Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Imġarr — inħawi tal-Imseliet - ħsarat fir-raba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx finanzjament min-naħa tal-Gvern biex jagħmel tajjeb għal ħsara li saret fl-aħħar jiem fejn bdiewa li jaħdmu r-raba' fl-inħawi tal-Imseliet, limiti tal-Imġarr (Malta) irraportaw li sofrew ħsara minħabba tromba li għamlet fl-inħawi fejn għandhom ir-raba' tagħhom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Kif infurmajt lill-Kamra bit-tweġibiet ghad-Domandi Parlamentari, 24288 (fil-11 ta’ Mejju, 2016) u 12276 (fit-13 ta’ Novembru 2014), ħsarat ikkaġunati mil-maltemp, s’issa ma kienux koperti taħt xi skema ta’ kumpens, u fil-passat qatt ma ingħata kumpens għal dawn it-tip ta’ ħsarat. Madanakollu, ninforma lill-Onor. Interpellant, li sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni xejn feliċi, u kif konna wegħdna fil-manifest elettorali, fil-programm għall-Iżvilupp Rurali 2014 – 2020, iddaħlet miżura biex tħajjar lill-bdiewa sabiex jieħdu ħsieb jassikuraw l-uċuh tar-raba tagħhom. Din hija il-Miżura 17 (Artikolu 36 tar-Reg. (UE) Nru. 1305/2013) – Assigurazzjoni - Għajnuna għall-ħlas tal-poloz relatati mal-assigurazzjoni tal-uċuħ, pjanti, annimali. Huwa maħsub illi din il-miżura tiġi mnedija aktar tard din is-sena.

L-istaġun tal-kaċċa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jinfetaħ uffiċjalment l-istaġun tal-kaċċa? Għal liema speċi jistgħu jikkaċċjaw? Jista’ jgħid x’inhuma l-multi stipulati fil-liġi għal min jikser il-liġi? Jista’ jgħid x’inhi l-multa għal min jaqbad jikkaċċja l-gamiem?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant sabiex jirreferi għall-istqarrija maħruġa għall-istampa datata 21 ta’ Frar 2017 Nru. PR170410, kopja tagħha li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Pieni għal reati relatati ma' kaċċa huma stipulati fir-Regolament 27 tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (LS 549.42).

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Staff klerikali – degree mill-Università

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom degree mill-Università? Jista' jgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Jista' jgħid jekk humiex nisa jew irġiel?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Wied il-Għajn – żona msejjaħ il-Magħluq — passi

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27280 jista’ l-Ministru jinforma x’passi ulterjuri ttieħdu tul is-sena li għaddiet għar-rigward il-Magħluq f’Wied Il-Għajn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant, li fil-Magħluq ta’ Marsaskala komplew l-inizjattivi tal-kontroll tal-firien, kif ukoll miżuri biex tinżamm l-indafa tal-post bħala parti mill-ħarsien u mmaniġġjar aħjar tas-sit. Dan ix-xogħol qed isir minn diversi entitajiet, dan il-Ministeru, kif ukoll Ministeri oħra. Inizzjattiva ġdida, imnieda ma’ entità mhux governattiva, hija dik immirata għar-rinfurzar tal-popolazzjoni tal-bużaqq (Aphanius fasciatus) li jinstabu fil-post b’mod naturali. Dawn il-miżuri msemmija jagħmlu parti mill-Pjan tat-Tmexxija għas-sit.

Xogħlijiet fuq imsaġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema siġar hu mistenni li jiġu mħawwla fil-postijiet fejn ġew identifikati għal skop ta' masġar? Fejn ser ikunu l-imsaġar li fihom ser jinbeda x-xogħol, u meta ser jibda?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li s-siġar identifikati li ser jitħawlu ġewwa l-imsaġar huma siġar indiġeni bħal Prinjol, Ballut, Tamarisk, Ta’ Ġuda u Ċipress. Ix-xogħol li nbeda diġà huwa ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq u Wied Blandun fejn tlestiet l-art għat-tħawwil. It-tħawwil ser jibda fil-ġranet li ġejjin ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Konsulenzi minn Avukat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jew mid-ditta legali tiegħu, u jekk iva, meta, liema entità kienet/hija, u l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninsab infurmat li l-persuna kkunċernata ma ingħatat l-ebda xogħol mill-Ministeru tiegħi jew minn xi entità li taqa’ taħti.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - Konsulenzi minn Avukat

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari jgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jew mid-ditta legali tiegħu, u jekk iva, meta, liema entità kienet/hija, u l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninsab infurmat li l-persuna kkunċernata ma ingħatat l-ebda xogħol mill-Ministeru tiegħi jew minn xi entità li taqa’ taħti.

