport Facility huwa proġett tal-KMS. Il-KMS inkarigat l-FTS biex isiru d-dokumenti kollha neċessarji għall-ħruġ ta' tenders rispettivi peress li l-FTS għandha l-esperjenza f'dan ir-rigward u fl-istess ħin il-KMS ma kellhiex bzonn taħtar konsulenti esterni. L-FTS ġiet inkarigata wkoll twettaq il-project management tal-proġett.

Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-għalliema, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fl-iskola Dun Karm Sant, Tarxien, aktar tkun assenti milli preżenti tgħallem bil-konsegwenza li l-istudenti qegħdin jaqgħu lura f'kull settur? Jikkonferma jekk din il-persuna għandix xi permess speċjali għal dan il-għan jew sempliċement għax ħadd ma jrid jiddixxiplina lill-istess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema konċernata għal ftit jiem li kienet assenti dejjem kellha ċertifikat mediku. Kull meta l-għalliema kienet assenti l-klassi tagħha kienet tieħu ħsieba studenta għalliema ħlief għal darbtejn biss fejn it-tfal tqassmu fil-klassijiet.

Gradwati jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn gradwati jirreġistraw għax-xogħol illum u x'tip ta' degree għandhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm 58 persuni gradwati li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru. Informazzjoni dwar f'liema oqsma hija d-degree tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaddiema b'mod irregolari

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm itellgħu persuni l-qorti talli mpjegaw ħaddiema b'mod irregolari din is-sena u x'weħħlu f'kull każ? Kemm minn dawn kienu repeated offenders?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani xi benefiċċji hemm maħsuba għal studenti Maltin li jistudjaw barra minn Malta? Hemm xi korsijiet partikolari fejn hemm l-għajnuna? Studenti tal-ballet jidħlu f'dawn l-iskemi?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi joffri żewġ skemi ta` boroż ta` studju: 1. Il-Malta Government Scholarship Scheme-Postgraduate Studies. Taħt din l-iskema, l-studenti jkunu jistgħu japplikaw biex ikomplu l-istudji tagħhom f’livell ta’ Master u Ph.D fl-Universita` ta` Malta jew f’universita` barra minn Malta. F’din l-iskema, l-istudenti jibbenifikaw minn forma ta` għajnuna għall-ħlas ta` tuition fees. Fil-kaz ta studenti li jmorru l-Universita’ ta’ Malta, il-borza taghti grant lil-Universita u grant lil-istudent. 2. Il-Malta Government Scholarship Scheme-Undergraduate Studies. Din l-iskema hi miftuħa għal studenti li jagħżlu li jistudjaw f’istituzzjonijiet privati lokali li joffru korsijiet f’livell ta’ edukazzjoni ogħla u li jwasslu għal Baċellerat jew Degree bl-Unuri. L-istudenti li jibbenefikaw minn din l-iskema jingħataw għotja li jistghu juzaw sew biex jithallsu il-mizati jew ghal manteniment. Għaldaqstant fil-preżent, l-iskema tal-istudji postgraduate hi l-unika skema li toffri għajnuna lil studenti Maltin li jkomplu jistudjaw barra minn Malta. Dawn il-boroż ta` studju jingħataw għal studji f’oqsma li jkunu importanti għall-iżvilupp tal-pajjiż. Hemm mahsub li skemi ghal studju barra min Malta f’livell ta’ edukazzjoni ogħla u li jwasslu għal Baċellerat jew Degree bl-Unuri, jkollom access ghal l-istess skema tal-istudji Undergraduate li hemm illum. Rigward il-korsijiet tal-ballet, il-Kunsill Malti ghall-Kwalifiki għaddej minn proċess ta` konsultazzjoni dwar l-kwalifiki vokazzjonali sabiex fl-2008 iniedi eżerċizzju ta` mapping li jpoġġi l-kwalifiki vokazzjonali skond il-Qafas tal-Kwalifiki Nazzjonali. La darba jitlesta dan l-eżerċizzju, ikun possibli issir reviżjoni tal-eliġibilita` tal-kwalifiki ghall-benefiċji ta l-istudenti.

