Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali li kellhom karozza mikrija/leased fil-Ministeru, dekasteru jew enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum u kemm hi r-rata li biha tinkera/leased il-karozza kull ġurnata? Jista' jgħid x'ċilindrata għandha l-karozza f'kull każ separtament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba
Jista' l-Ministru jgħid, jekk ġewx mikrija/leased karozzi għal użu tiegħu bħala Ministru minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, x'tip ta' karozza inkriet/leased, kemm hi r-rata li biha nkriet/leased il-karozza kull ġurnata u għal kemm żmien?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-perjodu imsemmi ġiet mikrija karozza Mercedes S Class għal disat' itjiem bil-prezz ta' Lm51 kull jum peress li l-karozza tiegħi kienet għat-tiswija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet il-manutenzjoni tal-karozza tiegħu bħala Ministru u s-second car separatament minn Jannar 2007 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manutenzjoni tal-karozza tiegħi, minn Jannar 2007 sa Settembru 2007 swiet Lm1185.94 u dik tas-second car swiet Lm23.60 fuq l-istess perjodu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda għall-użu minn uffiċjal jew għal użu ġenerali fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, għal min kienu jew għal liema skop, x'tip ta' karozza, l-prezz u x'ċilindrata huma?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jara li jitneħħa l-wire perikoluż li minnu ħareġ in-nar u liema wire jinstab ħdejn dar ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret jirriżulta li hemm bżonn jinbidlu il-linji b'oħrajn ġodda. Ix-xogħol meħtieġ għandu jsir flimkien ma xogħolijiet oħra simili fil-futur qarib.
Dwar ix-xogħlijiet tal-WSC li ilhom għaddejjin diversi xhur f'San Gwann, jista' l-Ministru jgħid min kienu l-kuntratturi nvoluti, jekk sarx xi sub contracting min-naħa tagħhom u jekk kienx hemm min ma tax is-servizz kif u meta mitlub mill-korporazzjoni? X'passi ttieħdu ta' penali eċċ. mill-korporazzjoni jekk dan irriżulta li kien il-każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kuntratturi li tqabbdu mill-KSI fuq ix-xogħol ta' bdil tal-mains ta' l-ilma f'San Ġwann huma GA Services Ltd. li kellhom bħala "Sub-Contractor" lil Farcut Ltd.
Għal madwar 3 ġimgħat GA Services waqfu jaħdmu fuq il-proġett u konsegwenza t'hekk, il-Korporazzjoni żammetilhom il-"performance bond". Din ingħatat lura biss wara li żewġ partijiet qablu u ftehmu dwar programm ġdid għal proġett. Il-kuntratturi qed iżommu ma dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux marbut li jibda jintaxxa l-familji minħabba t-tħaddim ta' l-impjant f'Għawdex għat-tisfija tad-drenaġġ kif miftiehem fil-Project Fiche dwar dan l-impjant? Jekk fl-affermattiv kemm se tkun it-tariffa u meta se tibda titħallas?
Response (GATT, AUSTIN)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-uniku Gvern Malti li qatt ried jintaxxa lill-poplu fuq id-drenaġġ kien il-Gvern li kien jifforma part minnu hu stess.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tħaddim għall-ewwel ħames snin ta' l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f'Għawdex kienx jifforma parti integrali mill-offerta oriġinali għall-bini tal-istess impjant? Jista' jekk jogħġbu qiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-dokument ta' l-offerta li kienet ħarġet u li fuqha l-konsorzju li bena l-impjant ngħata wkoll t-tħaddim tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-tħaddim għall-ewwel ħames snin ta’ l-Impjant f’Għawdex jifforma parti ntegrali mill-offerta oriġinali għal bini ta’ l-istess impjant.
