Jista' il-Ministru jara li l-wire li hemm quddiem ir-residenza f'Raħal Ġdid li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jinbidel peress li huwa perikoluż?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern fil-konfront ta' l-iżviluppaturi ta' Forti Chambrai li kisru l-kondizzjonijiet tal-kuntratt li bih ingħataw il-proprjeta'?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jinvestiga x'inhi r-raġuni li minkejja l-bdil tal-kanna ta' l-ilma fit-toroq: Luqa Briffa, Mattew Pulis u Nazju Ellul fil-Gżira, l-ilma mill-vit xorta għadu kulur is-sadid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' passiġġieri li ġew Malta bit-titjiriet ta' l-Air Malta bi prezz sussidjat sabiex jivvotaw fl-elezzjoni tal-MEP's? Kemm ġie jiswa dan is-sussidju? Dan is-sussidju jagħmel tajjeb għalih il-gvern jew l-Air Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-pożizzjoni dwar il-ħaddiema tal-Kafetterija tal-Gozo Channel hux se tiġi riveduta u jekk wara Ottubru 2004 dawn humiex se jibqgħu mal-Gozo Channel jew humiex se jitkeċċew?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Possibbli l-Maltapost tikkonsidra li fil-branch li fetħet fi Triq id-Duluri, fiż-Żejtun tagħmel kaxxa ta' l-ittri biswit il-branch għax m'hemmx waħda fil-viċinanzi u din il-kaxxa tkun handy ħdejn il-branch tal-posta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kumpanniji/azjendi parastatali
Question
Jista' il-Ministru jelenka dawk il-kumpanniji jew azjendi parastatali li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? Kemm hu maħsub li hemm ħaddiema żejda ġo kull kumpannija jew azjenda u xi grad għandhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Fir-rigward tal-ewwel parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Gazzetta tal-Gvern relatata għall-ħatra tal-Ministri.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tkun tista' tingħata biss meta jiġi konkluz - kemm il-darba jkun inbeda - "complementing exercise" f'dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandu l-gvern għal dawk l-ex ħaddiema tad-Dockyard illi issa qegħdin jaħdmu mal-gvern jew mal-kunsilli? Dawn se jibqgħu jitħallsu mill-gvern 'il quddiem? Kemm hemm minn dawn il-ħaddiema? Kemm hemm mal-kunsilli u kemm hemm mal-gvern? X'tip ta' xogħol qed jagħmlu dawk mal-gvern u ma liema dipartimenti qegħdin jaħdmu? Dawk mal-gvern u dawk mal-kunsilli se jkollhom l-istess opportunitajiet li jibqgħu fejn qegħdin? X'se jsir minn dawk illi mhux se jinżammu mill-kunsilli jekk dawn jintalbu jħallsulhom il-paga u ma jaslux?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern fl-ewwel ħames xhur tas-sena mill-permessi/liċenzji tat-television/videos/satelliti, etc. f'Malta u Għawdex separatament? Kemm kien id-dħul fl-istess perjodu għas-snin 2003, 2002, 2001 u 2000?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba sa fejn jirrigwardja lil-Ministeru tiegħi. Għall-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza il-msitoqsija tiegħu lill-Ministru koncernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'pakkett finanzjarju għandu ic-CEO tal-korporazzjoni Enemalta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li ic-CEO tal-Enemalta Corporation għandu dan il-pakkett finanzjarju:
Salarju LM23,000
Expense Allowance LM 500
Disturbance Allowance LM 500
Total LM24,000
Huwa jgawdi wkoll minn beneficcji oħra bħall uzu ta' karozza, ħlasijiet ta' kontijiet ta' telefon u internet. Hu kopert ukoll minn poloz ta' Assikurazjoni.
It-telf li qed isir illum fit-Tarzna wara li tnaqqsu dawk in-nies kollha bl-early retirement u wara li daħlu fis-seħħ il-provvedimenti tal-ftehim kolletiv il-ġdid, jista' il-Ministru jgħid kemm qed ivarja minn dak li kien proġettat mill-management u approvat mill-management innifsu?
