Ħal Tarxien — Triq il-Palma - Zebra Crossing bla dawl
Question
Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ ta' stallar ta' dawl maż-zebra crossing li tinsab fi Triq il-Palma Ħal Tarxien peress li din saret qabel l-elezzjoni u ilha minn dakinhar bla dawl?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W176 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’inhi r-raġuni li tneħħa l-meter tad-dawl mill-parti ta’ fuq ta’ Forti Sant’Iermu fejn ikun hemm il-ħaddiema tal-IPSL li huma mislufa mad-Dipartiment tal-Artijiet, u li jagħmlu xogħol ta’ sigurtà?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-arloġġ imsemmi tneħħa minħabba li ma kienx qed jintuża.
Tajjeb wieħed iżid illi fil-post hemm ippjanata substation ġdida sabiex il-kumpless kollu tal-Forti Sant’Iermu jkun fornut bi provvista waħda li taqdi l-ħtiġijiet tal-kumpless kollu. Ix-xogħlijiet tal-bini ta’ din is-substation ġdida huma għaddejjin.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6174 u 6641 u jgħid kemm kien l-ammont totali annwali ta' konsum (jiġifieri t-total ta' dak actual u estimated) indikat fil-kontijiet mibgħuta lill-konsumaturi fis-segwenti kategoriji fir-rigward ta' konsum ta' enerġija elettrika fis-settur domestiku matul is-sena 2012:
a) household ta' persuna waħda;
b) household ta' żewġ persuni;
ċ) household ta' tliet persuni;
d) household ta' erba' persuni;
e) household ta' ħames persuni;
f) household ta' sitt persuni; u
g) household ta' aktar minn sitt persuni?
Jista’ jagħti raġuni għaliex, konsistentament, mhux qiegħed ipoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 6641.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6175 u 6642 u jgħid kemm kien in-numru ta' households fis-sena 2012 fir-rigward ta' konsum ta' enerġija elettrika fis-settur domestiku li kienu kklassifikati bħala:
a) household ta' persuna waħda;
b) household ta' żewġ persuni;
ċ) household ta' tliet persuni;
d) household ta' erba' persuni;
e) household ta' ħames persuni;
f) household ta' sitt persuni;
g) household ta' aktar minn sitt persuni?
Jista’ jagħti raġuni għaliex, konsistentament, mhux qiegħed ipoġġi l-informazjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntatjatha din il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema rigward il-kont tal-ilma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ARMS għamlet kuntatt mal-klijent fejn dan ġie infurmat li l-każ tiegħu ġie riferit għal Advisory Board tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, sabiex jiġi nvestigat il-każ tiegħu u sussegwentement tittieħed id-deċiżjoni meħtieġa.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — impjegati b'kuntratt indefinit
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-impjegati fi ħdan il-Ministeru tiegħu li l-kuntratt definit tagħhom sar wieħed indefinit matul Jannar, Frar u Marzu 2013? Jista’, għal kull impjegat jgħid x’kienet id-data ta’ meta l-kuntratt definit tiegħu sar wieħed indefinit? Jista’ jgħid min kien li ffirma kull ittra li biha kull kuntratt definit sar wieħed indefinit? Jista’ jgħid każ b’każ x’kienet il-kariga ta’ kull impjegat? Jista’ jgħid każ b’każ l-istatus li fih l-impjegati kkonċernati ngħataw l-impjieg b’mod indefinit?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 38 (tmienja u tletin) impjegat li l-kuntratt definit tagħhom sar wieħed indefinit matul Jannar, Frar u Marzu 2013. Il-kumplament tal-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Arloġġi tad-dawl u l-ilma — applikazzjonijiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti għall-istallazzjoni ta’ arloġġi tad-dawl u l-ilma fil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali, lokalità lokalità?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Marzu il-Korporazzjoni Enemalta kellha 41 applikazzjoni pendenti fil-lokalitajiet tat-12-il distrett.
Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma — overtime
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħadem overtime fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ingħataw fil-leġislatura li għaddiet għal mistoqsijiet parlamentari 6139, 6140, 6142, 6143, 6144, 6145, 6146 u 6147.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7557 u jgħid kemm lill-Korporazzjoni Enemalta fil-preżent jiġiha l-prezz biex tiġġenera u tiddistribwixxi unit ta’ elettriku ġġenerat mill-impjant ta’ Delimara? Jista’ jgħid kemm hu l-prezz li bih jiġi mibjugħ kull unit?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul f’paga u allowances separatament minn Marzu 2013 sal-lum tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ? Jista’ jgħid għalxiex kienu l-allowances mogħtija lilu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Marzu 2013 u Marzu 2014, l-impjegat imsemmi ngħata l-paga u l-allowances dovuti lilu skont it-termini ta’ kuntratt definit iffirmat f’Lulju 2010 u konfermat f’wieħed indefinit f’Jannar 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun lesta r-renewables policy, peress li l-ewwel kien iddikjara li din se tkun lesta sa Settembru 2013 u imbagħad qal sa Diċembru 2013?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-policy qiegħda tiġi ffinaliżżata mal-entitajiet ikkonċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid meta temm l-impjieg tiegħu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament ? X’kienu r-raġunjiet għat-tmiem tal-impjieg tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegat imsemmi ġie sospiż wara li beda jiġi investigat mill-Pulizija dwar allegati każi ta’ serq ta’ elettriku.
Il-proċessi ta’ sospensjoni jew terminazzjoni ta’ impjiegi ta’ ħaddiema huma regolati mill-ftehim kollettivi tal-ħaddiema. L-Enemalta obbligata li tipproċedi skont dawn il-ftehim.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li l-kont tad-dawl ġieha għoli?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS għamel kuntatt mal-klijenta fejn din infurmatna li kellha ħsarat interni fejn jidħlu pajpijiet tal-ilma tar-residenza tagħha u għadditilna wkoll xi ritratti ta’ dawn l-istess ħsarat.
Il-klijenta ġiet infurmata li l-file tagħha ġie mgħoddi lil-Advisory Board tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, sabiex dan jinvestiga l-każ u sussegwentament tittieħed id-deċiżjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni biex jitneħħew it-tankijiet tal-Qajjenza? Meta hu mistenni li jitneħħew? Min se jkun responsabbli mit-tneħħija ta' dawn l-istess tankijiet? Jista' jgħid ukoll jekk l-istess tankijiet hux se jinbiegħu għall-materjal, jew jekk hux se jerġgħu jiġu stallati f'xi post ieħor?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni tingħata fil-ħin opportun.
Proġett tal-bini ta' terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara — studju dwar impatt fuq is-sajjieda u fuq it-turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar l-impatt li l-proġett tal-bini ta’ terminal tal-LNG u l-ħażna tal-LNG f’Delimara se jkollu fuq is-sajjieda ta’ Marsaxlokk u l-impatt fuq it-turiżmu tal-inħawi?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed nimxu mar-regoli kollha u l-proċeduri stabbiliti mil-liġi.
Proġett tal-bini ta' terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara — studju dwar impatt fuq is-suq tal-proprjetà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar l-impatt li l-proġett tal-bini ta’ terminal tal-LNG u l-ħażna tal-LNG f’Delimara se jkollu fuq is-suq tal-proprjetà fin-naħa t’isfel ta’ Malta? Huwa veru li l-prezz li wieħed iħallas għall-assikurazzjoni fuq djar u proprjetà li qiegħdin ġewwa Marsaxlokk, Marsascala u Birżebbuġia jista’ jogħla?
Proġett tal-bini ta’terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara — żieda fil-polza ta’ assikurazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jagħti assigurazzjoni li minħabba l-bini tat-terminal tal-LNG u l-ħażna tal-LNG fil-bajja ta’ Marsaxlokk mhux se jkun hemm żieda fil-polza ta’ assikurazzjoni fuq bastimenti li jidħlu ġewwa l-Freeport?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.
Proġett tal-bini ta' terminal u ħażna tal-LNG f’Delimara – logħob tan-nar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti assigurazzjoni lin-nies ta’Marsaxlokk u Birżebbuġia li minħabba l-bini tat-terminal tal-LNG u l-ħażna tal-LNG fil-bajja ta’ Marsaxlokk xorta waħda se jkunu jistgħu jibqgħu jtellgħu l-logħob tan-nar waqt il-festi tar-raħal tagħhom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-awtorità kompetenti li tirregola l-logħob tan-nar hija idoneja biex twieġeb tali domanda.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7925, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri kollha tal-bordijiet tal-Korporazzjoni Enemalta, tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi?
Response (MIZZI, KONRAD)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jara li jiġi rivedut il-kont tad-dawl u l-ilma tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li jidher li hemm żball?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS Ltd għamlet kuntatt mal-klijent fejn dan avżana li l-Ħamis 27 ta’ Frar 2014, mar personalment fl-uffiċini tal-Customer Care tal-ARMS u ppreżenta ittra sabiex il-każ tiegħu jiġi kkunsidrat għal Bulking Committee minħabba li huwa relatat ma konsum akkumulat.
L-ARMS se tmexxi din l-ittra għal kunsiderazzjoni tal-bord.