Proċess ta' l-għażla

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-proċess ta' l-għażla tal-kapijiet ta' l-iskejjel tal-knisja f'Malta u Għawdex? Dan qed isir b'applikazzjoni interna jew b'sejħa pubblika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għazla ssir skond il-kriterji stabbiliti fil-Ftehim tat-23 ta' Mejju 1995 kif ammendat f'Addendum fl-1 ta' Lulju 2002 u kif ukoll reġa' ġie ammendat f'addendum fis-16 ta' Jannar 2006 bejn l-awtoritajiet tal-Knisja u l-MUT. L-awtoritajiet tal-Knisja għandhom id-dritt li jgħazlu bħala kapijiet ta' l-iskejjel tal-Knisja membri ta' Ordnijiet Reliġjuzi u fil-kazijiet ta' Seminarji membri tal-Kleru Djoċesan.

Kapijiet jaħdmu fl-istess skola

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm bħalissa kemm kapijiet ta' l-iskejjel tal-knisja li qabel kienu jaħdmu fl-istess skola fejn ġew appuntati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' kapijiet reliġjużi u lajċi li kienu jaħdmu fl-istess skola fejn ġew appuntati kapijiet huma wieħed u erbgħin.

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'forma ta' taħriġ qed joffru l-iskejjel tal-knisja lill-kapijiet ta' l-iskejjel tagħhom li huma lajċi qabel dawn ma jiġu appuntati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Direttorati ta' l-Edukazzjoni u l-Kurja permezz tal-Kunsill għall-iSkejjel tal-Knisja inkarigat lil INSERM b'kollaborazzjoni ma' l-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali biex tħejji kors għall-għalliema u għalliema prospettivi. Dan il-kors 'Certificate in Catholic School Ethos' hu meqjus ta' benefiċċju għal kull għalliem li qed jaspira li jkollu pożizzjoni ta' tmexxija fl-iskejjel tal-Knisja. Dan il-kors hu maħsub li jgħin l-individwi wkoll biex jifhmu iżjed il-Missjoni ta' l-iskejjel tal-Knisja, jsiru iżjed familjari mal-kwalitajiet essenzjali ta' Edukzzjoni Kattolika u jitgħallmu iktar fuq il-prinċipji fundamentali u metodi baziċi ta' din l-edukazzjoni u l-pedagoġija. Informat ukoll li ħafna kongregazzjonijiet li jmexxu skejjel jaħtru reliġjużi bħala Direttur biex barra li jsegwi t-tagħlim formali jissorvelja wkoll l-immaniġġjar ta' l-iskola, jagħti pariri lil Kap ta' l-iskola dwar it-tmexxija bi tradizzjoni u viżjoni ta' dik il-kongregazzjoni. Hemm kongregazzjonijiet oħra li matul is-sena joffru lill-għalliema u amministraturi fl-iskejjel tagħhom, bosta korsijiet oħra biex itejbu l-ħiliet fit-tmexxija u l-amminstrazzjoni tagħhom fl-iskejjel.

Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jara li t-tifel li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament jingħata l-għajnuna ta' facilitator minħabba diffikultajiet li qed ikollu waqt it-tagħlim ta' l-iskola u kif ċertifikat mic-Child Development Assessment Unit?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt li l-każ jingħata l-konsiderazzjoni meħtieġa.

EUPA

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29094, jista’ l-Ministru jgħid xi jfisser meta qed jgħid li ġie 'detailed' is-Sur Mauro Pace Parascandolo? B’dan qed ifisser li ma saret l-ebda sejħa għal dan il-post, imma ġie magħżul direttament mill-Ministru għal dan ix-xogħol? Jista' jgħid x’kien ix-xogħol tas-Sur Pace Parascandolo qabel ma ġie ‘detailed’ għal dan ix-xogħol? Kemm qed jitħallas fil-preżent u kemm kien qed jitħallas fix-xogħol li kellu qabel? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-allowance u l-perkaċċi l-oħra li ġew mogħtija lilu minħabba l-pożizzjoni li ġie magħżul għaliha?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-detailing huwa proċess amministrattiv li bih uffiċjal pubbliku jiġi assoċjat xogħol li jkun jeħtieġ fis-servizz. Informat li s-Sur Mauro Pace Parascandolo hu għalliem bill-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-għalliema. Bħala Natioanl Co-ordinator ta' l-EUPA, is-Sur Pace Parascandolo qiegħed fuq skala 5. Fil-kuntratt ma hemmx fringe benefits u dan l-uffiċjal tilef il-vakanzi kollha ta' għalliem u hu suġġett għall-ġranet u ħinijiet ta' xogħol bħall-uffiċjal pubbliku fis-servizz ġenerali. Informat ukoll li d-differenza bejn il-salarju ta' grad sostantiv u s-salarju fil-pożizzjoni jitħallas bħala allowance mhux pensjonabbli.