Kemm huwa n-numru ta' karozzi/vetturi reġistrati f'pajjiżna llum? Jista' il-Ministru jinfurmani bl-istess tagħrif għas-snin 2003, 2002, 2001, 2000 separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi n-numru ta' vetturi reġistrati f'pajjiżna hu kif ġej:
Jannar 2004 311,403
2003 310,570
2002 299,842
2001 290,018
2000 280,068
Minn dawn in-numru ta' vetturi liċenzjati hu kif ġej:
sa l-aħħar ta' Jannar 2004 269,806
2003 269,452
2002 261,329
2001 254,052
2000 246,825
Kummisjonijiet u bordijiet — Perċentwali ta' nisa u rġiel
Question
Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-perċentwali ta' membri fuq bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi hu hekk:
Irġiel 93.3%
Nisa 6.7%
Jien infurmat ukoll li l-perċentwali ta' chairpersons fuq l-istess bordijiet hu:
Irġiel 87.5%
Nisa 12.5%
Jista’ il-Ministru jgħid jekk uffiċjali tal-Ministeru jispezzjonawx minn żmien għall-ieħor li kollox ikun sew fl-istrutturi tal-pontijiet u mini pubbliċi u li ma jkun hemm l-ebda periklu ta' xi kollass? Kull kemm isiru dawn l-ispezzjonijiet?
Jista' il-Ministru jgħid meta se tkun tista' titkompla Triq il-Mitħna, Bormla wara li din inqalgħet xhur ilu u tħalliet fi stat perikoluż?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi Triq il-Mitħna nqalgħet u saret mill-ġdid mid-Direttorat tat-Toroq ta' l-Awtorita` dwar it-Trasport. Liema xogħol kien jikkonsisti fi qlugħ u l-kostruzzjoni tat-triq u l-estenzjoni tal-culvert tax-xita li nvolva wkoll resurfacing ta' Triq Matty Grima u l-Pjazza tal-Mitħna. Dan ix-xogħol kollu ilu lest ix-xhur.
Riċentement ġie nnutat li quddiem residenza partikolari kien qed joqgħod l-ilma u għalhekk saret dorga taħt il-bankina biex il-problema ġiet eliminata. Dan ix-xogħol ta' l-aħħar kien ħa ġurnata biex jitlesta'.
Gwardjani lokali — Numru tat-telefon li jintuża mill-pubbliku f'każ ta' inċident
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4569 dwar numru tat-telefon li jintuża f'każ ta' inċident tat-traffiku, jista' il-Ministru jgħid jekk in-numru tat-telefon 21320202 li se jintuża biex il-pubbliku jinforma lill-gwardjani lokali b'inċident tat-traffiku, huwiex intiż li jintuża wkoll għall-inċidenti li jiġru f'Għawdex? Ma jaħsibx li jagħmel iktar sens li jkun hemm linja oħra apposta għall-Għawdxin?
Ma jaħsibx il-Ministru li għandu jkun hemm numru apposta għall-Għawdxin?
Jista' il-Ministru jara li fit-twessigħ li hemm previst biex isir f'Mdina Road, Ħaż-Żebbuġ ma titteħidx art agrikola u t-twessigħ isir billi tidjieq is-central strip u tintuża l-art pubblika li hemm mhux żviluppata tul it-triq kollha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qed isir dak kollu possibli biex fejn ikun hemm bżonn ta' twessiegħ ta' toroq ma tittiħiedx art agrikola aktar milli hemm bżonn u dawn il-kriterji qegħdin jintużaw fil-proposti għall-iżvilupp tat-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li jirrikmanda li Triq Mons. Anton Cilia, f'Ħaż-Żebbuġ tingħata wiċċ xieraq peress li din hija żviluppata kompletament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-preżent għadu kif sar ftehim bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ sabiex ikunu jistgħu isiru Triq Ġdida fi Triq l-Għasfur, Triq Gulliermu Lorenzi, Triq Luigi Fontana kif ukoll Triq Mons Anton Cilia.
Awtorita' ta' l-avjazzjoni ċivili — Inkjesta dwar l-inċident ta' ajruplan ta' l-Air Malta
Question
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta li qed issir mill-awtorita' ta' l-avjazzjoni ċivili fuq l-inċident ta' l-ajruplan ta' l-Air Malta li ħabat ma' arblu fl-ajruport internazzjonali ta' Malta?
