Jista' il-Ministru jelenka kemm inġabu flus minn sorsi barranin għal-proġetti ambjentali u nfrastrutturali f'dawn l-aħħar 4 snin u jelenka liema kienu dawn il-proġetti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Din l-informazzjoni qed tinġabar u għalhekk risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Żejtun — Triq il-President Anton Buttigieg, Drenaġġ
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi W295 (Seduta 596 tas-17/09/01) u mistoqsija parlamentari oħra tiegħi 37609 (Seduta 833 ta' l-10/12/02), jista' l-Ministru jgħid jekk it-tender ġietx aġġudikata?
Min hu l-kuntrattur li ħa din it-tender?
Billi dan ix-xogħol kien imwiegħed li jitlesta fis-sena 2002 (pq W295) u wara ntqal li se jibda "fil-bidu tas-sena li ġejja" jiġifieri din is-sena (pq 37609), jista' l-Ministru jgħid meta se jibda u meta hu maħsub li jitlesta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-tender għal din il-biċċa xogħol inħarġet, għalqet u issa qegħda ssir l-aġġudikazzjoni tagħha. Peress li hemm xi problemi mal-kuntrattur li qiegħed jiġi irrikmandat, l-aġġudikazzjoni ħadet daqxejn aktar milli suppost.
Din il-problema tal-għażla tal-kuntrattur hija mistennija tkun riżolta din il-ġimgħa stess biex b'hekk it-tender tkun aġġudikata.
Ix-xogħol huwa mistenni li jitlesta fiż-żmien li hemm stipulat fil-kuntratt.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex problema tad-drenaġġ li hemm fi Triq Cameron Gżira partikolarment għan-nies li joqogħdu fil-fond numru 5 tiġi msewwija mill-aktar fis possibli biex jitneħħa l-inkonvenjent eżistenti kif ukoll bi prekawzjoni għas-saħħa pubblika?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-ħsara fir-residenza numru 5, Triq Cameron Gzira tinsab fil-lower house drain u mhux problema konness mal-main tal-gvern. Madankollu d-Dipartiment ipprova jgħin lill-individwi konċernati billi bgħattna bowser biex nippruvaw niftħu lis-stoppage. Madankollu jidher illi hemm ħsara fil-lower house drain u l-istoppage ma nfetaħx. Għalhekk il-ħsara għandha tissewwa mill-individwi konċernati.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-istudju li kellhom jagħmlu l-konsulenti Taljani IRMA dwar iċ-ċaqliq fis-swar ta' l-Imdina ġiex kumplut? Jekk fl-affermattiv kemm ġie jiswa dan l-istudju? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-istudju? Min hu r-rappreżentant tad-ditta IRMA f'Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dan l-istudju li qiegħed isir dwar iċ-ċaqliq fis-swar ta' l-Imdina għadu mhux lest pero' jinsab fi stadju avvanzat ħafna.
Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura — Impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati jaħdmu fil-Ministeru tiegħu? Xi grad għandhom u x'funzjoni jaqdu? Kemm hemm on loan minn xi dipartiment ieħor? Kemm hemm bil-kuntratt? X'inhu s-salarju tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-mistoqsija numru 38415.
Awtorita' dwar l-Immaniġjar ta' l-Iskart — Kiri ta' uffiċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema uffiċini nkrew mill-Awtorita' dwar l-Immaniġjar ta' l-Iskart? Kemm hu l-ħlas li qiegħed isir kull sena għal dawn l-uffiċini? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-kera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-uffiċini li nkrew għal kumpanija li għandha toffri s-servizzi għall-immaniġġjar ta' l-iskart huwa l-ewwel sular ta' 'Phoenix Building', Triq il-Ferrovija Santa Venera u l-kera li qed titħallas hija ta' Lm17,500 fis-sena. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt indikat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37821 li riċentement saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u issa qed tiġi riferuta lilek u ċioe' tista' tara li jinxtegħlu r-reflectors fil-bozoz li hemm ftit 'l isfel mill-Pixkerija u ċioe' l-flood light li jixgħelu s-Swar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata fil-programm ta' manutenzjoni regolari li jsir tas-sistema tal-floodlights.
