Legislature:
Category:
Reset
Active:

Zurrieq — Kumpless sportiv

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-MEPA tal-pjanti approvati tal-kumples sportiv fiz-Zurrieq, liema kumpless diġa' nbdew ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-pjanti li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kif ukoll il-permess tal-proġett imsemmi, jistgħu jiġu aċċessati mis-sit elettroniku tal-MEPA u jirreferi għal-permess numru PA 07493/03 u PA 06639/07.

Trakkijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma (anke wara li jivverfika ma' datatrack) li t-trakkijiet tad-dipartiment bin-numri GVH-024 u GVH-101 intużaw biex nhar is-Sibt 24 ta' Novembru ġarrew materjal tal-kostruzzjoni minn sit f'Tas-Silġ, Marsaxlokk? Jikkonferma li dan is-sit hu proprjeta' privata ta' wieħed mill-assistenti diretturi? Jekk fl-affermattiv, x'miżuri se jittieħdu kontra dan l-abbuż?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tas-Servizzi ta' l-Indafa Pubblika kellhu bżonn ta' materjal ta' kostruzzjoni (inert waste) biex jiġi livellata area għal skopijiet ta' parkeġġ ta' l-inġenji fil-precincts tad-Dipartiment li jinsab ġewwa Kordin. Dan ix-xogħol sar is-Sibt 24 ta' Novembru 2007 bl-iskop li x-xogħol regolari tal-Cleansing Department ma jitħarbatx fil-ġranet normali tax-xogħol tal-ġimgħa ta' wara. Ninsab infurmat ukoll li kull materjal extra li ma ntużax għall-iskopijiet imsemmija ntbgħat ġol-landfills tal-Wasteserv. Il-miżata dovuta lis-sid tal-landfill kif ukoll ħlasijiet oħra marbuta mal-ġarr ta' l-istess materjal ġew imħallsa mill-individwu li pprovda l-materjal skond rati stabbilliti. Kopji ta' l-irċevuti tal-ħlas qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li inkarigajt lid-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tas-Servizzi sabiex jinforma lid-Diretturi tad-Dipartimenti fi ħdan l-istess taqsima sabiex kemm xiri jew akkwist ta' materjal mingħajr ħlas (bħal ħamrija, ġebel tas-sejjieħ, scarifyed material eċċ) għal użu tad-Dipartimenti konċernati għandu jsir skond il-proċeduri stabbiliti u, fil-każ ta' akkwist ta' materjal mingħajr ħlas mingħand terzi persuni, dan isir bi ftehim bil-miktub minn qabel u b'approvazzjoni tad-Diretturi konċernati.

Knisja ta' Santa Ubaldeska

Question

Jista' l-Ministru wara l-inizjattiva u s-suġġerimenti tiegħi matul l-aħħar xhur għar-restawr tal-Knisja ta' Santa Ubaldeska f'Raħal Ġdid, u wara l-interess personali tal-Ministru nniffsu li ġie fuq il-post fuq talba tiegħi u wara x-xogħol fejjiedi li l-ħaddiema tal-ministeru tiegħu bdew jagħmlu fil-Knisja imsemmija, jispjega fid-dettall fhiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar s'issa u x'inhu x-xogħol li fadal isir minn issa 'l quddiem? Kemm intnefqu flus s'issa u kemm huwa maħsub li l-proġett kollu ser ikun jiswa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab inurmat illi l-faċċati tal-knisja l-antika kienu fi stat ħażin ħafna, bi kwantita’ ta’ ġebel kontinwament nieżel mill-faċċati. Għalhekk inħasset il-ħtiega li jitneħħa l-periklu u tiġi restawrata l-eqdem parti tal-knisja. Il-faċċati tal-parti l-antika, s-sagristija u l-ġenb ta’ l-altar maġġur, ġew imnaddfa minn lega sewda fejn kien hemm l-aktar ħmieġ bioloġiku. Ġew ukoll imkaħħla l-fili kollha ta’ l-istess partijiet sabiex titnaqqas il-ħsara mill-ilma. Barra minn hekk sar bdil ta’ ġebel limitat fil-partijiet l-aktar deterjorati, filwaqt li ġew konsolidati partijiet li kienu fraġli permezz ta’ injezzjoni b’materjal magħmul mill-ġir. Ġie mneħħi wkoll zokklatura tal-konkos, ta’ madwar sular fuq wara tal-knisja sabiex il-ġebla setgħet terġa’ tieħu n-nifs. Il-bjut tas-sagristija u anke tal-ġenb l-ieħor ġew mħallba tajjeb permezz ta’ taħlita tad-deffun sabiex nevitaw li jidħol ilma minnhom. Fuq il-bejt il-kbir ukoll sar xogħol ta’ tiswija fuq areas fejn kien hemm ħsarat fid-deffun. Minbarra dan twaħħlu monitors fil-knisja sabiex jiġi stabbilit jekk il-konsenturi li hemm humiex stabbli jew għad hemm iċ-ċaqlieq. Dawn hemm bżonn li jiġu investigati fuq medda ta’ sena sabiex wieħed ikollu idea ċara tal-problemi strutturali. Huwa biss wara dan il-proċess li wieħed jista’ jibda jaħseb fuq kif nistgħu nieħdu azzjoni fuq il-problemi jekk dawn jeżistu. Filwaqt li x-xogħol tar-restawr s’issa ġie jiswa Lm13,000, wieħed għadu ma jistax joħroġ figura għal xogħlijiet strutturali peress li ma nistgħux ngħidu għal issa x’ser ikun hemm bżonn.

Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw mobile phonesf'dawn l-aħħar tlett snin? Lil min ingħataw dawn il-mobile phones u hemm xi persuni li għandhom aktar minn mobile phonewieħed? Dawn il-mobile phones huma inklużi fl-inventarju? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar tliet snin inxtraw sittax-il mobile phone. Dawn il-mobile phones ingħataw lil persuni li qed jidhru fil-lista t’hawn taħt. L-unika persuna li għandha żewġ mobile phones hu l-Ministru. Il-mobile phones huma nklużi fl-inventarju kif jidhru fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minister Head of Secretariat Private Secretary to Minister Communications Co-ordinator Permanent Secretary Director, People Management and Support Services Director General (Works Division) Director General (Services Division) Director, Oil Exploration Department Director, Financial Management Department Director, Construction & Maintenance Department Operations Manager, Construction & Maintenance Department Director, Building and Engineering Department Director, Cleansing Services Department Executive Secretary, Building Industry Consultative Council

Promozzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ingħatatx xi promozzjoni f'dawn l-aħħar tlett snin? X'kien il-grad tagħha qabel ma ngħatat il-promozzjoni u x'inhi l-pożizzjoni tagħha llum?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi il-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ingħatat promozzjoni f’dawn l-aħħar tlett snin. Il-grad tagħha kien ta’ General Hand u llum hija Tradesman.

Proġett ta' l-Għargħar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ġewx impjegati konsulenti fuq il-proġett kontra l-għargħar? Jekk fl-affermattiv min huma, kif intgħażlu, kemm tħallsu s'issa u fejn wasal ix-xogħol tagħhom? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ngħataw?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku dwar liema proġett ta’ l-għargħar qiegħed jirreferi għaliħ.

Lap tops

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw computer lap tops f'dawn l-aħħar tlett snin? Lil min ingħataw dawn il-lap tops u hemm xi persuni li għandhom aktar minn lap top wieħed? Dawn il-lap tops huma inklużi fl-inventarju? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar tliet snin inxtraw ħmistax-il computer laptop. Dawn il-laptops ingħataw lil persuni skond kif jidher fil-lista t’hawn taħt. M’hemm l-ebda persuna li għandha aktar minn laptop wieħed. Il-laptops huma nklużi fl-inventarju kif jidhru fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minister Head of Secretariat Permanent Secretary Permanent Secretariat (General Use) Director, People Management and Support Services Asst. Director, Management Support Director, EU Affairs Policy Development and Programme Implementation Director, Building and Engineering Principal Technical Officer - Restoration Drawing Office Director General (Services Division) Director General (Works Division) Director, Cleansing Services Executive Co-ordinator, Rehabilitation Committees Director Water, Malta Resources Authority Project Officer 1 - Water Directorate, Malta Resources Authority

Gzira — Edgar Bernard Str

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi konkreti dwar il-problema ta' flooding li jkollhom fil-jiem tal-maltemp ir-residenti ta' Edgar Bernard Str, Gżira speċjalment minħabba ilmijiet li jkaxkru ħafna affarijiet minn taħt il-pont?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi t-triq imsemmija mill-Onor Interpellant hija parti minn zona li dwarha l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ħejja proġett li qiegħed quddiem il-MEPA għal ħruġ tal-permessi meħtieġa.

Rizorsi u Infrastruttura — Riklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kumpanniji ħadmu riklamar u kampanji ta’ informazzjoni għall-mezzi tax-xandir awdjo-viżivi u stampati għan-nom tal-Ministeru/Segretarjat Parlamentari tiegħu u għan-nom ta’ dipartimenti, awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u bejn Jannar u Settembru 2007? Kemm kien il-ħlas involut għal kull biċċa xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

B'Kara — Debris fil-Wied

Question

Billi jinġabar ħafna debris fil-Wied ta' Birkirkara, (wara l-MLP club) jista' l-Ministru jara li dan jitneħħa għax jista' jikkawża periklu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi t-tneħija ta' debris li jinġabar fil-post imsemmi jsir regolarment mid-Dipartiment tas-Servizzi ta' l-indafa fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.