Rigward it-talba tiegħu għall-kopja tad-Dokument ta’ l-Offerta li ħareġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi t-talba tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29468 u jgħid kemm huma s-salarji ta' dawn il-gradi li jaħdmu fil-Malta Air Traffic Services Limited:
Manager External Relations
Manager Finance & Administration
Manager Operations
Manager Technical Services
Executive ACC Airspace & Systems
Executive Admin. Operations
Executive Corporate Training
Executive Technical Services
Aerodrome Coordinator
Training Coordinator
AISU Coordinator
Safety Coordinator?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29460 u jinvestiga l-ilment tar-residenti mill-Imsida, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, dwar overflowing jew seepage ta' drenaġġ fil-bitħa tagħhom minn Triq Ċensu Farrugia, Msida li qed joħloq inkonvenjent kbir għalihom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29240 u jara li jitneħħew wires tad-dawl li huma perikolużi f'125, Dockyard Street, Raħal Ġdid u dawn xorta jridu jitneħħew għax irid isir xi żvilupp?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret ma jirriżultax li hemm ebda perikolu. Jekk ser jsir xi żvillup fl-inħawi hemm bżonn li l-iżviluppatur jimla applikazzjoni (formula D) biex jkun jista isir ix-xogħol meħtieg
Wara d-diversi xogħlijiet li saru u li għad iridu jsiru mill-WSC f'San Gwann jista' l-Ministru jgħid meta mistennija jitlestew x-xogħlijiet kollha? Meta mistenni jitlesta l-asfaltar tat-triqat li nifhem li nbdew f'ċerti partijiet l-bieraħ għaliex dawn qed ixekklu ħidma oħra fil-lokal? Dawn x-xogħlijiet meta nbdew? Tista' tingħata priorita' lix-xogħlijiet f'Naxxar Road minħabba l-problemi u l-inkonvenjent li qed jinħoloq minħabba dan fl-area?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħolijiet tal-bdil tal-mains ta’ l-ilma f’San Gwann, li qed isemmi l-Onor Interpellant huma ppjanati li jitlestew sa l-20 ta’ Jannar. Dan ix-xogħol jinkludi l-asfaltar tat-toroq imsemmija.
Il-proġett inbeda f’April 2007. Ix-xogħolijiet f’Naxxar Road issa tlestew.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28903, 28955, 29115 u 29225 u jgħid jekk l-Enemalta għamlitx hedging agreement għax-xiri taż-żejt li jkopri s-sena l-oħra, din is-sena u s-sena d-dieħla? Jekk iva, kemm jivvaluta li kien f'miljuni ta' liri dak li ffrankat l-Enemalta fuq il-prezz taż-żejt kif inhu llum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta daħlet f'diversi Hedging Agreements dawn l-aħħar sentejn kif ukoll għas-sena kurrenti.
Minħabba li l-prezz taż-żejt jitbiddel kuljum, biex jagħmel il-kalkolu rikjest mill-Onor. Interpellant wieħed ikun irid jistenna l-għeluq tal-perjodu kollu biex ikollu l-parametri kollha tal-kalkolu.
Nippreċiża wkoll, kif għamilt diversi drabi f'dan il-Parlament, li dawn it-tip ta' strumenti finanzjarji huma aktar intiżi biex jiffissaw prezz f'suq volatili milli intenzjonati biex jiffrankaw il-flus għax fil-fatt wieħed jista' jitlef il-flus ukoll iżda jkun xtara "insurance" ta' prezz stabbli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-triq li kellha tinbena biex tagħti aċċess għall-impjant għat-trattament tad-drenaġġ hijiex lesta minn kollox? Jekk le, x'jonqos isir?
Jista' jgħid jekk is-servizzi kollha bħalma huma provvista ta' elettriku u sistema ta' back-up ta' elettriku, provvista ta' ilma, telekomunikazzjonijiet u s-sistema tad-drenaġġ humiex kollha lesti minn kollox? Jekk le, x'jonqos isir?
Jista' jgħid jekk l-apparat u l-makkinarju hux diġa' installat kollu u jekk le, x'jonqos jiġi nstallat?
Jista' jgħid jekk it-tankijiet tlestewx kollha?
Jista' jgħid jekk ġiex deċiż x'se jsir bl-ilma trattat?
X'jonqos isir iktar?