Barrieri għal materjal tal-kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-barrieri li fihom, bħalissa, jista’ jintefa’ materjal tal-kostruzzjoni? Jista' jgħid jekk bħalissa hemmx problemi partikulari biex jinstab post fejn jiġi mwaddab materjal tal-kostruzzjoni? Jista’ jikkonferma li preżentament dan il-materjal qed jitwaddab f’barriera tal-Gvern, f’Ta' Żuta, qrib Ħad-Dingli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa hemm għoxrin (20) barriera li għandhom permess jaċċettaw radam u materjal ta’ kostruzzjoni inert li jinsabu f’Ħat Attard, Naxxar, Mqabba, Ħad Dingli, Mosta, Mellieħa, Siġġiewi, Żejtun, Ħaż-Żabbar u f’Għawdex il-Qala u San Lawrenz. Dawn is-siti huma dawk li għandhom permess mill-Awtoritá għall-Ambjent u r-Riżorsi biex jaċċettaw skart minn terzi persuni. Dan l-aħħar waslet informazzjoni verbali li seta’ kien hemm min qed isib problemi jiddisponi minn materjal tal-kostruzzjoni u minn stħarrig li għamlet l-Awtorià għall-Ambjent u r-Rizorsi irriżulta li seba’ barrieri mill-għoxrin imsemmija qabel qed jaċċettaw materjal biss minn-proġetti tal-operatur tal-barriera nnifsu, fil-waqt li l-kumplament waslu fi stat li daqt jimtlew jew imtlew diġà. Sadanittant peress li l-problema in kwistjoni hija wkoll waħda li tikkonċerna l-ippjanar tal-iżvilupp, qegħdin bħalissa f’diskussjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex flimkien naraw kif din il-problema tista’ tiġi mnaqqsa. Fir-rigward tal-barriera Ta’ Żuta li rrefera għaliha l-Onor Interpellant nifhem li r-referenza hija għall-barriera li hija operata minn kuntrattur privat u li l-informazzjoni dwarha hija nkluża mal-għoxrin (20) barriera msemmija.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat fl-2016 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għoti ta’ Direct Orders sar skont kif jitolbu r-regolamenti finanzjari dawn jiġu ppublikati fil-Gazzetta tal-Gvern kull sitt xhur skont Avviż Legali 296/2010 kif emendat skont artiklu 20(2) u skont Avviz Legali 352/2016, artiklu 111(2).

Għar Ħasan – Qatran

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu wara r-rapport li deher fil-ħarġa tal-24 ta’ Frar 2017 tal-Orizzont dwar qatran li nxteħet mal-irdum ta’ ħdejn Għar Ħasan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li Uffiċċjali mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi spezzjonaw is-sit wara r-rapport fil-gazzetta u kkonfermaw li dan iż-żejt kien l-istess li kien ġie mitfugħ fuq l-Irdum tal-Mara ħdejn Għar Ħasan numru kbir ta’ snin ilu. Ma kienx hemm żejt frisk li seta’ intefa’ riċentement.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — entitajiet - kawżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ma kellha l-ebda konfront indirizzat dirett lejha minn meta twaqfet f’April 2016 sa issa pero’ ġiet kjamata in kawża f’erba’ kawżi dwar ċirkustanzi u, jew materja li ppreċedew l-ERA filwaqt li l-WasteServ ġiet kjamata in kawża fuq 5 ċirkustanzi f’dawn l-aħħar ħames snin.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Positions of trust

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-positions of trust li hemm fil-Ministeru tiegħu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. Il-lista tinkludi s-Segretarjat Privat tiegħi, is-Segretarjat Privat tas-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, uffiċjali ingaġġati b’mod temporanju matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew, u kif ukoll uffiċjali tekniċi li jaqdu dmirijiet fl-oqsma tal-ambjent, l-iżvilupp rurali, is-sajd, il-ħarsien tal-annimali, ir-regolazzjoni veterinarja u s-saħħa tal-pjanti fost l-oħrajn.