Mit-telf kollu li sar f'dawn l-aħħar tliet snin, kemm minnu hu dovut għall-: a) penalitajiet minħabba li l-management naqas li jilħaq l-obbligi tiegħu? b) kemm minnhom kienu bad debts li qatgħet it-Tarzna dwar flejjes li l-management ma ġabarx? c) kemm tħallsu flus lil barranin u/jew lill-kuntratturi barranin mis-sena 2002 'il quddiem?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja li l-provedimenti tal-ftehim kollettiv gdid, l-aktar f'dak li ghandu x'jaqsam mar-riformi fil-prattici tax-xogħol, għadhom ma ġewx implimentati kollha minħabba diretivi ta' azzjonijiet industriali. Il-varjazzjoni ta' telf attwali kontra l-Budget hu biss ta' 2.5% għola minn dak 'budgeted'. Rigward it-tieni parti tad-domanda:
(a) L-ammont totali ta' penalitajiet fl-aħħar tliet snin (2001 sa 2003) kien biss ta' LM87,000.
(b) Il-provision for bad and doubtful debts tat-tarzna f'dawn l-aħħar snin kien kif ġej:
2001 LM5.3 miljuni (dawn jirreferu l-aktar għal debitu kbir li kien ilu jakkumula għal ħafna snin minn klijent wieħed kbir partikulari. Il-bicca kbira ta' dan id-debitu nġabar fl-2004 wara negozjati konkluzi b'success mill-management tat-tarzna ma' dan il-klijent. Dawn in-negozjati solvew ukoll kwistjonijiet oħrajn pendenti ma' dan il-klijent li kellu claims sostanzjali kontra t-tarzna).
2002 irkuprar ta' bad debts ta' LM364,206 l-aktar wara li l-management tat-tarzna ġabar flus mingħand klijent lokali li kien qed jirrifjuta li jħallas debitu antik minħabba kwistjoni li kellu mat-tarzna fl-imgħoddi.
2003 irkuprar ta' bad debts ta' madwar LM2 miljuni. (Dan l-aktar minħabba il-ftehim milħuq ma' klijent partikulari li laħaq ftehim mal-management tat-tarzna biex iħallas l-ammont dovut minnu, kif ukoll biex isir
ftehim fuq kwistjonijiet oħra pendenti bejn il-klijent u t-tarzna. Dan il-klijent kellu claims sostanzjali kontra t-tarzna marbuta ma incident li sar ħafna snin ilu iżda li t-tarzna kienet għadha ma għamlitx provisions għalihom fil-kotba tagħha. Għadhom qed isiru diskkussjonijiet mal-awdituri fuq il-figuri
finali għal din is-sena).
L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onor. Interpellant hi meqjusa bħala ta' natura kummercjali.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġi rranġat it-telephone li n-numru tiegħu qed jintbagħat separatament, li ilu li ġie rappurtat bil-ħsara minn nhar il-Ġimgħa, 28 ta' Mejju, 2004?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-P.Q.1130.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-prospetti li jiġi rkuprat id-dejn ta': Lm1.4m ta' MALPRO; Lm43.4m tal-Gozo Ferries; Lm7.05m tal-Malta Gantry; u Lm11.80m tal-Malta Export House?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond l-informazzjoni li ngħatajt, il-Gvern qed jagħmel tajjeb għad-dejn kollu tal-Gozo Ferries u tal-Malta Export House. Fil-każ tal-kumpanija Malta Gantry, Lm2.1 miljun mid-dejn, se jiġi rkuprat mid-debituri matul is-sentejn li ġejjin filwaqt li l-Gvern qed jagħmel tajjeb għall-Lm4.95 miljun dejn fuq numru ta' snin. Il-Gvern se jagħmel tajjeb ukoll għall -Lm5.9 miljun dejn li fadal tal-kumpanija Malta Export House. Intant, id-dejn tal-Malpro Limited qed jiġi mħallas regolarmnet (Lm200,000 kull sena) mill-fondi ġenerati mill-kumpanija u hu previst li, l-kumpanija tkompli tiġġenera fondi mill-operat tagħha, tant li tkun tista' tkompli tħallas il-kumplament ta' dan id-dejn.
