Legislature:
Category:
Reset
Active:

CSA

Question

Jista' l-Ministru jara li l-koppja li l-partikolaritajiet tagħhom qed jintbagħtu separatament jingħataw is-servizz ta' CSA minħabba l-urġenza tal-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-każ ta' din il-koppja ġie mistħarreġ mill-Bord ta' Allokazzjoni fejn ġie deċiż li m'għandhomx bżonn ta' "home help". 3.5.99

Dipartiment ta' l-Anzjani — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-Aġent Direttur fid-Dipartiment ta' l-Anzjani b'liema awtorita' u skond liema regolamenti jew proċeduri qiegħed inaqqas mis-salarju ta' l-impjegati li jirrapportaw tard għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-prattika li jitnaqqsu l-flus mis-salarju meta mpjegati jirrapportaw tard għax-xogħol toħroġ mir-Regolamenti ta' l-Estacode, Paragrafu 3.1.2.5 u minn ċirkolarijiet li jinħarġu mill-OPM. 3.5.99

Pensjoni — Pensjoni tal-wens

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex ippjanat li l-pensjoni tal-wens tiġi estiża għal nisa miżżewġa, ġuvintur u rġiel miżżewġa li jieħdu ħsieb anzjani fi djarhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Pensjoni tal-Wens titħallas lil persuna li ma tkunx miżżewġa jew persuna armla li tipprova għas-sodisfazzjoni tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li hi tkun qed tieħu ħsieb waħedha fuq bażi "full-time" u regolarment, tal-ġenitur tagħha jew ħuha, oħtha, nannitha, zijha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett li jkun qed jgħix fl-istess dar t'abitazzjoni ta' dik il-persuna u minħabba infermita' jkun kostrett li jgħaddi ħajtu f'sodda jew f'"wheelchair". Il-ġuvintur diġa jikwalifikaw għal din il-pensjoni. Il-ħsieb ewlieni li għalieh nħolqot il-Pensjoni tal-Wens, kien dak li jagħti kumpens lil dawk il-persuni li jew ikunu kostretti li ma jfittxux mpieg, jew jekk diġa għandhom jitilqu mill-impieg biex jieħdu ħsieb persuna oħra. Dan juri biċ-ċar li persuna li tingħata l-Pensjoni tal-Wens trid tkun tista' tieħu ħsieb lill-persuna l-oħra l-ħin kollu u ma jkollhiex doveri oħra x'taqdi. Għaldaqstant m'hemmx ħsieb f'dan l-istadju li jsir tibdil fil-liġi kif qed tindika l-Onor. Interpellant. 3.5.99

Programmi edukattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' programmi edukattivi maħsuba għall-ġenituri fl-oqsma tal-parental skills u f'dak li huwa sharing of domestic responsibilities qed isiru mill-gvern u/jew aġenziji tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'dak li għandu x'jaqsam mall-Ministeru tal-Politika Soċjali: (i) l-Aġenzija Sedqa torganiżża madwar 60 kors fis-sena għal madwar 1,000 ruħ f'dan il-qasam. Il-programm jikkonsisti f'7 laqgħat ta' madwar 90 minuta l-waħda. Matulha, jiġu diskussi suġġetti bħal kif tiżviluppa sens ta' responsabbilta' u dixxiplina, kif ukoll jingħata tagħrif dwar l-alkoħol u drogi oħra; (ii) is-"Social Welfare Development Programme (SWDP)" tmexxi tliet gruppi ta' sapport msejjħa 'Aħna w Uliedna' miftuħin għall-ġenituri li jixtiequ jsaħħu l-ħiliet tagħhom ta' trobbija tat-tfal u komunikazzjoni mall-membri tal-familja. Kull grupp huwa miftuħ u jibqa' għaddej bi programm marbut mall-ħtiġijiet individwali tal-membri tal-grupp. Wieħed mill-gruppi ta' sapport huwa miftuħ għall-klijenti ta' "social workers" kemm tal-SWDP kif ukoll ta' aġenziji u dipartimenti oħra. Iż-żewġ gruppi l-oħra jitmexxew ġewwa Bormla. Il-kontenut tal-laqgħat jinkludi kif u għaliex il-koppja għandha u tista' taqsam ir-responsabbiltajiet domestiċi; (iii) fil-każ tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Familja, dan ma joffrix korsijiet fil-"parental skills", imma fis-servizzi personaliżżati li joffri, jagħti pariri diretti lill-ġenituri fuq l-aħjar metodi ta' trobbija ta' l-ulied skond iċ-ċirkostanzi ta' kull familja li s-"social workers" tad-dipartiment ikollhom x'jaqsam magħhom. Permezz tas-"psychological" u l-"counselling services", id-dipartiment joffri wkoll servizzi personaliżżati ta' "counselling", minn "counsellor" progessjonali, fuq medda ta' tmien ġimgħat konsekuttivi, lil dawk il-ġenituri li jkunu jeħtieġu dawn is-servizzi. Fil-każ partikolari tal-Programm Fejda għall-tfajliet bi problemi ta' mġieba, li qed jitmexxa mid-dipartiment flimkien mat-"Trustees" tal-Istitut Vincenzo Bugeja, tingħata għajnuna lill-ġenituri ta' dawn it-tfajliet waqt il-"case conferences" li jsiru b'mod regolari fuq kull tfajla u li fihom, ħafna drabi, jkunu mistednin jieħdu sehem l-istess ġenituri tagħhom. It-taqsimiet ta' l-"Adoption" u tal-"Fostering" tal-istess dipartiment jorganiżżaw "support groups" darba fix-xahar lill-ġenituri prospettivi u anke wara li tkun saret l-adozzjoni jew il-"fostering". Żewġ suġġetti li jiġu diskussi f'dawn il-gruppi huma il-"parental skills" u "sharing of domestic responsibilities". Dan isir ukoll fit-taħdidiet li jsiru darba kull tliet xhur mill-istess żewġ taqsimiet. It-taqsima socio-legali tad-dipartiment toffri għajnuna lill-ġenituri fuq l-aħjar metodu tat-trobbija ta' l-ulied f'kull każ ta' delinkwenza taż-żagħżagħ li tirċievi kemm mill-qorti tal-minorenni jew mill-Kummissarju tal-Pulizija. 3.5.99