Awtorità dwar l-Ambjent – uffiċċju f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità dwar l-Ambjent għandhiex uffiċċju tagħha f'Għawdex li huwa separat minn dak tal-Awtorità għall-Ippjanar? Jekk iva, fejn jinsab dan l-uffiċċju? L-istess Awtorità dwar l-Ambjent għandha numri tat-telephone speċifiċi tagħha għall-Uffiċċju ta' Għawdex?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-uffiċċju tal-Awtorita’ għall-Ambjent u Riżorsi qiegħed f’binja komuni ma' l-Awtorita’ tal-Ippjanar, iżda ż-żewg Awtoritajiet jużaw uffiċini separati. L-uffiċċji ta’ l-Awtorita’ għall-Ambjent u Riżorsi għandhom linji tat-telefon diretti u ddedikati għalih.

Programm Leader – Proġetti minn Fondi Ewropej – ex/post on-site inspection

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29355 fejn intqal li mill-2013 sal-lum saru tliet kontrolli ex-post fuq il-proġett taħt il-programm Leader, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawn il-proġetti, il-ġurnata ta’ meta saret it-talba, fuq liema senjalazzjoni saret l-ispezzjoni u x’kienu l-konklużjonijiet ta’ dawn l-ispezzjonijiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Strateġija nazzjonali tal-biodiversità

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’qiegħed jagħmel biex l-istrateġija nazzjonali tal-biodiversità li ħarġet fl-2012, tiġi implimentata?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, tikkordina x-xogħol bejn is-setturi biex tiżgura l-integrazzjoni relevanti li hemm bżonn jitwettqu biex jiġu implimentati l-miżuri tal-Istrateġija Nazzjonali tal-bijodiversità (NBSAP). L-Istrateġija Nazzjonali hija mfassla fuq il-miri internazzjonali stipulati mill-Ġnus Magħquda u għandha wkoll 80 miżura biex jimplimentaw dawn il-miri. L-ERA rrevediet il-progress lejn il-kisba tal-miri internazzjonali u l-implimentazzjoni tal-miżuri fl-NBSAP. Malta kisbet progress f'95% tal-miri internazzjonali stipulati mill-Ġnus Magħquda u kien hemm progress f’76% tal-miżuri. Ta’ min jinnota li l-progress ma setax jiġi meqjus għal madwar 18% tal-miżuri, peress li ż-żmien stipulat biex dawn il-miżuri jibdew jiġu implimentati kien għadu ma bediex meta saret l-analiżi.

Pjanta, Siġra u Għasfur Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’qiegħed isir min-naħa tal-Gvern sabiex jiġu mħarsa l-Pjanta, is-Siġra u l-Għasfur Nazzjonali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-għasfur, il-pjanta u s-siġra nazzjonali huma kollha mħarsa bil-liġi u kollha kemm huma għandhom trend stabbli, għalkemm fil-każ tal-merill jidher li hemm żieda fil-popolazzjoni bejn is-75% sal-85% mill-2001. L-ERA qiegħda bħalissa taħdem fuq qafas legali dwar Speċi Nazzjonali, kif issaħħaħ iktar il-ħarsien tagħhom. Dwar l-Għasfur Nazzjonali, il-merill, huwa tip ta’ malvizz protett legalment permezz tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (SL 549.42). Huwa wkoll suġġett ta’ miżuri ta’ monitoraġġ u konservazzjoni bħala parti min-Netwerk Natura 2000; fil-fatt, l-irdumijiet madwar il-kosta, u l-gżejjer Maltin iż-żgħar li jikber fihom għandhom fis-seħħ miżuri ta’ tmexxija li jimmiraw biex tinżamm il-distribuzzjoni u firxa eżistenti ta’ dan il-malvizz u l-popolazzjoni tiegħu, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjenti naturali fejn instab. F’dan ir-rigward, l-għasfur nazzjonali żied fil-popolazzjoni tiegħu bejn 75% għal 85% mill-2001, kif jixhed l-aħħar rapport li sar mill-predeċessuri tal-ERA (id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA) flimkien mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima fl-2013. Il-Pjanti Nazzjonali, widnet il baħar, hija wkoll imħarsa permezz tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali (SL 549.44) u hija wkoll suġġetta għal miżuri ta’ monitoraġġ u konservazzjoni bħala parti min-Netwerk Natura 2000, b'miżuri ta’ tmexxija fis-seħħ li jimmiraw biex tinżamm il-distribuzzjoni u firxa eżistenti ta’ dan l-arbuxxell u l-popolazzjonijiet tiegħu, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjenti naturali fejn instab. Din l-ispeċi, li hi ornamentali, hija wkoll mkabbra ortikulturalment u hija wkoll użata fil-ġonna pubbliċi, urbani u inħawi rurali. Il-pjanta hija rari fis-selvaġġ u għalhekk għandha stat ta’ konservazzjoni inadegwat, però t-trend fil-qagħda ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi hija waħda stabbli meta wieħed jara l-aħħar għaxar snin, kif jixhed l-aħħar rapport li sar mill-predeċessuri tal-ERA (id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA) fl-2013. Is-Siġra Nazzjonali, l-għargħar hija wkoll legalment imħarsa permezz tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali (SL 549.44) u Regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar (SL 549.64). L-ambjent naturali fejn tinsab huwa wkoll suġġett għal monitoraġġ u miżuri ta’ konservazzjoni bħala parti min-Netwerk Natura 2000, b'miżuri ta’ tmexxija fis-seħħ li jimmiraw biex tinżamm il-distribuzzjoni u firxa eżistenti ta’ l-inħawi fejn tinstab is-siġra u l-istruttura u l-funzjonijiet tal-ambjent naturali ta’ din l-ispeċi. Diġà ttieħdu azzjonijiet biex jitneħħa l-iskart u speċi eżotiċi invażivi li setgħu affettwaw waħda mill-popolazzjonijiet il-kbar ta’ din l-ispeċi bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-bdiewa taż-żona. Barra minn hekk, numru ta’ siti ġodda li fihom instabet din is-siġra bħala parti mill-monitoraġġ ġew dikjarati bħala ‘Tree Protection Areas’. L-ispeċi hija wkoll użata dejjem aktar fil-landscaping. L-imsaġar tal-għargħar huma rari fis-selvaġġ u għalhekk għandhom stat ta’ konservazzjoni inadegwat, però t-trend fil-qagħda ta’ konservazzjoni hija waħda stabbli meta wieħed jara l-aħħar għaxar snin, kif jixhed l-aħħar rapport li sar mill-predeċessuri tal-ERA (id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA) fl-2013.