Jista' il-Ministru jara li jitkompla x-xogħol ta' restawr fuq l-arkata storika li hemm mal-ġenb tal-kappella tal-Kunċizzjoni l/o Rabat peress li dan ix-xoħol ilu wieqaf għal diversi ġimgħat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol ta' restawr fuq l-arkata storika li hemm mal-ġenb tal-kappella tal-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat, wieqaf temporanjament minħabba raġunijiet loġisitċi. Ix-xogħol għandu jerġa' jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru b'referenza għad-domandi parlamentari preċedenti jinforma lill-Kamra x'xogħol beda jsir ġewwa ċ-ċimiterju tal-Lhud fil-Kalkara u kemm spejjeż huma previsti li ser jintefqu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera beda proġett sabiex jiġi restawrat iċ-ċimiterju tal-Lhud fil-Kalkara, li huwa l-eqdem ċimiterju tal-Lhud li għadu eżistenti. Il-proġett bħalissa jikkonsisti f'tindif u dokumentazzjoni fuq ġewwa minn grupp ta' arkeoloġisti peress li l-post kien mimli siġar u materjal. Qiegħed ukoll jiġi restawrat il-ħajt ta' barra. Peress li l-proġett kollu għadu qed jiġi ppjanat, il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera għadu mhux f'pożizzjoni li jgħid kemm ser jiġi jiswa dan il-proġett.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm spejjeż inħarġu għax-xogħol ta' tibdil tax-Xatt tal-Kalkara u x'sar fih dawn l-aħħar sentejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' titjib fix-Xatt tal-Kalkara sar mill-Kunsill Lokali. Madankollu, il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera ta kontribut ta' Lm6,000.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex previst li l-quddiem isiru rampi adegwati għall-aċċess għal persuni b'diżabilita' fil-knejjes parrokkjali ta' Bormla, Kalkara u Senglea u jekk iva meta dawn għandhom jibdew?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera għamlu talba lil MEPA għal aċċess għal persuni b'diżabiltia' fil-knejjes parrokkjali ta' Bormla, Isla u Kalkara. Il-proġetti jsiru meta jkun hemm l-approvazzjoni tal-MEPA u jekk il-fondi jippermettu. Għar-rigward tal-Birgu, s'issa għadu ma nstabx mod kif tista' ssir din ir-rampa.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol ser jsir ġewwa Pjazza Paolino Vassallo quddiem il-Każin tal-Banda ta' San Ġorġ, Bormla u jistax ukoll jiġi ndikat x'xogħol sar fil-pubic convenience ġdida?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proġett ta' Pjazza Paolino Vassallo huwa approvat mill-MEPA. Bħalissa qed jitħejjew it-tenders għal dan ix-xogħol li jikkonsisti prinċipalment f'titjib sostanzjali inkluż paviment, dawl u street furniture. Il-public convenience fil-viċin hija kompletament ġdida u saret fuq talba tal-Kunsill Lokali. Dan ix-xogħol ser jitħallas mill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera.
Jaf l-Onorevoli Ministru li t-taraġ tal-Labour Office tal-Ħamrun huwa kollu mkisser u għalhekk huwa ta’ periklu għal min juża dan l-uffiċċju? Jista’ il-Ministru jibgħat ħaddiema sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni ser jinvestiga dan il-każ.
Jista' jitnaddaf l-iskart li nġema bejn il-binja tal-lukanda Excelsior u x-xatt fil-Floriana?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
F'dawn l-aħħar tliet snin jistax jingħad kemm niżlet xita fuq il-gżejjer Maltin u kemm minnha nġabret u kemm minnha nħliet? X'jista' jsir biex il-quddiem xita qawwija tinġabar kemm jista' jkun minnha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' xita li niżlet fuq il-gżejjer Maltin matul dawn l-aħħar tlett snin huwa hekk:
Malta 1999-2000 = 738.6mm
2000-2001 = 338.6mm
2001-2002 = 281.7mm
Għawdex 1999-2000 = 581.9mm
2000-2001 = 313.7mm
2001-2002 = 263.2mm
Minn din ix-xita normalment madwar 20% tinfiltra fl-art; il-kumplament jew jevapora jew imur il-baħar bħala surface run-off.
Minn 'records' ta' surface run-off f'ħames 'catchments' li huma l-Marsa, l-Imsida, Burmarrad, l-Imtaħleb u Marsalforn jinħarġu dawn il-valuri ta' surface run-off:
1999-2000 = 5.7%
2000-2001 = 2.1%
2001-2002 = 0.8%
Iż-żamma tal-widien fi stat nadif tgħin biex l-ilma tal-wiċċ ikun jista' jinġabar u jinfiltra aktar fil-ħażna ta' taħt l-art.
Jista' il-Ministru jidentifika s-siti li fadal ta' l-istazzjon tal-ferrovija u jara li dawn jissebbħu u jitħarsu biex il-wirt Malti jitħares, ngħidu aħna fil-marsa (l-iskola tas-subien San Ġużepp ħaddiem)?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-sit fil-Marsa, imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien jifforma parti mis-sistema tat-Tram u mhux tal-ferrovija. Fil-preżent, dan is-sit qiegħed fil-kumpless ta' l-iskola bħala 'machine shop' u ma jeżistux fdalijiet li jistgħu jiġu restawrati.
Jistax il-Ministru jgħid kemm hawn Knejjes (kappelli) imxerdin ma Malta, Għawdex u Kemmuna u kemm minn dawn jinsabu f'idejn il-Gvern u humiex fi stat tajjeb mil-lat ta' ġebel, ħġieġ, etc; peress li bosta turisti jfittxuhom waqt il-passiġġati tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li ma jeżistux records ta' dan it-tip fuq kull knisja.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 38070 li issa ġiet riferuta lilu u ċioe' jista' jgħid jekk hemmx post alternattiv għall-public convenience li kien hemm fejn qabel kien hemm id-DOI u llum hemm l-Aċċess fil-Birgu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-'public convenience' msemmija twaqqgħet. Minflok ġiet mibnija oħra ġdida xi 60 metri 'l bogħod.