Min huma l-membri/esperti maħtura biex jagħmlu din l-inkjesta u għandhomx żmien sakemm għandhom jikkonkludu din l-inkjesta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-inkjesta dwar l-inċident ta' l-ajruplan ta' l-Air Malta li ġrat fid-29 ta' Jannar 2004 għada għaddeja. Din l-inkjesta qegħda ssir taħt ir-Regolamenti ta' 2002 ta' l-Avjazzjoni Ċivili dwar l-investigazzjoni ta' Disgrazzji w Inċidenti ta' l-Ajru mill-Kaptan Dennis Caruana u l-Maġġur Ronald Xuereb li huma maħtura bħala Chief Inspector of Accidents u Inspector of Accidents rispettivament mill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni.
Skond l-istess Regolamenti fuq imsemmija, iċ-Chief Inspector of Accidents għandu jara li jiġi ppublikat ir-rapport ta' l-inkjesta fl-iqsar żmien possibli.
Jista' il-Ministru, permezz tad-dipartiment tat-toroq, jara li jingħata t-tarmac fi Triq il-Ġiżimin, fis-Swieqi speċjalment fejn hemm xi toqob?
Response (GALEA, ĊENSU)
jien infurmat li fil-preżent hemm ftehim bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi sabiex tkun tista ssir it-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jinformani għaliex talba mill-kunsill lokali ta' Pembroke fuq tibdil ta' rotta ġewwa Pembroke ma ġietx milqugħa? Jista' jgħid x'inhuma r-raġunijiet ta' din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-talba li għamel il-Kunsill Lokali ta' Pembroke ġiet fil-parti l-kbira milqugħa u llum ir-rotta qegħda tgħaddi b'tali mod li taqdi bl-aħjar mod lill-passiġġieri.
Ministeru għat-trasport u komunikazzjoni — Kiri ta' affarijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kirjiet ta' vannijiet, karozzi, trakkijiet, gafef, għamara, mobile phones, photocopiers, computers, pjanti, eċċ. li għandu l-ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekastru tal-ministeru?
Kemm hi r-rata tal-kirja kull ġurnata f'kull każ separatament?
Fil-preżent, kemm hi ċ-ċifra taż flus tal-kontijiet pendenti li l-ministeru u l-entitajiet għandhom iħallsu għal dawn il-kirjiet?
Kemm kienet in-nefqa globali ta' dawn il-kirjiet matul is-sena li għaddiet?
Jista' jinformani kemm kienet in-nefqa globali għal karozzi u għamara ġdida li nxtrat matul is-sena 2003?
Response (GALEA, ĊENSU)
Peress li jidher li l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onor. Membru fil-Mistoqsija tiegħu mhux se twassal għal xi titjib fl-amministrazzjoni pubblika ta' pajjiżna jew għal xi benefiċċju relevanti ieħor, ma naħsibx li l-ħin estensiv li jinħtieġ f'kull Ministeru u Dipartiment sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba ikun ġustifikat u ċertament huwa ħin li jista jintuża aħjar.
"L-Onorevoli Membru għandu jikkunsidra jagħmel Mistoqsija aktar iffokata u ristretta."
Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mit-talba tal-kunsill lokali tar-Rabat u l-petizzjoni ta' ħafna persuni Rabtin sabiex il-bus terminus terġa' tirritorna fi Triq Santa Rita, r-Rabat?
Meta se tiġi attwata din it-talba tant mistennija mill-maġġorparti tal-komunita' Rabtija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi wara diskussjonijiet li saru mal-Kunsill Lokali tar-Rabat kienet ġiet imwaqqfa venda fi Triq Santa Rita li qed topera bejn il-5.30 u id-9.30 ta' filgħodu. Wara d-9.30, il-venda tkompli topera mis-Saqqajja.
Ta min wieħed jinnota wkoll li r-rotta 84 qegħda tipprovdi servizz fi Triq Santa Rita minħabba li din tgħaddi minn din it-triq, bi frekwenza ta' kull siegħa, kemm meta tkun ġejja mill-Belt Valletta u kif ukoll meta tkun sejra lejn il-Belt Valletta.
Jista' il-Ministru jgħid, matul is-sena 2003, kemm-il vapur reġistrat Malta kien involut f'inċident fuq il-baħar? Kemm minn dawn il-vapuri għerqu, liema kienu u fejn? X'kienet il-kawża f'kull każ? Kien meħtieġ li l-gvern jidħol f'xi każ minnhom? Jekk iva, liema kien/u ċ-ċirkostanzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi matul is-sena 2003 kien hemm 119-il inċident li jinvolvu bastimenti merkantili reġistrati Malta. Tnejn minn dawn, il-Junior M u l-Ogan għerqu, l-ewwel wieħed fil-baħar l-Iswed u l-ieħor 70 mil il-bogħod mill-Greċja.