Il-Mosta – Ġnien l-Għarusa tal-Mosta — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’xogħol se jsir fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, Tarġa Gap, Mosta? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’wassal biex fl-inawgurazzjoni ta’ dan ix-xogħol, il-Kunsill Lokali tal-Mosta ma kienx mistieden b'mod uffiċjali, u minflok kien mistieden il-minority leader?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li xogħlijiet ippjanati għall-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta huma: tħawwil ta siġar indigeni, tneħħija ta siġar u pjanti mejta jew morda, tiswija u restawr ta ħitan u ġibjun li hemm fis-sit, installazjoni ta’ post and rail fencing, tkomplija ta’ landscaping, tqegħid ta’ pavimentar ġdid, tqegħid ta’ bankijiet, gazebo u planters u installazjoni ta’ sistema tad-dawl. Is-sindku tal-Kunsill Lokali tal-Mosta kien mistieden għall-inawgurazzjoni.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta – xogħol ta’ tisbiħ u tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fir-rigward ta’ xogħol ta’ tisbiħ li se jsir fil-Ġnien pubbliku l-Għarusa tal-Mosta, ta’ min se jkun id-dmir għall-manutenzjoni u tal-indafa ta’ dan il-ġnien pubbliku, ladarba x-xogħol tant meħtieġ ikun lest?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor Interpellant li l-manutenzjoni u ż-żamma tal-post li jinkludi wkoll t-tindif ta’ dan il-ġnien ser tkun f’ idejn il-Kunsill Lokali.

Żona ġdida għal gaġeġ tat-tonn fil-Grigal ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti assigurazzjoni li l-istudji neċessarji li qegħdin isiru sabiex tiġi identifikata ż-żona l-ġdida tal-gaġeġ tan-tonn fil-grigal ta' Malta se jkunu lesti fil-ħin sabiex l-operaturi tal-gaġeġ tat-tonn jkunu rrilokaw sa qabel is-sajf?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern huwa kommess li jwettaq dak li wiegħed is-sena l-oħra sabiex il-gaġeġ tal-fish farms milquta, inkluz dawk fil-grigal ta’ Malta, ikunu kollha rilokati f’siti iktar ‘il barra u dan fiż-żmien imwiegħed u wkoll b’rispett sħiħ tar-regoli kollha applikabbli.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — kiri/xiri ta’ karozzi għall-użu uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu ta' kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.