UK Malta Bilateral Exchange Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-impjegati li applikaw għall-UK Malta Bilateral Exchange Scheme għal din is-sena skond ċirkolari OPM 17/2007? X'inhu l-grad ta' dawn l-impjegati u min ġie magħżul mid-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien hemm żewġ(2) applikazzjonijiet għall-UK-Malta Bilateral Exchange Scheme. Dawn kienu Perit u Principal Technical Officer. Minn dan il-Ministeru ġie magħżul Perit biex jattendi dan l-Exchange Scheme.

Riżorsi u Infrastruttura — Postijiet vakanti

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet għall-applikazzjoni biex jimtlew vakanzi fid-dekasteru kollu tiegħu f'dawn l-aħħar tlett snin? Kemm kien hemm applikanti għal kull post? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom irgiel? X'kienet l-eta` tagħhom? Jista' jagħti s-sess u l-eta` tal-persuna magħżula?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar tlett snin fil-Ministeru għar-Rizorsi u l-Infrastruttura kien hemm sebgħin il-sejħa għall-applikazzjoni biex jimtlew vakanzi fid-dekasteru kollu tiegħu. L-informazzjoni ta’ kemm kien hemm applikanti għal kull post, kemm minnhom kienu nisa jew irġiel, x’kienet l-eta’ tagħhom u s-sess u l-eta’ tal-persuna magħzula qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Wied Qlejgħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux qed jasal l-ilma minn Wied il-Qlejgħa fil-ġibjuni tal-Kmand fejn hemm il-micpropragation? Meta se jittieħdu passi biex jissewwew il-ħsarat li qed jiżvijaw l-ilma naturali milli jasal f'dawn l-imħażen ta' l-ilma naturali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-Ministeru ser jinvestiga din il-problema u ha jara kif tista' tkun solvuta.

Serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il serqa ġiet rappurtata mill-ministeru, dekasteru u enti li jaqgħu taħtu matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena? Kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali l-oġġetti misruqa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel għaxar xhur ta’ l-2007 fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ġew irrapurtati għaxar serqiet li b’kollox jammontaw għal Lm1,567.00.0

Membri fuq bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28018 u 28529 u jagħti l-lista ta' membri fuq bordijiet li hemm fid-dekasteru tiegħu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Belt Valletta — Masterplan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28618 u jgħid jekk il-masterplan għall-Belt huwiex lest? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-Master Plan għal Belt Valletta ser ikun finallizzat għal Jannar 2008

Użu ta' karozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-direttur tad-dipartiment, li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament, hux intitolat għall-użu tal-karozza bix-xufier jew mixtrija għalih? F'dan il-każ din il-policy qegħda tiġi osservata?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li d-Direttur tad-Dipartiment li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, huwa ntitolat bħal kull Direttur ieħor ta’ Dipartment tal-Gvern, għal karozza fully expensed għall-użu personali tiegħu. Waqt il-qadi ta’ dmirijiet uffiċjali, d-Direttur jista jagħmel użu minn karozza li tkun misjuqa minn xufier. Din hi policy li minn dejjem kienet titħaddem fid-Dipartimenti li jiffurmaw id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet u dik tas-Servizzi.

Xogħol ta' restawr

Question

Jista' l-Minitru jgħid mis-sena 2003 sal-lum x'xogħol ta' restawr sar f'dawn il-lokalitajiet: Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Naxxar, San Ġiljan u Sliema? Jista' jgħid fhiex kien jikkonsisti kull xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ restawr li saru mill-2003 sal-lum fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onor Interpellant huma kif murija hawn taħt:- Mellieħa: Xogħol ta’ restawr tal-batterija ta’ Westreme San Pawl il-Baħar: Xogħol ta’ manutenzjoni u restawr fuq il-Knisja ta’ Sant’ Anna fil-Pwales. Inbidel ukoll il-madum taghħa biex sar ċangatura. Naxxar: Xogħol ta’ restawr tal-Knisja ta’ Santa Katerina fil-limiti tan-Naxxar; Xogħol ta’ restawr tan-niċċa f’nofs it-Telgħa t’Alla u Ommu, wara li kienet intlaqtet minn trakk; Ser jinbeda xogħol ta’ manutenzjoni tal-Knisja ta’ San Pawl tat-Tarġa il-ġimgħa d-dieħla San Ġiljan: Xogħol ta’ restawr tal-volta mpittra tal-Parroċċa l-Qadima Sliema: Ma saru l-ebda xogħlijiet f’din il-lokalita’ fis-snin imsemmija