Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siti tal-għaddasa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess biex siti tal-għaddasa jiġu protetti minn sajd abbusiv li qed iħarbat l-ħut tal-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-avviż lill-baħħara neċessarju biex jiġu protetti dawn is-siti fejn hemm bastimenti mgħarrqa madwar il-kosta biex iservu ta' siti għall-għaddasa qiegħed fl-aħħar fażi ta' preparazzjoni u għandu jkun ippubblikat mill-Awtoritá Marittima ta' Malta fil-gazzetta tal-Gvern fil-jiem li ġejjin. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant għat-talba konfliġġenti biex jitneħħew dawn il-projbizzjonijiet li l-kollega tiegħu għamel f'Mistoqsija Parlamentari Nru 29510.

Red palm weevil

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm siġar tal-palm f'Malta u Għawdex li ġew affettwati bil-marda kkaġunata mir-red palm weevil? Minn fejn ġejja din il-marda u x'inhu l-kaġun tagħha? X'rimedji qegħdin jitfasslu għaliha? Se jkun hemm xi kumpens għat-tibdil ta' dawn is-siġar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ġew identifikati madwar 150 siġra tal-palm li huma infettati ħafna bil-Bumunqar Aħmar (Red Palm Weevil) ġewwa Malta. Mill-ispezzjonijiet u l-monitoraġġ li qiegħed isir sa issa f’Għawdex ma nstabet ebda palma li hi nfettata b’din il-ħanfusa. Dan l-insett, li jaf l-oriġni tiegħu fl-Asja, jinstab kważi mal-Mediterran kollu u jinġarr permezz ta’ materjal ta’ propagazzjoni li jista' jvarja minn biċċiet tal-palm sa siġar sħaħ. L-insett ma jkunx viżibbli meta jkun trasportat minn pajjiż għal ieħor għax huwa jkun jinstab fil-qalba tas-siġra. Din il-ħanfusa tagħmel ħsara kbira għax l-istadji larvali jgħawwru u jieklu fiz-zokk prinċipali u jistgħu jikkawżaw il-mewt tal-palma. Għaldaqstant, il-larvae ma jidhrux u lanqas is-sintomi tal-ħsara li tkun qiegħda ssir. Is-sintomi jibdew jidhru meta l-marda tkun diġà qiegħda fi stat avvanzat. Dan l-insett kapaċi jeqred siġra tal-palm fi ftit xhur. Id-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti kien jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa anke qabel feġġ l-ewwel każ. Fil-fatt, id-Dipartiment fassal pjan ta' kontingenza u miżuri ta’ emergenza ta' kif wieħed għandu jikkontrolla jew inaqqas it-tifrix ta' din il-marda. L-ispettorat fi ħdan id-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti hu dejjem f’kuntatt ma' spettorati oħrajn fejn hemm din il-marda biex jindaga dwar is-sitwazzjoni tal-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm. Id-Dipartiment organizza wkoll tliet seminars għall-pubbliku ġenerali u għall-Kunsilli Lokali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex u fisser il-miżuri li wieħed għandu jieħu. Dawn kienu spjegati wkoll waqt konferenza stampa li saret fuq is-suġġett nhar it-28 ta’ Novembru 2007. Wieħed jista' jsib bosta informazzjoni fuq dan l-insett fil-website tad-Dipartiment (www.planthealth@gov.mt). Ir-rimedji li qegħdin jittieħdu jinkludu trattament ta’ bexx kemm preventiv kif ukoll fuq siġar diġà attakkati. S’issa m’hemm l-ebda pjan li jingħata kumpens għat-tibdil ta’ dawn is-siġar. Madankollu, id-Dipartiment qiegħed jagħti għajnuna finanzjarja biex siġar infettati gravament jew inkella mejtin jiġu maħruqa. Id-Dipartiment qiegħed ukoll jagħti servizz kontinwu ta’ informazzjoni u pariri. Ta' min jgħid ukoll li l-Ministeru appunta numru ta' persuni biex flimkien jistħarrġu u jistudjaw l-impatt tal-bumunqar aħmar tal-palm fuq dawn is-siġar kif ukoll biex iħejju pjan ta' azzjoni u jaraw x'rimedji oħrajn jistgħu jittieħdu biex tixxejjen kemm jista' jkun il-firxa ta' dan l-insett fis-siġar tal-palm f'Malta.

Sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-sajjieda full time li ilhom snin jaqilgħu l-għixien tagħhom billi jistadu bl-apparat tal-arja u l-harpoon ġew mwaqqfin milli jagħmlu dan ix-xogħol li huwa l-mezz ewlieni tal-għixien tagħhom? X'kienu r-raġunijiet li ġegħlu l-MEPA joħroġ avviż S2 425.01? Ma jistgħux almenu joħorġu liċenzji għal dawn is-sajjieda biex ikunu jistgħu ikomplu bix-xogħol tagħhom kif għandhom sajjieda oħra li jkollhom liċenzji apposta għat-tip ta ħut partikolari li jistadu għalih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-regolament imsemmi (425.01) jirregola l-attivitá tas-sajd u jaqa' taħt l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Management tas-Sajd. Dan ir-regolament ġie ppublikat għall-ewwel darba fl-1934 u emendat kemm-il darba. Ir-Regolament ta' l-UE 1967/06, li huwa amministrat mill-Veterinary Affairs and Fisheries Division, jipprojbixxi l-użu ta' spear guns flimkien ma' apparat tan-nifs jew aqualungs, kif ukoll jipprojbixxi l-użu ta' l-ispear guns bil-lejl minn inżul ix-xemx sas-sebħ. Din il-projbizzjoni ta’ sajd bil-harpoon u l-arja ġiet inkluża fir-Regolament ta’ UE 1967/06 ippubblikat f’Novembru 2006 għaliex dan it-tip ta’ sajd kien sforz kbir fuq is-sikek kollha madwar il-kosta fil-Mediterran kollu. Din il-projbizzjoni hija att ta’ konservazzjoni.

Postijiet residenzjali vojta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn djar jew postijiet residenzjali vojta fil-harbour area illum u ġo liema lokalita' huma?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Liġi tal-Health and Safety

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29218 u jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul l-2007 saru diversi risk assessments f'siti taħt il-kontroll tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Dawn ir-risk assessments saru ġewwa l-Għammieri, il-Mixtla ta’ San Vinċenz de Paule, fil-ġonna privati ta’ San Anton, Tumbrell Reservoir limiti tax-Xgħajra - Ħaż Żabbar, San Anard limiti ta' Ħaż Żabbar, Bidni Reservoir lmitit ta' Ħaż Żabbar, Ħabel l-Abjad Reservoir limiti taż-Żejtun, Tas-Silġ Reservoir limiti taż-Żejtun u l-Pitkali f'Ta' Qali. B'konsegwenza ta' dan qegħdin jittieħdu passi ħalli fejn hemm il-ħtieġa jkunu rranġati u mtejba l-kundizzjonijiet li fihom jaħdmu l-ħaddiema. Il-kumpanija WasteServ Malta Limited ippreparat risk assessments għall-faċilitajiet kollha li topera, anke dawk li fihom jaħdmu anqas minn 10 impjegati, eż. ċentri għal skart goff (civic amenity sites) fejn jaħdmu massimu ta’ tliet ħaddiema. Il-faċilitajiet / postijiet li għalihom risk assessments huma disponibbli huma dawn li ġejjin: - Uffiċini - Ċentri għal skart goff fil-Magħtab, l-Imrieħel u Ħal Far - Temporary Sorting and Storage Facility , Marsa - Għallis non-hazardous waste landfill - Ta’ Żwejra non-hazardous waste landfill - Thermal Treatment Facility, Marsa Il-proġetti fl-impjant ta’ Sant'Antnin u l-miżbla l-qadima tal-Magħtab qed isiru minn kuntratturi u l-impjegati tal-WasteServ mhux involuti fix-xogħlijiet. Għalhekk, ir-risk assessments saru mill-kuntratturi rispettivi. Fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sar Risk Assessment f'żewġ dipartimenti fil-Corporate Services Directorate, i.e. is-Support Services Section u l-Land Survey Unit. Huwa ppjanat li l-eżerċizzju jkompli fid-dipartimenti u d-Direttorati kollha ta' l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Kordin — Football ground

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28962 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Industrija, Investiment u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid xi pjanijiet hemm għall-ground tal-football magħruf bħala s-C ground ġewwa Kordin li jidher li huwa mmarkat għal żvilupp industrijal? Jista' jiġi kkunsidrat li dan il-ground jibqa' jintuża għal skop ta' sport u jigi wkoll mogħti, bil-proċedura parlamentari tas-soltu, lit-tim tal-football li qed jagħmel użu minnu fil-preżent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-C ground f'Kordin, li jinsab faċċata tat-tennis courts, huwa kopert bil-policy GI10 tal-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir li tipproteġi dan is-sit għal użu ta' sport sakemm ma jkunx hemm il-ħtieġa għal aktar art għal użu industrijali. Peress li l-ground qiegħed fil-qalba ta' żona industrijali u hemm faċilitatjiet sportivi oħrajn f'Kordin li ġew imħarsa minn żvilupp alternattiv, il-policy qed tippermetti li dan is-sit jiġi żviluppat għall-industrija.

Sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għadha ma ġietx trattata wara dan iż-żmien kollu? Jista' jindaga u jara x'inhi r-raġuni li dan il-file partikolari huwa ndikat bħala mitluf? Jekk jirriżulta li fil-fatt dan il-file ġie mitluf, jista' jgħid x'rimedju se jingħata lill-applikant li kien jissodisfa l-kriterji biex jieħu l-għajnuna u sal-lum għadu ma rċeva xejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dwar din l-applikazzjoni għajnuniet taħt il-Loans and Grants Commission mhux permissibbli u qegħda tiġi kkunsidrata għajnuna oħra 'state aid' li hi konformi mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea. Mhuwiex minnu li l-fajl mitluf, u rrid inżid li taħt il-Pre-accession Aid Programm l-applikant irċieva b'kollox Lm5,000 fl-Lulju 2004.

Fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn se jinġiebu l-fondi li l-MEPA se tagħti lill-Awtorita' tat-Trasport dwar l-inizjattiva li ġiet imħabbra għal żmien il-Milied dwar l-użu tat-trasport pubbliku? Jista' jgħid minn liema fond se tingħata din l-għotja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fondi li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) se tagħi lill-Awtorità għat-Trasport għall-inizjattiva pożittiva li tħabbret għal żmien il-Milied dwar l-użu tat-trasport pubbliku ser jitħallsu mill-Commuted Parking Payment Scheme.

L-Ibraġġ — Wied Għomor

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu biex jinżamm aħjar Wied Għomor, 'l isfel mil-lukanda Halland ta’ l-Ibraġġ, aktar u aktar billi xhur ilu r-residenti kienu ġew infurmati minn uffiċjal ta' l-afforestation department wara spezzjoni on site li sa tmiem Ottubru li għadda l-wied kellu jigi mnaddaf u miżmum kif suppost, bi tħawwil xieraq ta’ siġar ġodda kif ukoll li jitneħħew madwar 18-il retaining rubble wall? Ħarsa lejn dan il-wied minn Triq il-Franċiż, l-Ibraġġ mill-ewwel turi l-istat ta’ telqa li jinsab fih.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-wied imsemmi kien tnaddaf mill-iskart. Rigward ir-retaining rubble walls, ma jagħmilx sens li dawn jitneħħew għaliex dawn qegħdin iżommu l-art u l-ħamrija mtarrġa. Anzi huwa maħsub li jiġu rranġati xi ħitan li waqgħu u jitħawwlu aktar siġar.

Bini ta' skejjel ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-bini ta' skejjel ġodda u għall-bini ta' estensjoni fl-iskejjel? F'kull każ jista' jgħid liema huma l-iskejjel konċernati u meta saret kull applikazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Skond is-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtoritá ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtoritá għandha quddiemha sbatax-il applikazzjoni validata għall-bini ta' skejjel ġodda u għall-bini ta' estensjoni fl-iskejjel. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta' dawn l-applikazzjonijiet bid-dettalji mitluba. It-tfittxija fis-sistema ta' l-informatika saret fuq applikazzjonijiet li għandhom xi waħda minn dawn il-kliem fil-proposta: school, skola, skejjel, jew classroom.

Tisbiħ ta' l-ambjent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata lill-iskejjel biex isebbħu l-ambjent fl-iskejjel ta' l-istat? L-istess għajnuna tingħata lill-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi jgħin lill-iskejjel "kollha" bi proġetti billi jipprovdi finanzi biex it-tfal jieħdu inizjattivi personali pro-attivi favur l-ambjent, e.g. "Ekoskola" li issa tiġbor fiha mas-60 skola; "34U" (Tree for You) tqassam siġar biex jitħawlu fil-ġonna ta' l-iskejjel; u "YRE" (Young Reporters for the Environment) li għadha kif bdiet u tiġbor fiha 9 skejjel. It-34U torganizza ukoll programmi edukattivi (tours) f'Ta' Qali u tqassam posters u materjal ieħor favur l-ambjent. L-iskejjel jiġu wkoll mistiedna jieħdu sehem fid-diversi attivitajiet ta' tħawwil ta' siġar bħalma kien hemm riċenti fil-Mellieħa u fi Xrobb l-Għaġin, fost l-oħrajn.

Sheds tal-patata

Question

Billi l-operaturi tax-sheds tal-patata ingħataw x'jifhmu li se jitneħħew minn qrib is-sit ġdid ta' l-Ambaxxata Amerikana, jista' l-Ministru jgħid fejn se jiġu located?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-grading station tal-patata se tiġi rilokata fuq sit biswit il-Pitkalija f’Ta’ Qali. L-operaturi jafu din l-informazzjoni għax ġew informati diġà.

Rapport ta' l-UE

Question

Fid-dawl tar-rapport tal-UE li l-arja f'Hal Lija u l-Iklin hija għolja f'dak li hu particulate matter minħabba fabbrika tal-ġebel/tal-konkos fil-viċin, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan ta' azzjoni li beħsiebu jimxi fuqu l-gvern fid-dawl ta' dan ir-rapport?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma rċeviet l-ebda rapport mingħand il-Kummissjoni dwar Livelli tat-Tniġġiż dwar eċċessi tal-limiti stipulati fid-Direttiva tal-Kwalita` ta` l-Arja f'Ħal Lija. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħda tivverifika mal-Kummissjoni rapporti li dehru fil-media lokali. Ittieħdet ukoll azzjoni ta' infurzar minħabba ħażna ta' materjal tal-kostruzzjoni li qiegħed ikun ta' detriment għall-ambjent tal-madwar. Dan il-materjal issa qiegħed jitneħħa. Fil-kors ta' l-applikazzjoni għall-estensjoni tal-fabbrika eżistenti, l-applikant qiegħed jintalab jissottometti pjan biex jitnaqqas l-inkonvenjent ta' trab u ħsejjes.

Postijiet projibiti għas-sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu l-passi biex jiġu ntrodotti żoni li fihom ma jistax isir sajd fil-postijiet f'Malta u f'Għawdex fejn hemm vapuri mgħarrqa għall-għaddasa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Mariners Notice qegħda fi stat avvanzat għall-pubblikazzjoni.

Football nursery

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żvilupp ser isir fejn il-football nurserytal-Marsa? Jista' joffri post alternattiv għall-warming up minflok il-post meħud?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 898/07 mill-Kunsill Lokali tal-Marsa hija intiża biex jitqiegħed paviment ġdid u jitħawwlu siġar ħalli tissebbaħ din l-area maġenb il-grawnd tal-futbol, skond policies GE02, GE03 u GM12 tal-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir. Permess għall-iżvilupp inħareġ mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fis-6 ta' Lulju 2007.