Impjiegi — Nisa li jaħdmu part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel biex iwaqqaf l-isfruttament ta' nisa li jaħdmu part-time b'kondizzjonijiet ta' xogħol mill-agħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tax-Xogħol għandu sezzjoni ta' l-Ispettorat/Infurzar tal-liġijiet tax-Xogħol fejn fiha jilqa' ilmenti dwar kundizzjonijiet tax-xogħol. Kull fejn jinstab jew tiġi rrappurtata xi rregolarita', din tiġi nvestigata mill-Ispetturi tad-Dipartiment bil-għan li dik l-irregolarita' tiġi retifikata. Id-Dipartiment jinvestiga kull ilment, sew jekk jikkonċerna każ ta' 'full-timer' u sew ta' 'part-timer', nisa jew irġiel. Nagħmel referenza wkoll għall-A.L. 61 ta' 1996 dwar benefiċċji li jingħataw lil ħaddiema 'part-time' jekk dawn jaħdmu għal mhux inqas minn 20 siegħa fil-ġimgħa. 3.5.99

Child Day Care Centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern dwar it-twaqqif ta' Child Day Care Centres u/jew sistemi oħra ta' appoġġ fil-kura tat-tfal waqt il-ħin tax-xogħol għan-nisa li jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru li tlabt lill-"Management Efficiency Unit" ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex tħejji "post-implementation audit" taċ-"Child Day Care Centre" li kien infetaħ fil-Kalkara. Dan l-istadju għandu jieħu in konsiderazzjoni l-esperjenzi ta' Ċentri oħra simili fis-settur pubbliku. Fl-isfond tar-riżultat ta' dan l-istadju kif ukoll a bażi ta' konsiderazzjonijiet oħra, il-Gvern imbagħad irid jiddetermina x'għandha tkun l-aħjar "policy" f'dan il-qasam. 3.5.99

Liġi tac-CERA

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jressaq reviżjoni għal-liġi tac-CERA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku (MCED) ħatar sotto-kumitat sabiex jagħmel proposti lill-Gvern dwar tibdiliet li għandhom isiru fil-ligi taċ-ĊERA. Jidhirli li jkun xieraq jekk nistenna għal żmien raġonevoli sakemm dawn il-proposti jintbagħtu lill-Gvern. 3.5.99

Bormla — Proġett tad-djar tax-xjuħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar l-ammont ta' overtime approvat sal-lum mid-direttur tad-dipartiment ta' l-anzjani fuq il-proġett tad-djar tax-xjuħ f'Bormla? Min qiegħed jibbenefika minn dan l-overtime?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fuq il-proġett tad-djar tal-Anzjani f'Bormla ġiet approvata s-somma ta' Lm4,849 għall-perjodu minn Ġunju 1996 sa Marzu 1999. Il-persuni li ħadmu din is-sahra kienu dawn: 1 Architect & Civil Engineer 1 Technical Officer 1 Works Technical Officer 1 Principal Technical Officer 1 General Hand 1 Health Attendant 1 A.W.T.S. 3.5.99

Djar — Appartamenti b'kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ħafna persuni li għandhom appartament bil-kera tal-gvern f'dawn l-aħħar ġranet irċevew ittra li nfurmathom li l-kera kienet se tiżdied f'xi każi anke b'erbgħa darbiet aktar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li x-xogħol dwar ir-reviżjoni tal-kera kien tlesta qabel l-elezzjoni ġenerali tal-5 ta' Settembru, 1998, iżda l-inkwilini ma ġewx infurmati bir-reviżjoni. Wara l-elezzjoni ġenerali ħarġu ittri mid-dipartiment biex kulħadd ikun infurmat bir-reviżjoni li saret. 3.5.99