L-Awtorita` Marittima ta' Malta tinvestiga kull inċident li jinvolvi bastimenti Maltin.
Bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija — Baħrin li tilfu ħajjiethom
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm imwiet fost baħrin li kienu qed iservu fuq bastimenti rreġistrati f’Malta fl-2003 minħabba xi inċident? Fuq liema bastimenti kienu qed iservu? Ta' liema nazzjonalita` kienu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi matul is-sena 2003 disa' persuni ta' erba nazzjonalitajiet differenti li kienu qed iservu fuq ħames bastimenti reġistrati Malta tilfu ħajjithom kawża ta' xi inċident. Tlett persuni oħra ta' tlett nazzjonalitajiet differenti li kienu qed iservu fuq tlett bastimenti Maltin intilfu l-baħar. Wieħed minnhom instab mejet.
Bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija — Baħrin Maltin
Question
Jista’ il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' baħrin Maltin li qed iservu fuq bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija? Jista’ jgħid kemm minnhom huma speċjalisti fix-xogħol tagħhom u f’liema xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi mhux possibli li jingħata n-numru eżatt ta' persuni Maltin li qed iservu fuq bastimenti merkantili reġistrati taħt il-bandiera Maltija u li jbaħħru f'ibħra internazzjonali. Probabbli dan in-numru mhux iktar minn mija, li madwar nofshom huma uffiċjali ċċertifikati u tletin oħra huma deck jew engine room ratings.
Gwardjani lokali — Numru tat-telefon li jintuża f'każ ta' inċident tat-traffiku
Question
Numru tat-telefon li jintuża f'każ ta' inċident tat-traffikuJista' il-Ministru jgħid jekk in-numru tat-telefon 21320202 li se jintuża biex il-pubbliku jinforma lill-gwardjani lokali b'inċident tat-traffiku, huwiex intiż li jintuża wkoll għall-inċidenti li jiġru f'Għawdex? Ma jaħsibx il-Ministru li jagħmel iktar sens li jkun hemm linja oħra apposta għall-Għawdxin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru tat-telefon hu l-istess wieħed kemm Malta kif ukoll Għawdex.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4006 li saret fis-26 ta' Jannar, 2004 peress illi l-Ministru fid-29 ta' Jannar, 2004 wieġeb illi risposta tingħata f'seduta oħra, jista' il-Ministru jekk jogħġbu jindirizza din il-mistoqsija mill-iktar fis peress illi ħafna Għawdxin qed jinħolqulhom inkonvenjenti k bar biex imorru jagħmlu t-testijiet għal-liċenzji tas-sewqan f'Malta? Ma jaħsibx il-Ministru li dawn it-testijiet għandhom isiru f'Għawdex stess?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-test il-ġdid tat-Teorija għalissa ser jibqa f'Malta, filwaqt li t-test prattiku qed isir Għawdex.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2705, jista' il-Ministru jgħid għaliex minkejja li fir-risposta tiegħu tas-17.11.03 qal li l-hump fil-bajja tax-Xlendi kienet se titneħħa fil-ġranet li ġejjin, din il-hump għadha hemm?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Kunsill Lokali tal-Munxar kellu xi diffikultajiet biex isib kuntrattur biex iqaxxar it-triq u għalhekk dan ix-xogħol kien għadu ma twettaqx. Jidher li issa dawn il-problemi ġew risolti u x-xogħol mistenni jibda fit-3 ta' Marzu, 2004.
Jista' il-Ministru jinformani meta Triq Mrabat f'Tas-Sliema se tkun kompluta mix-xogħlijiet li għaddejja bħalissa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni biex isiru x-xogħolijiet tkopri l-perjodu bejn il-15 ta' Jannar u l-5 ta' Marzu, iżda x-xogħol qed isir mill-Kunsill Lokali, li kif jaf sew l-Onor. Interpellant hu entita kompletament indipendenti mill-gvern ċentrali.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — mobile phones
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4276 u cioe' jista' jgħid kemm hemm mobile phones fid-dikasteru tiegħu? Minn min qed jintużaw u kemm tħallsu f'kontijiet ta' dawn il-mobile phones matul is-sena 2003?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fid-dekasteru tiegħi hemm 87 mobile phone. Dawn jintużaw minn uffiċjali għoljin f'dawn l-entitajiet u minn xi uffiċjali oħrajn skond il-bżonn. L-ispiża totali għas-sena 2003 kienet ta' Lm36,530.07.