Jista' il-Ministru jara li jinbidlu żewġ arbli tad-dawl li hemm fi Triq il-Mitħna f'Bormla viċin is-sweet shop, peress li ttieklu bis-sadid u jistgħu jkunu ta' periklu?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret irrizulta li l-arbli msemmija mhumiex f'periklu imminenti li jaqghu, izda xorta wahda nbeda l-process biex dawn jinbildu.
Jista' il-Ministru jara li jissewwew il-bozoz li ilhom maqtugħa x-xhur fuq il-pont li jagħti għal Triq Alessandra Bormla u dan għax minħabba d-dlam li jkun hemm saret miżbla żgħira?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-bozoz fit-triq imsemmija ta' sikwit ikunu l-mira ta' vandaliżmu u għalhekk ma jitranġawx fil-pront. Il-manutenzjoni meħtieġa issa saret.
Jista' il-Ministru jikkonferma illi ż-żieda fin-nollijiet tal-Gozo Channel li bdew iseħħu mil-1/6/2004 għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, x'validita' għandhom dawn iż-żidiet fin-nollijiet tal-Gozo Channel?
Response (GATT, AUSTIN)
Iż-żieda fin-nollijiet tal-Gozo Channel li bdew iseħħu mill-1 ta' Ġunju 2004 ġew fis-seħħ permezz ta' l-Att Legali 314/2004 u ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta' Malta, Nru. 17,595, datata 31 ta' Mejju 2004.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5976, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-avviż għat-talba ta' expression of interest li saret għal bini ta' l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ ta' Malta North?
F'liema gazzetti jew pubblikazzjonijiet deher dan l-avviż u f'liema data?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma avviċinat l-Ambaxxata Taljana f'Malta bid-dokumenti meħtieġa sabiex issir is-sejħa għal expression of interest. L-Ambaxxata infurmat lill-Korporazzjoni li kienet għaddiet l-istess dokumenti lil Ministero delle Attivita' Produttive u l-I.C.E. (Istituto per il Commercio con l'Estero) f'Ruma.
Il-Korporazzjoni ġiet infurmata mill-Ambaxxata Taljana li l-I.C.E. kienet bagħtet tinforma, bis-sejħa għal-expression of interest, lil lista ta' kumpaniji li kienu fuq il-mailing list tagħha permezz ta' email u fax. Is-sejħa għalqet fit-22 ta' Marzu, 2004. Ma saret l-ebda publikazzjoni ta' avviż f'dan ir-rigward.
Kopja ta' l-avviż għal expression of interest se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex id-dawl fi Triq il-Knisja, f'Tas-Sliema jiġi spezzjonat u jekk hemm il-ħtieġa jiżdied u dan peress li jidher li m'hemmx biżżejjed dawl, meta f'din it-triq joqogħdu numru sotanzjali ta' anzjani?
Response (GATT, AUSTIN)
Minħabba l-proċess tad-devoluzzjoni dan ix-xogħol m'għadux responsabilita' ta' l-Enemalta izda tal-Kunsill Lokali .
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li kienu jaħdmu fil-qasam tat-tarznari u issa qed jaħdmu fis-settur privat b'nofs il-paga mħallsa mill-fondi pubbliċi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għaddej xogħol preparatorju fuq din l-iskema u għalhekk sal-lum l-ebda mpjegat ma qiegħed jaħdem fis-settur privat kif indika l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħata sussidju lit-Tarzna, sena b'sena, mill-1987 'il hawn? Jista' jgħid ukoll kemm sar telf fl-istess perjodu, sena b'sena? Jista' jgħid kemm kien id-dejn fl-istess perjodu, sena b'sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba,