Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — Staff – reduced hours u teleworking

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm staff li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li qed jaħdmu b’reduced hours jew għandhom faċilitajiet ta’ teleworking?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tingabar.

MCCAA – ittri mill-MFSA dwar il-prattika tal-bank charges u tal-interessi

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittri li ntbagħtu lill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kif ukoll lill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji sabiex tiġi mistħarrġa il-prattika tal-bank charges u tal-interessi għall-kumpaniji li għamlet referenza għalihom fil-budget speech f’Novembru 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur — ilmenti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30596, fejn il-Ministru ġiet mistoqsija kemm irċieva ilmenti l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur għas-sena 2016, kemm minn dawn ġew solvuti u x’kien l-ammont ta’ kumpens li ħadu l-konsumaturi wara l-intervent tal-imsemmi Uffiċċju, tista’ l-Ministru tipprovdi l-istess informazzjoni għal meta twaqqfet l-Awtorità, sal-aħħar tas-sena 2015?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul il-perjodu bejn is-sena 2011 u 2015, fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur solva dawn l-ilmenti: 2011 2012 2013 2014 2015 Solvuti 429 743 667 682 605 F’dan il-kaz ma nistgħux nikkwantifikaw l-ammont ta’ flus għaliex ir-remidji f’ħafna mill-kazi ma jkunx monetarju, imma jew jinbidel l-oġġett jew jiġi rranġat.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – investigazzjoni ta’ każijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30489, tista’ l-Ministru tindika wkoll il-ġurnata u x-xahar ta’ meta nfetħu l-investigazzjonijiet imsemmija mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – deċiżjonijiet dwar konċentrazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30594, tista’ l-Ministru, għal kull każ elenkat tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni użax is-simplified procedure biex ħareġ dawn id-deċiżjonijiet? Tista’ tgħid kemm kienu ċ-ċirkostanzi fejn l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma approvax konċentrazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fl-24 każ l-Uffiċċju uża is-simplified procedure. Ma kien hemm l-ebda każ fejn l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma pprovax xi konċentrazzjoni.

MCCAA u Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – stqarrijiet fuq kumpanija

Question

B’referenza għall-każ tal-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament , tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istqarrijiet li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur għamlu fil-ġurnali lokali bejn Awwissu 2013 u Frar 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Fiż-żmien imsemmi f’din il-Mistoqsija Parlamentari, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ħareġ żewġ stqarrijiet dwar il-kumpanija msemmija, li ġew ippubblikati fuq is-Sunday Times of Malta nhar il-15 ta’ Settembru 2013 u nhar it-23 ta Frar 2014. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn l-istqarrijiet hekk kif ġew ippubblikati fil-ġurnal.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali — deċiżjonijiet tal-Qrati kostituzzjonali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30630 fejn staqsejt dwar il-liġijiet li għandhom jiġu emendati wara d-deċiżjonijiet tal-Qrati Kostituzzjonali ta’ April 2015 u Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), tista’ l-Ministru twieġeb ukoll għal dik il-parti tal-mistoqsija fejn staqsejt meta se jiġi ppubblikat l-abbozz ta’ liġi f’dan ir-rigward, issa li għaddew 10 xhur mill-aħħar deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31610 fejn ġie spjegat li l-proposti legislattivi jitressqu fil-parlament kif ikunu finalizzati.

Għawdex – Uffiċċju tal-Konsumatur — ilmenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm ilmenti li daħlu fl-uffiċċju tal-Konsumatur f'Għawdex matul is-sena 2016? Minn dawn l-ilmenti li daħlu f'Għawdex matul is-sena 2016 tista' l-Ministru tgħid kemm l-uffiċċju t'Għawdex irnexxielu jasal għal ftehim bejn konsumatur u negozjant wara medjazzjoni? Tista' tgħid kemm kien hemm ilmenti li daħlu fl-uffiċċju tal-Konsumatur f'Għawdex matul l-ewwel xahrejn tas-sena 2017? Minn dawn l-ilmenti li daħlu f'Għawdex matul l-ewwel xahrejn tas-sena 2017 tista' l-Ministru tgħid ukoll kemm l-uffiċċju t'Għawdex irnexxielu jasal għal ftehim bejn konsumatur u negozjant wara medjazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-2016 ġew irreġstrati 69 kaz fl-Uffiċċju ta’Għadex. Peress li ġew allokati ilmenti oħra minn Malta dan l-Uffiċċju wassal għal ftehim amikevoli bejn il-konsumatur u n-negozjant 107 kazijiet. Matul l-ewwel xahrejn tas-sena 2017 daħlu 10 ilmenti. L-ebda ilmenti ma kien allokat lill-Uffiċċju ta’ Għawdex.

Kumpanija — ħlas lill-impjegati

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga permezz ta' dipartimenti rispettivi għaliex ħaddiema mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li għandhom kuntratt fl-Isptar Mater Dei għandu ħaddiema reġistrati bħala security parkers, paystation, clampers li jaħdmu barra qed jitħallsu bil-€4.55 kull siegħa filwaqt li s-security tal-istess kumpanija li qed jaħdmu ġewwa fl-Isptar Mater Dei qed jitħallsu bis-€6 kull siegħa?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi bħalissa għaddej bl-investigazzjonijiet fir-rigward dan il-każ.

DIER – rapporti ta’ kwistjonijiet fuq pagi minn impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat tibdil fil-mod kif id-Dipartiment tal-Impiegi u Relazzjonijiet Industrijali (DIER) jieħu azzjoni meta jkollu rapporti ta’ kwistjonijiet fuq pagi minn impjegati? Qiegħda tiġi kkunsidrata sistema fejn tinstab soluzzjoni barra l-Qorti?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li preżentement, meta d-Dipartiment ikun qiegħed jinvestiga rapporti ta’ pagi ta’ impjegati mhux imħallsa, u mill-investigazzjoni li jagħmel jirriżulta li ammont ta’ pagi ma jkunux tħallsu, id-Dipartiment jagħmel tentattiv biex il-kwistjoni tiġi solvuta u l-pagi dovuti jitħallsu mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-każ jittieħed il-Qorti. Jekk, minkejja dawn it-tentattivi, il-pagi dovuti jibqgħu ma jitħallsux, allura mbagħad id-Dipartiment jibda proċeduri bil-Qorti.

Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji – reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet volontarji

Question

Tista’ l-Ministru tispjega x’azzjoni qed jieħu l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji biex jindirizza ċ-ċirkustanzi partikulari li qed jiffaċċjaw diversi reliġjonijiet li qed jinbtu u li jixtiequ jirreġistraw bħala organizzazzjoni volontarja? Filwaqt li l-Knisja Kattolika qed tingħata eżenzjoni Ministerjali, dawn il-knejjes l-oħra qed isibuha diffiċli jirreġistraw taħt din il-liġi u jidher li anke taħt dik il-proposta, u għaldaqstant x’qed isir biex ikun hemm aktar konsultazzjoni biex il-bżonnijiet ta’ dawn jiġu indirizzati?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li meta l-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji jkollu applikazzjoni minn organizzazzjoni volontarja biex tirreġistra, il-Kummissarju dejjem jimxi skont l-Att dwar Organizzazzjonijiet Volontarji (Kapitlu 492 tal-liġijiet ta’ Malta) u sakemm l-organizzazzjoni applikanta tissodisfa l-kriterji kollha sabiex tkun reġistrabbli skont il-liġi, hu obbligat li jaċċetta l-applikazzjoni kif fil-fatt jagħmel. Dan japplika għal dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li għandhom bħala għan tagħhom, l-avvanz tar-reliġjon. Kif jindika r-reġistru tal-organizzazzjonijiet volontarji tal-Kummissarju, hemm iskritti organizzazzjonijiet volontarji ta’ diversi fehmiet reliġjużi.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — każijiet ta' inġustizzja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il każ ta’ inġustizzja ġie ttrattat, solvut, investigat u deċiż minn xi entità li taqa’ taħtha minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, tista’ l-Ministru tgħid minn min kien magħmul il-Bord jew entità li trattat tali każijiet ta’ inġustizzja? Tista’ telenka (mingħajr ismijiet) l-ammont ta’ flus ordnati li għandhom jitħallsu (jew li diġà tħallas) u/jew xi rimedju ieħor ordnat/mogħti fl-ewwel 12-il każ biss għal kull entità/Bord fil-Ministeru tagħha li qed jinvestiga l-inġustizzji?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda entitá li trattat kazijiet ta’ ingustizzja fi ħdan dan il-Ministeru.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur – ġurisdizzjoni — żieda

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30485, tista’ l-Ministru tispjega jekk l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur għamilx analiżi dwar il-possibbilità li jiżdied il-kumpens li jista’ jitlob konsumatur f’każ ta’ danni morali? Jekk din l-analiżi ma saritx, tista’ tispjega għalfejn din ma saritx?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-għoti ta' danni morali mhux frekwenti ħafna u pjuttost kunċett ġdid għal Malta. Ninforma lill-Ono. Interpellant li għalissa m’hemmx ħsieb li jiżdiedu d-danni morali li jista’ jitlob il-konsumatur quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur – ġurisdizzjoni — żieda

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30485, tista’ l-Ministru tispjega jekk il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur għamilx analiżi dwar il-possibbilità li jiżdied il-kumpens li jista’ jitlob konsumatur f’każ ta’ danni morali? Jekk din l-analiżi ma saritx, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn din ma saritx?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li mill-analizi li għamel il-Kunsill, peress li il-kumpens għal danni morali huwa pjuttost kunċett ġdid għal Malta, mhux indikat li f’dan il-mument għandu jogħla tali kumpens.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur – ġurisdizzjoni — żieda

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29068, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-konsultazzjoni interna ġietx konkluża u meta l-Gvern se jniedi konsultazzjoni pubblika dwar din il-miżura?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li għalkemm hemm qbil intern li l-valur tal-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur jiżdied minn €3,500 għal €5,000, iridu jiġu kkonsultati entitajiet, inkluż il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali minħabba l-fatt li din il-bidla tista’ tinvolvi xi tibdil fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u fit-taxxi tal-Qorti rispettivi. Huwa pjanat li din il konsultazzjoni tiġi segwita b’konsultazzjoni pubblika.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – kwistjonijiet relatati mal-Att dwar il-Kompetizzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30484, tista’ l-Ministru tgħid b’liema mod tista’ konsultazzjoni fi ħdan il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur fuq kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni ‘jista’ jippreġudika’ investigazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ġaladarba fil-Kunsill m’hemmx rappreżentanza tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Kunsill ma deherlux li kellu jiddiskuti dwar materja li qed tigi investigata.

MCA u MCCAA – laqgħat – kwistjonijiet fuq internet providers

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30483 u tgħid meta saru l-laqgħat bejn il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur rigward kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ internet providers u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħat li saru?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li qatt ma saru laqgħat formali specifikament fuq internet providers bejn il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.

MCCAA – Kumitat ta’ Kordinazzjoni — laqgħat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30493 fejn kont tlabt kemm-il darba ltaqa’ l-Kumitat ta’ Kordinazzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, tista’ l-Ministru tgħid, għal kull laqgħa elenkata liema uffiċjali tal-Awtorità attendew għal dawn il-laqgħat? Tista’ tispjega wkoll għalfejn għal kważi sena u nofs, bejn it-3 ta’ Ottubru 2013 u t-2 ta’ Marzu 2015 ma saret ebda laqgħa?

Response (DALLI, HELENA)

Tabella li tispjega meta saru l-laqghat u min attenda ghalihom. Data Prezenti Sep-13 Wednesday, 04 September 2013 Chairperson DG - Competition DG – Consumers Affairs Oct-13 Thursday, 03 October 2013 Chairperson DG - Competition DG – Consumers Affairs Mar-15 Monday, 02 March 2015 Chairperson DG - Competition DG – Consumers Affairs Apr-15 Monday, 13 April 2015 Chairperson DG - Competition DG – Consumers Affairs May-15 Tuesday, 05 May 2015 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - CompetitionAdvisor to the ChairpersonInternal Auditor Jun-15 Monday, 22 June 2015 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - CompetitionAdvisor to the ChairpersonInternal Auditor Jul-15 Monday, 27 July 2015 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - CompetitionInternal Auditor Sep-15 Friday, 11 September 2015 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - CompetitionInternal Auditor Nov-15 Thursday, 05 November 2015 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - CompetitionCOOInternal Auditor Dec-15 Wednesday, 16 December 2015 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - Competition Feb-16 Wednesday, 24 February 2016 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - Competition Mar-16 Tuesday, 29 March 2016 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - Competition Apr-16 Tuesday, 26 April 2016 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - Competition May-16 Tuesday, 24 May 2016 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - Competition Aug-16 Thursday, 04 August 2016 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - Competition Sep-16 Wednesday, 07 September 2016 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs Oct-16 Wednesday, 19 October 2016 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG - Technical Regulations Division DG- Consumer Affairs DG - Competition Nov-16 Monday, 14 November 2016 Chairperson DG - Standards and Metrology Institute DG- Consumer Affairs DG - Competition

Direttur Ġenerali (Konsumatur) – ħruġ ta’ Avviżi Pubbliċi skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumaturi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30480, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) għażel li mhux f’kull każ jimxi bl-istess mod u allura minn 15 kienu biss fi 3 ċirkostanzi fejn id-Direttur Ġenerali għażel li l-pubblikazzjoni tal-Avviżi Pubbliċi ssir permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iStandard Operating Procedures ta’ kif jimxi l-Uffiċċju għall-Konsumatur f’dawn iċ-ċirkostanzi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-public warning statement johrog biss f’kaz li l-kummerċjant jibqa ma jonorax id-decizjoni tat-Tribunal wara li jkun gie interpellat biex jaghmel dan mill-Ufficju ghall-Affarijiet tal-Konsumatur. Barra minhekk l- istandard operating procedures tal-public warning statements qed jiġu abbozzati u se jitħabbru dalwaqt.

Direttur Ġenerali (Konsumatur) – ħruġ ta’ Avviżi Pubbliċi skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumaturi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30478, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iStandard Operating Procedures li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) isegwi f’dawn il-każijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li sa ftit ilu f’dan il-qasam ma kienu jeżistu l-ebda “Standard Operating Procedures” u d-Direttur Ġenerali kien jimxi fuq il-prassi li nbniet tul is-snin. Bħalissa għaddej proċess ta' abbozzar ta' standard operating procedures fl-Awtorità li fosthom hemm dawk relatati mal- public warning statements .