Meta huwa mistenni li jibda jaħdem l-impjant?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħidli x'inhu l-ammont totali ta' fondi Ewropej li l-gvern irċieva s'issa fuq il-proġett għat-tisfija tad-drenaġġ f'Għawdex?
X'inhu l-valur totali ta' l-applikazzjonijiet għal ħlasijiet (payment applications) li ntbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea sat-30 ta' Settembru 2007 u li l-Gvern għadu ma rċeviex il-flus tagħhom mill-kummissjoni?
Jista' jgħid jekk hemmx issues pendenti mal-Kummissjoni Ewropea fuq dan il-proġett u jekk fl-affermattiv x'inhuma l-issues?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-gvern irċieva is-somma ta’ Ewro 3,097,364.81 għall-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f'Għawdex.
Din il-figura hija ekwivalenti għall-applikazzjonijiet kollha li ntbaghtu għal-ħlas sat-30 ta’ Settembru 2007. B’hekk il-flus li il-gvern applika għalihom rċeviehom kollha.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma mhiex infurmata li hemm issues pendenti mal-Kummissjoni Ewropea fuq dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f'kontijiet ta' mobile phones fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum separatament u xahar b'xahar?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq prepaid top up mobile cards fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum separatament u xahar b'xahar?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 28578, 28766, 28939, 29012 u 29123 u jgħid x'inhu d-dħul ta' l-Enemalta għas-sena 2006? Jista' jgħid x'kienet l-ispiża totali għall-Enemalta għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-elettriku għas-sena 2006?
Response (GATT, AUSTIN)
Id-dħul ta l-Enemalta mid-distribuzzjoni ta' l-elettriku għas-sena finanzjarja 2005/6, skond l-accounts mhux awditjati, huwa stimat li kien ta' Euro 206 miljun. Dan id-dħul ma jinkludiex sussidji tal-gvern u dħul ieħor anċillari li daħħlet il-Korporazzjoni. Jekk wieħed jikkunsidra d-dħul totali għal Enemalta inkluż sussidji u dħul anċillari ieħor, dan jiżdied b'Euro 51.9 miljun oħra għal Euro 257.6 miljun.
L-ispiża totali għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-elettriku għas-sena finanzjarja 2005/6, skond l-accounts mhux awditjati, hija stimata li laħqet Euro 264.6 miljun.
Jista' l-Ministru jgħidli:
x'inhu l-valur totali tal-varjazzjoni mitluba lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mill-Kumpanija Degremont Spa u mill-Kumpanija C & F Building Contractors Ltd in solidum/rispettivament fuq il-proġett għat-tisfija għad-drenaġġ f'Għawdex;
X'inhuma x-xogħlijiet jew is-servizzi li dwarhom intalbu dawn il-varjazzjonijiet u kemm hija l-istima ta' kull item ta' dawn is-servizzi u xogħlijiet;
X'inhu l-valur totali tal-varjazzjoni li ġew deċiżi s'issa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u x'inhuma l-items rispettivi;
X'inhu l-valur totali tal-varjazzjoni li ġew aċċettati s'issa u għal liema items;
X'inhu l-valur totali tal-varjazzjoni li ma ġewx aċċettati s'issa u għal liema items;
X'inhu l-valur totali tal-varjazzjoni li għadhom ma ġewx deċiżi s'issa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u x'inhuma l-items rispettivi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ilma li qed jiġi ġġenerat mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex hux tajjeb għat-tisqija u għal applikazzjonijiet magħżula ta' ri-użu industrijali u kummerċjali kif il-Gvern intrabat li jkun fil-kuntratt li għamel mal-Kummissjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv meta se jibda isir użu minnu għal dawn l-iskopjiet? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux marbut li l-ilma irid jinbiegħ u mhux jingħata b'xejn lill-bdiewa u lill-industrija kif jingħad fil-Project Fiche miftiehem bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-proġett? Jekk inhu marbut li l-ilma jinbiegħ, kemm se jkun il-prezz ta' l-ilma għall-bdiewa u l-industrija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.