Rabat — Xiri ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba għal xiri ta' proprjeta' tal-gvern fir-Rabat (AD290)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-riferenza imsemmija AD 290 hija l-'code' tal-formola. L-Onor. Interpellant hu mitlub li jagħti r-riferenza tal-'file' jew l-isem u l-indirizz tal-persuna konċernata jew Numru tal-Karta ta' l-Identita' ħalli l-Awtorita' tad-Djar tkun tista tagħti l-informazzjoni mitluba. 3.5.99

Sistema tal-Welfare

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jkunu t-terms of reference tal-kummissjoni li se titwaqqaf rigward il-pjanijiet li għandu l-gvern biex jirrivedu s-sistema tal-welfare f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-'Terms of Reference' tal-Kummissjoni li ser titwaqqaf rigward il-pjanijiet li għandu l-Gvern biex jirrevedi s-sistema tal-Welfare f'pajjiżna skond kif ġie diskuss fil-laqgħa tal-Kabinett ta' April 1999. 3.5.99

Pensjoni — Pensjoni tas-Servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern rigward il-pensjonijiet tas-servizzi hekk kif kienu ġew riveduti taħt amministrazzjoni preċedenti Laburista?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-affarijiet iridu jsiru bis-serjeta u għalhekk il-Gvern issa approva t-'terms of reference' tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar ir-riforma tal-'Welfare' f'pajjiżna sabiex din tkun tista' tindirizza, fost ħwejjeġ oħra, din il-problema. Kif diġa' tħabbar, iċ-'Chairperson' ta' din il-Kummissjoni diġa' ġie identifikat. It-'terms of reference' ta' din il-Kummissjoni ngħataw fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 6277. 3.5.99

Djar — Bdil ta' fond ma' ieħor

Question

Minħabba fl-umdita' li għandha l-persuna, li l-isem u d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tista' tiġi kkonsidrata għall-fond vakanti ta' l-istess daqs fl-istess housing estate, kif indikat minnha stess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-post alternattiv indikat kien ġia ġie allokat fit-23 ta' Marzu 1999. L-applikazzjoni tal-persuna msemmija kienet saret fid-19 ta' April 1999. 3.5.99

Djar — File Nru.H010616

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-file H010616 peress li d-dar ta' l-applikant hija kkundannata u dalwaqt se jaqgħu partijiet minnha, bħalma diġa' ġara u l-applikanta qed torqod taħt it-taraġ bil-biża'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi ikkunsidrata flimkien ma' l-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 3.5.99

Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm: (a) Impjegati b'diżabilita' reġistrati skond l-Att ta' l-impjiegi b'diżabilita' ta' l-1969; (b) Impjegati oħra li għandhom diżabilita', ma' kull ministeru, dipartimenti, korpi parastatali, kummissjonijiet, korporazzjonijiet, banek, awtoritajiet, aġenziji, programmi eċċ fejn il-gvern għandu maġġoranza ta' l-ishma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 3.5.99

Djar — Applikazzjoni Nru. HAN 92/98

Question

Jista' l-Ministru jara fiex waslet l-applikazzjoni għal sussidju quddiem l-Awtorita' tad-Djar bin-numru HAN 92/98, peress li jidher li kien hemm xi nuqqas ta' ftehim?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Deċiżjoni finali dwar din l-applikazzjoni ser tiġi komunikata lill-applikant fi ftit tal-ġranet oħra. 3.5.99

Djar — Xiri ta' djar mill-inkwilini

Question

Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li jsir xi ħaġa sabiex dawk il-persuni li għandhom post tal-gvern mibni fuq art akkwistata b'possession and use ikunu jistgħu jsiru sidien ta' darhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-art li qegħda fil-pussss tal-Gvern taħt it-titolu ta' 'Possession & Use' hija amministrata mill-'Lands Department', il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministru responsabbli minn dak id-Dipartiment. 3.5.99

INIA — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min huwa d-direttur preżenti ta' l-Istitut Internazzjonali ta' l-Anzjani? X'inhu s-salarju tiegħu? Meta beda fl-inkarigu tiegħu? X'inhuma l-kwalifiki li għandu d-direttur u kif dawn jirrelataw mal-qasam ta' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Direttur preżenti ta' l-Istitut Internazzjonali ta' l-Anzjani (INIA) huwa l-Professur A.H.B. de Bono. Din il-ħatra saret mill-Gvern Malti għal perjodu ta' tliet snin wara konsultazzjoni mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, kif provdut f'Artiklu V, Paragrafu 1, tal-Ftehim relevanti, u hija b'effett mill-21 t'April, 1998. Jien infurmat li d-Direttur għandu dawn il-kwalifiki: M.D.(Malta), M.A.(Oxon.), F.R.C.S.(Edinburgh). Is-salarju tad-Direttur huwa stabbilit fl-ittra tal-ħatra tiegħu bħala Lm8,791 fis-sena. 28.4.99